Il-Komunikazzjoni—Vitali għan-Nisġa tal-Ħajja fuq l-Art
META Julie kienet tarbija, il-ġenituri tagħha kellhom sebaʼ mitt sena sakemm bdiet tlissen l-ewwel ftit kliem. Omm Julie tgħid: “Meta tismaʼ ‘Mamma’ u ‘Dadda’ ħerġin minn fomm tarbija tħoss ferħ kbir li ebda ġenitur ma jistaʼ jispjegah sew. L-ewwel darba li Julie sejħitli ‘Mamma,’ kien bħallikieku kienet qed tħaddanni magħha b’dirgħajha ċkejknin u tgħidli: ‘Int ommi. Inħobbok u rrid inkellmek.’ Qatt ma se ninsa dak il-mument speċjali.” Iva, l-abbiltà li nikkomunikaw hija tabilħaqq għotja prezzjuża!
M’għandniex xi ngħidu, il-bnedmin m’humiex l-uniċi ħlejjaq li huma kapaċi jikkomunikaw. Għalkemm l-annimali jimxu iktar bl-istint, dawn ukoll għandhom forom taʼ komunikazzjoni straordinarji. Per eżempju, fl-Antartika mimlija silġ, il-pingwini imperjali li jkunu fin-namra kull sena jgħaddu mir-ritwal taʼ qabel ix-xitwa li fih jibdew jgħajtu lil xulxin—iżda dan ma jagħmluhx għall-gost. F’dan ir-ritwal hemm involuta l-ħajja tal-wild il-ġdid taʼ kull koppja. Dan kif?
Wara li tbid il-bajda, il-mara tagħtiha lis-sieħeb tagħha biex iżommha f’ħobbu u jfaqqasha waqt li hi tmur fil-baħar biex tiekol. Xi 65 jum wara tiġi lura, wara li tkun ilha tiżżegleg u tiżżerżaq fuq żaqqha fuq is-silġ għal xi 150 kilometru. Diġà huwa miraklu li jirnexxilha ssib l-istess grupp taʼ pingwini, imma kif issib lis-sieħeb tagħha u l-fellus tagħhom li jkun għadu kif faqqas fost eluf taʼ pingwini imperjali li jkunu qed jgħajtu? Waqt in-namra kull għasfur tant jimmemorizza tajjeb l-għajta taʼ l-ieħor li saħansitra wara li jkunu ilhom ma jaraw lil xulxin għal xhur sħaħ, xorta jirnexxilhom isibu lil xulxin!
Minbarra din il-varjetà fenomenali taʼ ħsejjes, il-komunikazzjoni taʼ l-annimali tinkludi l-ġesti, il-kuluri li jiġbdu l-attenzjoni, it-tfigħ taʼ dawl, u l-irwejjaħ komplikati. U għalkemm tistaʼ tidher xi ħaġa inkredibbli, anki l-pjanti jikkomunikaw bejniethom u maʼ ċerti annimali, bħalma se naraw. Iva, il-komunikazzjoni hija verament vitali għan-nisġa tal-ħajja fuq l-art li hija tant dettaljata u li l-ħajjiet li fiha tant jiddependu minn xulxin.
Tixtieq tkun taf iktar dwar xi wħud mill-forom affaxxinanti tal-komunikazzjoni fid-dinja taʼ madwarna? U tixtieq iżżid l-apprezzament tiegħek għall-abbiltà tiegħek stess tal-komunikazzjoni u saħansitra ttejjibha? L-artikli li jmiss jistgħu jgħinuk.
[Stampa f’paġna 3]
Il-pingwin imperjali mara kif issib lis-sieħeb tagħha?