San Pietruburgu—“It-Tieqa fuq l-Ewropa” tar-Russja
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIR-RUSSJA
“Inħobbok, xogħol minn id Pietru! / Inħobbha l-forma riġida u simetrika tiegħek; /L-ilma kalm u maestuż tax-xmara Neva jgħaddi / bejn il-mollijiet tagħha magħmulin mill-granit—ALEKSANDR SERGEYEVICH PUSHKIN.
IL-POEŻIJA famuża taʼ Pushkin dwar San Pietruburgu, li parti minnha hi kwotata hawnhekk, tiġbed l-attenzjoni lejn il-fundatur tal-belt u l-post tagħha fit-tramuntana estrema, fejn ix-Xmara Neva tiżbokka fil-Baħar Baltiku. ‘Imma,’ forsi tistaqsi int, ‘din il-belt ewlenija tad-dinja kif bdiet teżisti f’art baxxa u niedja tat-tramuntana?’
Sa l-aħħar tas-seklu 17, it-tkabbir tar-Russja kien imfixkel għax ma kellhiex aċċess għall-baħar. Il-ħolma taʼ Pietru l-Kbir, kżar żagħżugħ Russu, kienet li jistabbilixxi “tieqa fuq l-Ewropa” għar-Russja fil-forma taʼ żbokk għall-baħar. Lejn in-nofsinhar, l-aċċess għall-Baħar l-Iswed kien imblokkat mill-Imperu Ottoman. Għalhekk, Pietru dawwar l-attenzjoni tiegħu lejn it-tramuntana fejn l-Isvezja kellha t-territorju li jmiss mal-Baħar Baltiku.
Biex iwettaq il-ħolma tiegħu, f’Awissu taʼ l-1700, Pietru ddikjara gwerra kontra l-Isvezja. Għalkemm għall-ewwel l-isforzi militari tiegħu ma kellhomx suċċess, hu ma qatax qalbu. Sa Novembru taʼ l-1702, Pietru kien ġagħalhom jirtiraw lill-Isvediżi minn Lag Ladoga. Din l-akbar għadira fl-Ewropa hi konnessa mix-Xmara Neva mal-Baħar Baltiku, xi 60 kilometru ’l bogħod. L-Isvediżi ddefendew ruħhom billi okkupaw fortizza fuq gżira ċkejkna qrib il-post fejn ix-xmara Neva tiżbokka mill-għadira. Pietru rnexxielu jaħtaf din il-fortizza fuq gżira mill-kontroll Svediż u jagħtiha l-isem ġdid taʼ Shlissel’burg.
Iktar tard l-Isvediżi rreżistew l-attakki ġo fortizza msejħa Nienshants, qrib il-post fejn ix-xmara Neva tiżbokka fil-Baltiku. F’Mejju taʼ l-1703 il-fortizza Svediża hemmhekk kienet megħluba għalkollox. Permezz taʼ din ir-rebħa, ir-Russi kellhom il-kontroll tad-delta kollha. Minnufih, Pietru beda jibni fortizza fuq il-Gżira Zayachy fil-qrib biex jiddefendi fomm ix-xmara Neva. B’hekk, fis-16 taʼ Mejju taʼ l-1703, madwar 300 sena ilu, Pietru l-Kbir poġġa l-ewwel ġebla taʼ dik li llum hi magħrufa bħala l-Fortizza taʼ Pietru-Pawl. Din hi d-data aċċettata tat-tisjis taʼ San Pietruburgu, imsemmi wara l-qaddis patrun tal-kżar, l-appostlu Pietru.
Kif Inbniet Belt Kapitali
Kuntrarju għal ħafna bliet kapitali, il-belt taʼ San Pietruburgu mill-bidunett kienet ippjanata u mibnija biex tkun kapitali impressjonanti. Minkejja li qiegħda fit-tramuntana estrema—fl-istess latitudni taʼ dak li llum hu Anchorage, fl-Alaska—Pietru daħal b’ruħu u ġismu għax-xogħol tal-bini. L-injam inġieb mill-inħawi taʼ Lag Ladoga u minn Novgorod. Mod wieħed kif Pietru rnexxielu jġib il-ġebel għall-bini kien billi impona kwota. Kull Russu li jġib xi merkanzija f’San Pietruburgu kellu jġib ukoll ċertu numru taʼ ġebel. Ukoll, Pietru pprojbixxa l-bini taʼ djar bil-ġebel, l-ewwel f’Moska u mbagħad fil-bqija taʼ l-imperu tiegħu. B’riżultat taʼ dan, bennejja bla xogħol ġew jaħdmu f’San Pietruburgu.
Il-bini tal-belt kompla b’dak li The Great Soviet Encyclopedia ssejjaħlu “pass eċċezzjonali għal dak iż-żmien.” Malajr tfaċċaw kanali tad-dranaġġ, travi tal-pedament, toroq, bini, knejjes, sptarijiet, u uffiċini tal-gvern. Fl-istess sena li fiha saru s-sisien tal-belt, beda l-bini taʼ tarzna, magħrufa bħala l-Ammiraljat, li maż-żmien saret il-kwartieri ġenerali tal-flotta Russa.
Sa l-1710 bdiet il-kostruzzjoni tal-Palazz Sajfi, dar sajfija għall-kżarijiet. Fl-1712, il-kapitali tar-Russja, bil-ħafna uffiċini governattivi tagħha, ittieħdet minn Moska għal San Pietruburgu. L-ewwel palazz tal-ġebel li nbena fil-belt, u li għadu jeżisti, tlesta fl-1714. Dan inbena għall-ewwel gvernatur tal-belt, Aleksandr Menshikov. Dik l-istess sena, ix-xogħol beda wkoll fuq il-Katidral taʼ Pietru-Pawl ġol-fortizza li għandha l-istess isem. Il-kampnar għoli ħafna tiegħu jispikka fil-belt. Il-Palazz Xitwi fuq ix-Xmara Neva kien mibni wkoll, u reġà nbena diversi drabi. Iktar tard bnew il-Palazz Xitwi preżenti li fih xi 1,100 kamra. Dan il-palazz grandjuż sar iċ-ċentru tal-belt u fih hemm l-Eremitaġġ famuż, il-mużew taʼ l-Istat.
L-ewwel għaxar snin taʼ San Pietruburgu kienu mmarkati bi tkabbir taʼ l-għaġeb. Skond xi rapporti, sa l-1714 kienu magħdudin xi 34,500 binja ġol-belt! Il-kostruzzjoni taʼ palazzi u bini kbir ħafna kompliet bla waqfien. L-influwenza qawwija tar-reliġjon fl-istorja tar-Russja tidher sew f’ħafna mill-bini tal-belt.
Per eżempju, hemm il-Katidral taʼ Kazan, bl-għamla nofs tond tiegħu u l-kolonni fil-faċċata. Id-dehra impressjonanti tiegħu fit-triq prinċipali tal-belt, Nevsky Prospekt, ikkontribwiet biex din tissejjaħ waħda mill-iktar toroq traffikużi tad-dinja. Iktar tard, beda jinbena l-Katidral taʼ San Iżakk. Xi 24,000 travu ddaħħlu fl-art niedja taʼ taħt il-katidral biex jagħmlulu pedament sod, u ntużaw 100 kilogramm deheb pur biex jiksulu l-koppla immensa.
Il-bini fl-inħawi taʼ madwar San Pietruburgu wkoll kien drammatiku. Fl-1714 beda x-xogħol fuq il-Palazz il-Kbir, residenza għal Pietru, f’Peterhof, issa Petrodvorets. Sadanittant, fil-belt fil-qrib taʼ Tsarskoe Selo, issa magħrufa bħala Pushkin, inbena l-Palazz lussuż bl-isem taʼ Katerina għall-mara taʼ Pietru. Fl-aħħar parti taʼ l-istess seklu, inbnew żewġ palazzi grandjużi fiż-żewġ subborgi fin-nofsinhar, Pavlovsk u Gatchina.
Il-ġmiel taʼ din il-belt li kienet għadha kif ġiet żviluppata kiber fil-parti l-kbira minħabba l-mijiet taʼ pontijiet mibnijin fuq il-ħafna sodod tax-xmara u kanali tagħha. B’hekk, San Pietruburgu spiss ġie deskritt bħala l-“Venezja tat-Tramuntana.” Periti Franċiżi, Ġermaniżi, u Taljani ħadmu id f’id maʼ periti Russi kapaċi biex jipproduċu dik li The Encyclopædia Britannica tgħid li hi “waħda mill-bliet l-iktar sbieħ u armonjużi fl-Ewropa.”
Sabar Minkejja l-Avversità
Dawk li opponew lil Pietru ftit li xejn irrealizzaw kemm ir-Russi kienu se jappoġġaw b’mod akkanit it-tieqa tagħhom fuq l-Ewropa. Il-ktieb Peter the Great—His Life and World jispjega: “Minn dakinhar li Pietru l-Kbir rifes l-ewwel darba fomm ix-xmara Neva, il-pajjiż u l-belt li telgħu hemmhekk dejjem baqgħu Russi.”
Tabilħaqq, bħalma jgħid il-ktieb kwotat hawn fuq, “matul is-sekli, ħadd mill-konkwistaturi li daħlu wieħed wara l-ieħor fir-Russja b’armati kbar—Karlu XII, Napuljun, Hitler—ma kien kapaċi jegħleb il-port Baltiku taʼ Pietru, għalkemm l-armati tan-Nazi assedjaw il-belt għal 900 jum fit-Tieni Gwerra Dinjija.” Matul dak l-assedju twil mietu xi miljun ruħ fil-belt. Ħafna għebu minħabba l-ksieħ u l-ġuħ matul ix-xitwa taʼ l-1941/42, meta t-temperatura niżlet għal 40 grad taħt iż-żero. F’din it-temperatura l-iskali Celsius u Fahrenheit jirreġistraw l-istess.
Fl-1914, meta bdiet l-Ewwel Gwerra Dinjija, l-isem tal-belt inbidel għal Petrograd. Meta fl-1924 miet Vladimir Lenin, l-ewwel kap taʼ l-Unjoni Sovjetika, isimha nbidel għal Leningrad. Fl-aħħar, fl-1991, bil-waqgħa taʼ l-Unjoni Sovjetika, il-belt reġgħet ħadet l-isem oriġinali, San Pietruburgu.
Kontribuzzjonijiet għad-Dinja
Fl-1724, is-sena taʼ qabel il-mewt taʼ Pietru fl-età taʼ 52 sena, tqiegħdu s-sisien għall-Akkademja Russa tax-Xjenzi bid-digriet tiegħu, u fl-1757 l-Akkademja taʼ l-Arti ġiet stabbilita fil-belt. Karl Bryullov u Ilya Repin, pitturi Russi tas-seklu 19, studjaw hemmhekk u eventwalment kisbu l-approvazzjoni internazzjonali.
Fl-1819 tqiegħdu s-sisien għall-Università taʼ l-Istat taʼ San Pietruburgu, u maż-żmien ġara l-istess għal ħafna istituzzjonijiet oħrajn taʼ tagħlim superjuri. Fl-aħħar tas-seklu 19, bħala resident f’San Pietruburgu, Ivan Pavlov, il-fiżjologu Russu li rebaħ il-Premju Nobel, żviluppa l-idea tar-rifless kundizzjonat. U hawnhekk l-ispiżjar Russu Dmitry Mendeleyev ikkompona t-tabella taʼ l-elementi perjodika tiegħu, jew, it-tabella taʼ Mendeleyev, kif inhi magħrufa fir-Russja.
Il-ħajja kulturali tal-belt ukoll ġibdet l-attenzjoni internazzjonali. Fl-1738 tqiegħdu s-sisien għall-akkademja taż-żfin, li maż-żmien saret il-Mariinsky Ballet magħruf mad-dinja kollha. Malajr il-belt iżżejnet b’ħafna swali u teatri tal-balè u tal-kunċerti. Kompożituri famużi marru joqogħdu San Pietruburgu, inkluż Pyotr Ilich Tchaikovsky. Dan hu magħruf għall-mużika dejjiema, bħalma huma l-kompożizzjonijiet tal-balè klassiku taʼ Sleeping Beauty, Swan Lake, u The Nutcracker kif ukoll il-kompożizzjoni famuża tiegħu l-1812 Overture.
Il-belt taʼ San Pietruburgu laqgħet ukoll lil għadd kbir taʼ poeti u kittieba Russi li ġew joqogħdu hawnhekk. Iż-żagħżugħ Aleksandr Sergeyevich Pushkin sar dak li ħafna jqisuh bħala “l-akbar poeta [Russu] u l-fundatur tal-letteratura Russa moderna.” Ir-risposta Russa għal Shakespeare hija Pushkin, li x-xogħlijiet tiegħu ġew tradotti fil-lingwi ewlenin kollha u jinkludu l-odi lill-belt adottata tiegħu li ġiet kwotata fil-bidu taʼ dan l-artiklu. Iżjed minn hekk, hemm Dostoyevski, li The Encyclopædia Britannica tgħid li hu “meqjus ġeneralment bħala wieħed mill-aqwa kittieba tan-novelli li qatt għexu.”
Għalhekk jistaʼ jingħad li kulma l-belt taʼ San Pietruburgu rċiviet mill-Ewropa fil-bidu umli tagħha, pattithulha b’mod ġeneruż ħafna drabi iktar. Matul is-snin ir-residenti tagħha ċertament li kabbru l-kultura dinjija.
Żmien għal Riflessjoni
Fil-ġimgħa taʼ bejn l-24 taʼ Mejju u l-1 taʼ Ġunju, mijiet taʼ eluf taʼ viżitaturi li ġew San Pietruburgu ħadu sehem fiċ-ċelebrazzjoni taʼ l-anniversarju tat-300 sena tagħha. Waqt li gawdew ir-riżultati tax-xogħol immens li sar bħala preparazzjoni, ħafna rriflettew fuq il-ġmiel u l-istorja rimarkevoli tal-belt.
B’kumbinazzjoni, il-ġimgħa taʼ qabel, ħafna kienu żaru San Pietruburgu għad-dedikazzjoni tal-faċilitajiet imkabbrin tal-fergħa Russa tax-Xhieda taʼ Jehovah. Dawn il-faċilitajiet jinsabu fis-subborgi tal-belt. L-għada ltaqgħu 9,817 fl-Istadju taʼ Kirov f’San Pietruburgu biex jisimgħu kemm reviżjoni tal-programm tad-dedikazzjoni kif ukoll rapporti inkuraġġanti dwar l-attivitajiet tax-Xhieda taʼ Jehovah f’ħafna pajjiżi.
Iktar Milli Jistaʼ Jidher
Dawk li jżuru San Pietruburgu spiss iħossu li tant hemm x’tara li ma jkunux jafu minfejn se jibdew. Din hi d-dilemma fl-Eremitaġġ. Ġie stmat illi kieku wieħed kellu jqattaʼ minuta fuq kull oġġett fil-mijiet taʼ kmamar tal-wirja, kien jieħu s-snin biex iżur kollox.
Oħrajn iqisu li waħda mill-isbaħ affarijiet li għandha x’toffri l-belt taʼ San Pietruburgu hi l-balè tagħha. Per eżempju, fit-Teatru Mariinsky famuż, wieħed jistaʼ jpoġġi bil-qiegħda u fuqu jkollu linef tal-kristall imdawrin b’faċċati u ħitan interjuri mixgħulin u miksijin bi kważi 400 kilogramm deheb. F’dan l-ambjent, tistaʼ tara dak li x’aktarx hu l-aqwa balè fid-dinja.
Mixja sempliċi f’din il-belt, li fiha joqogħdu madwar ħames miljun abitant, tistaʼ tagħtik l-esperjenza premjanti li tara bini eleganti matul ix-Xmara Neva. Il-vjaġġi bil-metro meraviljuż taħt l-art tal-belt, li għandha wieħed mill-itwal metros fid-dinja, jistgħu jkunu esperjenza kulturali mill-isbaħ. Iktar minn żewġ miljun ruħ jirkbu l-metro kuljum, jivvjaġġaw bejn l-iktar minn 50 stazzjon tiegħu fuq madwar 98 kilometru taʼ linji. Xi stazzjonijiet huma fost l-isbaħ li tistaʼ ssib kullimkien. Fl-1955, is-sena meta nfetaħ il-metro, The New York Times sejħet l-istazzjonijiet bħala “sensiela taʼ palazzi taħt l-art tas-seklu għoxrin.”
Tabilħaqq, hu diffiċli biex ma tiġix impressjonat mill-belt taʼ San Pietruburgu—bil-ħolqien u l-iżvilupp spettakolari tagħha, kif ukoll bil-wirt dejjiemi tagħha taʼ ġmiel, arti, kultura, edukazzjoni, u mużika. Hu x’inhu l-interess tagħhom, il-viżitaturi għandhom jaqblu max-xogħol taʼ referenza li jsejjaħ il-belt taʼ San Pietruburgu bħala “waħda mill-bliet l-iktar sbieħ taʼ l-Ewropa.”
[Stampa f’paġna 23]
Pietru l-Kbir, il-fundatur tal-belt
[Stampa f’paġna 24]
Il-Fortizza taʼ Pietru-Pawl bil-katidral tagħha, fejn tpoġġew il-pedamenti għall-belt taʼ San Pietruburgu
[Stampa f’paġna 24, 25]
Il-Palazz Xitwi fuq ix-Xmara Neva, issa d-dar tal-mużew taʼ l-Eremitaġġ (l-interjuri fit-tarf fuq il-lemin)
[Sors]
Il-Mużew State Hermitage, San Pietruburgu
[Stampa f’paġna 24, 25]
Il-Palazz il-Kbir
[Stampa f’paġna 25]
San Pietruburgu ġiet msejħa l-Venezja tat-Tramuntana
[Stampi f’paġna 26]
It-Teatru Mariinsky magħruf mad-dinja kollha
[Sorsi]
Steve Raymer/National Geographic Image Collection
Ritratt minn Natasha Razina
[Stampi f’paġna 26]
L-istazzjonijiet taħt l-art tal-belt taʼ San Pietruburgu ġew deskritti bħala “palazzi taħt l-art”
[Sorsi taʼ l-Istampa f’paġna 23]
L-istampa taʼ fuq: Edward Slater/Index Stock Photography; it-tpinġija u l-emblemi: The State Hermitage Museum, St. Petersburg