LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g03 9/8 pp. 12-14
  • Navigar bl-Ilma, bl-Ajru, u bir-Riħ

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Navigar bl-Ilma, bl-Ajru, u bir-Riħ
  • Stenbaħ!—2003
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Kalkoli Preċiżi Żammewhom Ħajjin
  • Tbaħħir Permezz taʼ l-​Ajru
  • Imġorrijin mill-​Irjieħ
  • In-​Navigazzjoni Tkompli Tagħmel Progress
  • “Ħadd Minnkom Mhu Se Jmut”
    Nagħtu Xhieda bid-Dettall Dwar is-Saltna t’Alla
  • ‘F’Perikli fil-Baħar’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1999
  • Kont taf?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2019
Stenbaħ!—2003
g03 9/8 pp. 12-14

Navigar bl-​Ilma, bl-​Ajru, u bir-​Riħ

TIBŻAʼ int li taqaʼ mit-​tarf tad-​dinja? X’aktarx li le. Madankollu, fl-​imgħoddi xi baħrin milli jidher kellhom dan il-​biżaʼ. Ħafna baħħru billi żammew l-​art dejjem quddiem għajnejhom. Imma kien hemm baħrin kuraġġużi oħrajn li warrbu l-​biżaʼ u baħħru fil-​baħar miftuħ.

Xi 3,000 sena ilu, baħrin Feniċi telqu mill-​portijiet taʼ pajjiżhom fuq ix-​xatt tal-​lvant tal-​Mediterran biex jinnegozjaw fl-​Ewropa u fl-​Afrika taʼ Fuq. Fir-​rabaʼ seklu Q.E.K., esploratur Grieg li kien jismu Pitea baħħar madwar il-​Britannja kollha u jistaʼ jkun li wasal saħansitra sa l-​Islanda. U ħafna qabel ma l-​vapuri Ewropej daħlu fl-​Oċean Indjan, baħrin Għarab u Ċiniżi mil-​Lvant kienu diġà qed jaqsmuh min-​naħa għall-​oħra. Fil-​fatt, Vasco da Gama, l-​ewwel Ewropew li baħħar sa l-​Indja, wasal hemmhekk qawwi u sħiħ bl-​għajnuna taʼ Ibn Majid, pilota Għarbi, li ggwida l-​vapuri taʼ Da Gama matul il-​vjaġġ taʼ 23 jum li fih qasmu l-​Oċean Indjan min-​naħa għall-​oħra. Dawn il-​baħħara tal-​qedem kif kienu jsibu t-​triq fil-​baħar?

Il-​Kalkoli Preċiżi Żammewhom Ħajjin

Il-​baħħara bikrin kellhom jiddependu minn kalkoli preċiżi. Kif jintwera fl-​istampa t’hawn taħt, il-​baħħâr kellu bżonn ikun jaf tliet affarijiet: (1) minfejn se jitlaq il-​vapur, (2) il-​veloċità tiegħu, u (3) id-​direzzjoni taʼ l-​ivvjaġġar. Kien faċli li jkun jaf minfejn se jitlaq il-​vapur. Imma kif setaʼ jiddetermina d-​direzzjoni taʼ l-​ivvjaġġar?

Biex isib id-​direzzjoni taʼ l-​ivvjaġġar tiegħu fl-​1492, Kristofru Kolombu uża boxxla. Imma l-​boxxli setgħu jinstabu fl-​Ewropa mis-​seklu 12 taʼ l-​E.K. ’l hawn biss. Mingħajr il-​boxxli, il-​piloti nnavigaw permezz tax-​xemx u l-​kwiekeb. Meta s-​sħab kien jgħattilhom il-​veduta, il-​baħrin kienu jsibu d-​direzzjoni permezz tal-​mewġ twil u regulari taʼ l-​oċean. Dan il-​mewġ kien jinħoloq minħabba l-​irjieħ qawwijin. Il-​baħrin kienu joqogħdu attenti għall-​pożizzjoni taʼ dan il-​mewġ f’relazzjoni mat-​tlugħ u l-​inżul tax-​xemx u l-​kwiekeb.

Kif kienu jikkalkulawha l-​veloċità? Mod wieħed kien li jitfgħu oġġett fil-​baħar minn fuq il-​pruwa u jżommu l-​ħin biex jaraw kemm kien idum il-​vapur biex jgħaddi minn quddiem l-​oġġett. Iktar tard ivvintaw metodu iktar preċiż li involva t-​tfigħ taʼ biċċa injama minn abbord li magħha kien ikollha marbut ħabel b’għoqod imbegħdin minn xulxin b’mod regulari u speċifiku. L-​injama li żżomm fil-​wiċċ kienet tiġbed il-​ħabel ’il barra waqt li l-​vapur jibqaʼ miexi. Wara perijodu speċifiku taʼ ħin, il-​ħabel kien jittellaʼ u jingħaddu l-​għoqod li kienu jinġibdu lura. Dan kien jindika l-​veloċità tal-​vapur bin-​knots​—mili nawtiċi kull siegħa​—kejl li għadu jintuża llum. Permezz tal-​veloċità, in-​navigatur setaʼ jikkalkula d-​distanza li l-​vapur tiegħu jkun ivvjaġġa f’ġurnata. Fuq chart, mappa tal-​baħar, kien jiġbed linja biex juri l-​progress tiegħu matul id-​direzzjoni li jkun għażel.

M’għandniex xi ngħidu, il-​kurrenti taʼ l-​oċean u l-​irjieħ mill-​ġenb setgħu jiżvijawh il-​vapur. Għalhekk, in-​navigatur perjodikament kien jikkalkula u jirrekordja l-​aġġustamenti taʼ l-​istêring li kienu jkunu meħtieġa biex iżommu l-​vapur fid-​direzzjoni t-​tajba. Kull ġurnata, kien ikompli minfejn ikun ħalla​—ikejjel, jikkalkula, ipinġi. Meta l-​vapur fl-​aħħar ikun niżżel l-​ankri, dawn in-​notamenti taʼ kuljum fuq iċ-​charts tiegħu jifformaw rekord permanenti taʼ kif il-​vapur ikun wasal fid-​destinazzjoni tiegħu. Permezz tal-​kalkoli preċiżi, xi 500 sena ilu Kolombu vvjaġġa minn Spanja għall-​Amerika taʼ Fuq u lura. Bis-​saħħa taċ-​charts tiegħu mpinġijin b’attenzjoni kbira baħħara moderni jistgħu jġibu quddiem għajnejhom il-​vjaġġ rimarkevoli tiegħu.

Tbaħħir Permezz taʼ l-​Ajru

In-​navigaturi tal-​qedem kif kienu jużaw l-​oġġetti viżibbli fis-​sema biex jiggwidaw il-​bastimenti tagħhom? It-​tlugħ u l-​inżul tax-​xemx indikaw il-​lvant u l-​punent. Fiż-​żerniq, il-​baħrin setgħu jinnotaw kemm kienet imxiet ix-​xemx billi jqabblu l-​pożizzjoni tagħha mal-​kwiekeb li jkunu għadhom jidhru. Bil-​lejl, setgħu jiddeterminaw il-​pożizzjoni tagħhom minn Polaris​—il-​Kewkba tat-​Tramuntana​—li donnha tkun kważi direttament fuq in-​North Pole wara l-​għabex. Iktar ’l isfel, kostellazzjoni tiddi ħafna magħrufa bħala s-​Southern Cross għenithom isibu s-​South Pole. Għalhekk, f’lejl mingħajr sħab, il-​baħrin fuq l-​ibħra kollha kellhom mill-​inqas referenza ċelestjali waħda li biha setgħu jiċċekkjaw id-​direzzjoni tagħhom.

Imma dawn ma kinux l-​uniċi indikazzjonijiet mill-​kwiekeb. Per eżempju, il-​Polinesjani u baħħara oħrajn tal-​Paċifiku setgħu jaqraw is-​sema bil-​lejl qishom qed jaqraw mappa tat-​toroq. Waħda mit-​tekniki tagħhom kienet tinvolvi li jistabbilixxu korsa lejn xi kewkba li kienu jafu li titlaʼ jew tinżel fuq ix-​xefaq fid-​direzzjoni tad-​destinazzjoni tagħhom. Matul il-​lejl, dawn in-​navigaturi ċċekkjaw ukoll allinjamenti oħrajn tal-​kwiekeb biex ikunu ċerti li kienu fit-​triq it-​tajba. Jekk id-​direzzjoni kienet tkun żbaljata, is-​smewwiet kienu juruhom kif jikkoreġuha.

Kemm kienet taʼ min joqgħod fuqha din is-​sistema? Fiż-​żmien meta l-​baħrin Ewropej spiss kienu jbaħħru viċin ix-​xatt għax kienu jibżgħu li se jaqgħu fix-​xifer taʼ dinja ċatta, baħħara tal-​Paċifiku milli jidher kienu qed jagħmlu vjaġġi twal biex jaqsmu l-​oċean bejn gżejjer relattivament ċkejknin. Per eżempju, iktar minn 1,500 sena ilu, il-​Polinesjani telqu mill-​Gżejjer Marquesas u vvjaġġaw lejn it-​tramuntana billi qasmu l-​Oċean Paċifiku vast. Sakemm telgħu fuq ix-​xatt fil-​Ħawajj, kienu vvjaġġaw 3,700 kilometru! Il-​folklor tal-​Gżira jirrakkonta dwar vjaġġi Polinesjani fil-​qedem mill-​Ħawajj għal Taħiti u lura għal ħafna drabi. Xi kittieba taʼ l-​istorja jgħidu li dawn ir-​rakkonti huma sempliċi leġġendi. Minkejja dan, baħħara fi żmienna rripetew dan il-​vjaġġ billi nnavigaw permezz tal-​kwiekeb, il-​mewġ taʼ l-​oċeani, u fenomeni naturali oħrajn​—mingħajr strumenti.

Imġorrijin mill-​Irjieħ

Il-​vapuri bil-​qlugħ kienu jiddependu għalkollox mill-​irjieħ. Żiffa minn wara kienet tmexxi l-​vapur ħelu ħelu, imma riħ mill-​faċċata kien inaqqas il-​pass tal-​vapur b’mod konsiderevoli. Il-​fatt li ma jkunx hemm riħ, bħalma kien jiġri spiss fid-​doldrums—ir-​reġjun madwar l-​ekwatur—kien ifisser li ma jkunx hemm progress. Maż-​żmien, il-​baħrin skoprew l-​irjieħ l-​iktar spissi taʼ l-​oċean li għenuhom jistabbilixxu toroq prinċipali fil-​baħar għall-​vapuri tal-​qlugħ fl-​oċeani. In-​navigaturi użawhom tajjeb dawn l-​irjieħ.

Naturalment, meta l-​irjieħ kienu jkunu kontra, setgħu jġibu wkoll il-​miżerja u l-​mewt. Per eżempju, meta fl-​1497 Da Gama salpa mill-​Portugall lejn il-​famuża Kosta Malabar taʼ l-​Indja, irjieħ qawwijin ħaduh ’il barra fl-​Atlantiku tan-​Nofsinhar u mbagħad ġarrewh lura lejn ix-​xlokk madwar il-​Kap tat-​Tama t-​Tajba taʼ l-​Afrika. Imma fl-​Oċean Indjan iltaqaʼ mal-​monsuni—irjieħ li jbiddlu d-​direzzjoni skond l-​istaġun. Kmieni kull sena, il-​monsun tas-​sajf jitlaʼ mil-​lbiċ taʼ l-​Oċean Indjan, u għal xhur sħaħ ikaxkar kulma jkun hemm fuq il-​baħar lejn l-​Asja. Fl-​aħħar tal-​ħarifa jibda jonfoħ il-​monsun tax-​xitwa. Dan jiġi b’qawwa kbira mill-​grigal u jkaxkar kollox lura lejn l-​Afrika. Imma Da Gama telaq mill-​Indja f’Awissu u malajr sab maʼ wiċċu rjieħ mhux favorevoli. Minflok it-​23 jum li kellu bżonn biex jaqsam lejn il-​lvant, il-​vjaġġ tiegħu lura dam kważi tliet xhur. Minħabba dan id-​dewmien, spiċċa l-​ikel frisk, u b’hekk tilef ħafna mill-​ekwipaġġ tiegħu bil-​marda taʼ l-​iskorbut.

Navigaturi li jilħqilhom fuq l-​Oċean Indjan tgħallmu jiċċekkjaw il-​kalendarju kif ukoll il-​boxxla. Vapuri li kienu jkunu sejrin lejn il-​lvant u jgħaddu mill-​Kap tat-​Tama t-​Tajba kellhom ibaħħru lejn l-​Indja sa kmieni fis-​sajf jew inkella kellhom jistennew xhur sħaħ għal irjieħ favorevoli. Mill-​banda l-​oħra, il-​kaptani tal-​vapuri kienu jitilqu mill-​Indja lejn l-​Ewropa fl-​aħħar tal-​ħarifa biex jevitaw il-​battalja kontra l-​monsun tas-​sajf. B’hekk, ir-​rotta taʼ l-​Oċean Indjan kienet bħal triq li tidħol għaliha minn naħa waħda, daqqa minn naħa u daqqa mill-​oħra—it-​traffiku fuq il-​baħar bejn l-​Ewropa u l-​Kosta Malabar taʼ l-​Indja spiss mexa f’direzzjoni waħda u mbagħad fid-​direzzjoni l-​oħra.

In-​Navigazzjoni Tkompli Tagħmel Progress

Iż-​żmien għadda, u l-​arti tan-​navigazzjoni eventwalment stabbiliet korsa ġdida. L-​istrumenti mekkaniċi bdew inaqqsu d-​dipendenza fuq l-​għajn naturali u fuq is-​suppożizzjonijiet. Bl-​għajnuna taʼ l-​astrolabju u iktar tard tas-​sekstant li kien iktar eżatt—apparati li jiddeterminaw l-​elevazzjoni tax-​xemx jew taʼ kewkba ’l fuq mix-​xefaq—il-​baħħara setgħu jsibu l-​latitudni tagħhom lejn it-​tramuntana jew in-​nofsinhar taʼ l-​ekwatur. Il-​kronometru tal-​baħar—arloġġ li jiflaħ għall-​baħar u li hu taʼ min joqgħod fuqu—tahom l-​abbiltà li jiddeterminaw il-​lonġitudni, il-​pożizzjoni tagħhom lejn il-​lvant jew il-​punent. Dawn l-​istrumenti kienu ferm iktar korretti mill-​kalkoli preċiżi.

Illum, il-​kumpass ġiroskopiku jindika t-​tramuntana mingħajr labra manjetika. Il-​Global Positioning System tistaʼ tindika l-​post eżatt taʼ dak li jkun billi jagħfas ftit buttuni. Wirjiet elettroniċi spiss jieħdu post il-​mapep fuq il-​karta. Iva, in-​navigazzjoni saret xjenza eżatta. Imma dan l-​avanz kollu jżidilna biss ir-​rispett lejn il-​kuraġġ u s-​sengħa tal-​baħħara tal-​qedem li ggwidaw il-​bastimenti tagħhom minn ġo ibħra vasti u vojta bl-​għarfien tagħhom biss dwar l-​ilma, l-​ajru, u r-​riħ.

[Dijagramma/Stampi f’paġna 12, 13]

(Ghall-formazzjoni shiha tat-​test, ara pubblikazzjoni)

Kalkoli Preċiżi

Il-​kalkoli preċiżi kienu dokumentati bir-​reqqa għal navigazzjoni fil-​futur

1 It-​tluq

↓

2 Il-​Veloċità Determinata bl-​użu taʼ biċċa injama,

ħabel bl-​għoqod imbegħdin minn xulxin

b’mod regulari, u arloġġ

↓

3 Id-​Direzzjoni Determinata billi josservaw il-​kurrenti,

il-​kwiekeb, ix-​xemx, u r-​riħ

[Stampi]

Boxxla

Sekstant

[Stampi f’paġna 14]

In-​navigazzjoni taʼ llum hi xjenza eżatta minħabba l-​istrumenti l-​iktar moderni

[Sors]

Kværner Masa-Yards

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja