Ħarsa Lejn id-Dinja
Il-Perikli taʼ li Tipprova Tlaħħaq Kollox f’Daqqa
Jekk tipprova tlaħħaq kollox f’daqqa, “tistaʼ ssir inqas produttiv u, biex ngħidu hekk, traskurat,” jgħid The Wall Street Journal. “Jekk tipprova tagħmel żewġ jew tliet affarijiet f’daqqa jew eżatt wara xulxin tistaʼ tieħu iktar ħin milli kieku tagħmel kollox ħaġa ħaġa, u tistaʼ tispiċċa b’inqas saħħa mentali biex twettaq kull biċċa xogħol.” Xi sinjali li juruk li qed titgħabba żżejjed huma li ma jkollokx memorja daqshekk tajba (bħal per eżempju, tibda tinsa xi tkun għadek kif għamilt jew għedt), titlef il-konċentrazzjoni malajr, ma tkunx kapaċi tikkonċentra, ikollok sintomi taʼ stress (bħal per eżempju, jibda jinqatagħlek nifsek), u tibda ssibha diffiċli biex tikkomunika maʼ ħaddieħor. L-effiċjenza tiġi l-iktar effettwata meta xi biċċa xogħol tirrikjedi li tuża l-istess partijiet tal-moħħ, bħal meta tkun qed titkellem fuq it-telefon u tismaʼ t-tifel ikellmek b’leħen għoli mill-kamra l-oħra. Huwa perikoluż li tipprova tlaħħaq kollox f’daqqa speċjalment waqt is-sewqan. Attivitajiet bħal li tiekol jew tixrob, li tersaq biex iġġib xi ħaġa, li tintilef titħaddet maʼ xi passiġġier jew fuq it-telefon, li tagħmel il-make-up, jew sempliċement li tirranġa r-radju jew xi ħaġa oħra, jistgħu jtellfuk għal ftit u jirriżultaw f’aċċident.
Qatt Theżżeż Tarbija!
Meta xi ħadd jheżżeż tarbija bil-qawwi jkun qed jagħtiha skoss li “jistaʼ jġagħalha titlef id-demm fir-ras u jżidilha l-pressjoni fuq il-moħħ u jġagħlu jinfaqaʼ,” tgħid il-gazzetta Toronto Star. Peress li l-muskoli taʼ tarbija jkunu għadhom ma żviluppawx għalkollox u t-tessuti tal-moħħ ikunu fraġli wisq, “jekk tarbija tiġi mheżża għal ftit sekondi tistaʼ tagħmlilha l-ħsara għal ħajjitha kollha. Jiġrilha hekk għaliex jintefħilha moħħha u ssirlu l-ħsara, issofri paralisi ċerebrali, tispiċċa ritardata minn moħħha jew ikollha dewmien fl-iżvilupp, tagħma, titlef is-smigħ, tipparalizza jew tmut.” It-Tabib James King, pedjatra fl-Isptar tat-Tfal tal-Lvant taʼ Ontario, għamel riċerka dwar l-effett fuq it-trabi meta jiġu mheżża. Hu jgħid li l-pubbliku jeħtieġ jiġi mgħallem, għax bħalma jiġri spiss ma jkunx jidher mill-ewwel li t-tarbija tkun weġġgħet u meta tiġi eżaminata jistgħu jaħsbu li jkollha riħ jew virus. “Irridu ngħaddu l-messaġġ ċar u tond li qatt m’għandek theżżeż tarbija,” jgħid it-Tabib King. “Uħud li għadhom kif saru ġenituri għandhom ikunu jafuh dan.”
Id-Dipressjoni Konnessa maʼ Mard Ieħor
“L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) tbassar li sa l-2020 id-dipressjoni se tkun biss it-tieni l-akbar kawża taʼ diżabilità madwar id-dinja wara l-mard tal-qalb,” jistqarr il-U.S.News & World Report. Iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar din il-problema tas-saħħa pubblika mhix qed tiġi kunsidrata bħala li hi “psikoloġika biss.” Skond Philip Gold, il-kap tal-klinika taʼ l-endokrinoloġija tan-nervituri fl-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa Mentali, “id-dipressjoni fir-realtà hija l-unika marda fis-sistema tal-ġisem li teffettwa—u tikkomplika—kważi l-mard l-ieħor kollu.” Id-dipressjoni tistaʼ anki tqanqal problemi bħall-mard tal-qalb u d-dijabete. Per eżempju, ir-riċerka turi li min għandu d-dipressjoni “għandu [l-muskoli] taʼ qalbu iktar ebsin, u ma jkunx jistaʼ jwieġeb daqshekk malajr għall-bżonn tal-ġisem għad-demm u l-ossiġnu,” jgħid l-artiklu. Ukoll, “moħħ effettwat mid-dipressjoni jibgħat sinjali li jkollu bżonn iktar enerġija, u dawn jistgħu jqanqlu l-produzzjoni taʼ [l-ormoni li jissejħu] cortisol, u għalhekk jiżdied iz-zokkor fid-demm.” Jidher ukoll li hemm konnessjoni bejn id-dipressjoni, l-osteoporożi, u l-kanċer. Qed isiru studji biex jaraw jekk il-fejqan tad-dipressjoni jgħinx biex ibiddel ir-riżultat taʼ mard bħal dan.
Iż-Żwieġ u s-Saħħa tal-Qalb
“Ir-riċerka wriet li l-kwalità taż-żwieġ taʼ individwu tistaʼ turi jekk hux se jfiq malajr wara operazzjoni tal-qalb,” tgħid The Daily Telegraph taʼ Londra. Skond Dr. James Coyne, taʼ l-Università taʼ Pennsylvania, fl-Istati Uniti, żwieġ hieni jistaʼ jagħti lill-pazjent raġuni biex jissielet ħalli jerġaʼ jkun f’saħħtu, imma “żwieġ ħażin jistaʼ jkun agħar għal pazjent milli jekk ma jkunx miżżewweġ.” Dr. Coyne u t-tim tiegħu rrekordjaw fuq vidjo l-argumenti li l-koppji jkollhom id-dar u sabu li l-pazjenti li kellhom rapport ħażin fiż-żwieġ kellhom darbtejn iktar ċans li jmutu wara erbaʼ snin minn dawk li kellhom komunikazzjoni iktar tajba. Dr. Linda Waite, professoressa tas-soċjoloġija fl-Università taʼ Chicago, tikkonkludi li żwieġ tajjeb jistaʼ jitqiegħed “eżatt fl-istess kategorija maʼ dieta tajba, l-eżerċizzju u li [l-pazjent] ma jpejjipx.”
“Żbilanċ Allarmanti tas-Sessi” fiċ-Ċina
“Skond il-ħames ċensiment nazzjonali li sar fiċ-Ċina, ir-ratio tar-rata tat-twelid [tas-subien u l-bniet] issa qiegħed 116.9:100 favur it-tfal subien, meta mqabbel mal-113.8:100 fl-1990,” tgħid ir-rivista China Today. “Dawn iż-żewġ figuri huma ħafna iktar mill-figura normali taʼ 105:100, u jindikaw l-iżbilanċ allarmanti tas-sessi li sejjer għall-agħar u li kien diġà jeżisti fiċ-Ċina.” Qed jiġi mbassar li fil-futur xi 50 miljun raġel Ċiniż mhux se jirnexxilu jsib sieħba meta jilħaq l-età li fiha jistaʼ jiżżewweġ. L-artiklu jżid: “Zheng Zizhen, il-kap taʼ l-Istitut tas-Soċjoloġija u d-Dermatografija tal-Provinċja taʼ Guangdong, ġie kwotat li qal li dan l-iżbilanċ fir-rata tat-twelid tas-sessi se jkollu effett negattiv fuq l-istruttura tal-popolazzjoni, is-soċjetà, u l-morali taċ-Ċina.”
Dak li Verament Jinkwieta lill-Adolexxenti
“Il-ġenituri tant huma inkwetati dwar li l-adolexxenti tagħhom jispiċċaw involuti fid-droga li mhux qed jindunaw bil-problemi serji emozzjonali u tas-saħħa mentali li jikkonċernaw lil uliedhom,” tgħid The Times taʼ Londra. Studju li sar fuq iktar minn 500 ġenitur u iktar minn 500 adolexxent juri li 42 fil-mija mill-ġenituri jemmnu li l-abbuż tad-droga hija l-unika u l-akbar problema li jistgħu jiffaċċjaw uliedhom. Madankollu, 19 fil-mija biss mill-adolexxenti jaqblu magħhom. Wieħed u tletin fil-mija mill-adolexxenti jinkwetaw dwar ir-relazzjonijiet mal-ħbieb u mal-familja, u 13 fil-mija jinkwetaw minħabba l-bulijiet. Justin Irwin, id-direttur tas-servizz tat-telefon li joffri l-għajnuna msejjaħ Get Connected, l-organizzazzjoni li għamlet l-istudju, kien inkwetat partikolarment dwar it-tendenza tal-ġenituri li jinjoraw il-problemi psikoloġiċi u emozzjonali taʼ l-adolexxenti tagħhom. Hu jħeġġeġ lill-ġenituri: “Tibqgħux tassumu. Siru realistiċi.”
Effetti taʼ Ħsara Minħabba n-Nuqqas taʼ Rqad
“Disgħa fil-mija mill-Pollakki jorqdu inqas minn ħames sigħat kull lejl,” jirrapporta Wprost, il-ġurnal taʼ kull ġimgħa taʼ Warsaw. “Fost l-Amerikani u l-Britanniċi, 1 minn kull tlieta jorqod biss 6 sigħat u nofs kull lejl.” Skond Michał Skalski minn klinika tal-problemi bl-irqad fil-Polonja, “min jorqod ftit iħossu dejjem stressat.” Ir-riċerka Ġappuniża tindika li “r-riskju taʼ l-attakk tal-qalb huwa ogħla b’50 fil-mija f’dawk li jorqdu ħames sigħat jew inqas kuljum meta mqabbel maʼ dawk li jorqdu tmien sigħat kull lejl,” jirrapporta Wprost. Barra minn hekk, l-istudji Amerikani jindikaw li n-nuqqas taʼ rqad jistaʼ jkun relatat mad-dijabete u problemi oħrajn tas-saħħa. In-nuqqas taʼ rqad mhux biss “iwassal għal bidliet fil-livell taz-zokkor fid-demm” iżda hu konness ukoll maż-“żjieda fir-riskju taʼ ħxuna żejda,” jgħid ir-rapport. “Meta tkun għajjien, ġismek jipprova jpatti għan-nuqqas t’enerġija,” tispjega r-rivista American Fitness. “Min ikun nieqes mill-irqad għandu t-tendenza li jiekol u jixrob iktar biex iħossu iktar imqajjem. Għalhekk, jekk inqast fil-piż u trid tibqaʼ mingħajru, orqod ftit iktar.”
Jum fl-Uffiċċju
Fi studju li sar mill-London Magazine, 511-il persuna ntalbu jitkellmu dwar kif tkun normalment il-ġurnata tagħhom. Matul il-ħin tax-xogħol, nofshom qalu li xorbu l-alkoħol, 48 fil-mija serqu, u terz minnhom ħadu d-drogi, tirrapporta l-gazzetta taʼ Londra The Daily Telegraph. Iktar minn hekk, 42 fil-mija “immaġinaw lilhom infushom joqtlu lill-imgħallem,” kważi terz minnhom “raw il-pornografija fuq l-internet,” “62 fil-mija ntalbu minn xi kollega biex ikollhom x’jaqsmu sesswalment u kważi għoxrin fil-mija għamlu s-sess fl-uffiċċju.” Sitta u tletin fil-mija tal-ħaddiema gidbu dwar xogħolhom, 13 fil-mija qalu li kienu lesti jkollhom x’jaqsmu maʼ l-imgħallem biex jiksbu promozzjoni, u 45 fil-mija kienu lesti li jqarrqu minn wara dahar sħabhom biex jiksbu xi promozzjoni. Skond il-psikoterapista Philip Hodson, ħafna minn din il-kondotta tiġi minħabba r-rabja lejn min ikun qed imexxi. Hu qal: “Aħna lesti nagħmlu minn kollox biex niksbu l-ogħla post. It-titli, il-pożizzjoni, u l-qagħda ekonomika huma importanti ħafna għalina.”
Il-Bżonn tal-Konversazzjoni fil-Familja
“Il-konversazzjonijiet tal-familja spiċċaw biex saru sempliċi ‘tgemgima taʼ kuljum’ li lit-tfal iż-żgħar ma tagħmilhomx kapaċi jitkellmu kif suppost,” tirrapporta The Times taʼ Londra. Alan Wells, id-direttur taʼ l-Aġenzija taʼ l-Abbiltajiet Bażiċi li għandu l-gvern, li tieħu ħsieb il-livelli taʼ l-edukazzjoni fil-Britannja, iwaħħal fil-fatt li t-tfal “joqogħdu quddiem it-televixin u l-kompjuter u li l-familji ma jqattgħux ħin jieklu flimkien.” Wells iwaħħal ukoll fiż-żjieda tal-familji b’ġenitur wieħed mingħajr nanniet, kif ukoll fil-fatt li issa ftit ġenituri għadhom jaqraw xi ħaġa lil uliedhom. Hu jemmen li dawn il-fatturi jgħinu biex jispjegaw għala t-tfal li jidħlu l-iskola taʼ erbaʼ jew ħames snin “ma jkunux jafu jitkellmu u jesprimu ruħhom sew” daqs kemm kienu kapaċi t-tfal fil-passat. Wells jissuġġerixxi li jsiru programmi li jgħallmu lill-ġenituri kif iqattgħu l-ħin maʼ wliedhom.