Alla Għandu Isem!
X’jismu Alla? Il-bnedmin kollha għandhom isem persunali. Mhux talli hekk, talli ħafna wħud saħansitra jsemmu lill-annimali domestiċi tagħhom! Ma tkunx xi ħaġa raġunevoli li Alla wkoll ikollu isem? Żgur li fejn jidħlu r-relazzjonijiet bejn il-bnedmin, il-fatt li jkollhom u jużaw l-ismijiet hu vitali. Għandu dan il-fatt jinbidel meta nitkellmu dwar ir-relazzjoni tagħna m’Alla? L-ironija hi li miljuni taʼ wħud li jgħidu li jafdaw fl-Alla tal-Bibbja ma jużawx l-isem persunali tiegħu. Madankollu, isem Alla ilu magħruf għal sekli sħaħ. Hekk kif taqra din is-serje taʼ artikli, tgħallem dwar iż-żmien meta isem Alla kien jintuża minn ħafna. Iktar importanti minn hekk, tgħallem x’tgħid il-Bibbja dwar li ssir taf lil Alla b’ismu.
SAS-SEKLU 17, ħafna pajjiżi Ewropej kienu qed jagħmlu muniti li fuqhom kien hemm l-isem taʼ Alla. Fuq munita Ġermaniża li saret fis-sena 1634 kien jidher sew l-isem Jehovah. Dawn il-muniti saru magħrufa maʼ kulħadd bħala l-muniti taʼ Jehovah, u damu fl-idejn għal sekli sħaħ.
Jehovaha huwa traduzzjoni aċċettata għal sekli sħaħ taʼ isem Alla. Fl-Ebrajk, lingwa li tinqara mil-lemin għax-xellug, l-isem jidher bħala erbaʼ konsonanti, יהוה. Dawn l-erbaʼ ittri bl-Ebrajk—tradotti letteralment bħala JĦWH—huma magħrufa bħala t-Tetragrammaton. Isem Alla f’din il-forma dam ukoll jitnaqqax fuq ħafna muniti għal ħafna snin.
Isem Alla tistaʼ ssibu wkoll fuq xi bini, monumenti, u xogħlijiet taʼ l-arti kif ukoll f’ħafna innijiet tal-knejjes. Skond l-enċiklopedija Ġermaniża Brockhaus, xi darba kienet id-drawwa tal-prinċpijiet Protestanti li jilbsu emblema magħmula minn rappreżentazzjoni taʼ xemx u t-Tetragrammaton. Is-simbolu, li kien jintuża wkoll fuq il-bnadar u l-muniti, kien magħruf bħala l-emblema taʼ Jehovah u x-Xemx. Jidher ċar li l-Ewropej reliġjużi ferm tas-sekli 17 u 18 kienu jafu li Alla li Jistaʼ Kollox għandu isem. Iktar importanti minn hekk, ma kinux jibżgħu jużawh.
L-isem t’Alla lanqas ma kien misteru għall-Amerika Kolonjali. Per eżempju, ikkunsidra s-suldat tar-Rivoluzzjoni Amerikana Ethan Allen. Skond id-djarju tiegħu, fl-1775 hu talab lill-għedewwa biex iċedu “f’isem il-Kbir Jehovah.” Iktar tard, meta Abraham Lincoln kien president, ħafna minn dawk li kienu jagħtuh il-pariri spiss kienu jsemmu l-isem Jehovah fl-ittri li kienu jibagħtu lil Lincoln. Dokumenti oħra taʼ l-istorja Amerikana li fihom l-isem t’Alla huma disponibbli f’ħafna libreriji biex jarahom il-pubbliku. Dawn huma biss ftit eżempji taʼ kif l-isem t’Alla deher ċar għal ħafna sekli.
Xi ngħidu għal-lum? Isem Alla ntesa? Ma tantx. Diversi traduzzjonijiet tal-Bibbja jużaw l-isem persunali t’Alla f’ħafna versi. Jekk taqbeż qabża sa xi librerija jew tagħmel ftit minuti tfittex fid-dizzjunarji tiegħek stess wisq probabbli se ssib li l-isem Jehovah huwa aċċettat minn ħafna bħala t-traduzzjoni lokali tat-Tetragrammaton. Per eżempju, l-Encyclopedia International b’mod ċar tiddeskrivi l-isem Jehovah bħala “l-forma moderna taʼ l-isem qaddis t’Alla bl-Ebrajk.” Edizzjoni reċenti taʼ The New Encyclopædia Britannica tispjega li Jehovah hu “l-isem Lhudi-Kristjan għal Alla.”
Għandek mnejn tistaqsi, ‘Imma għandu l-isem t’Alla jinteressa lin-nies illum?’ L-isem t’Alla, f’xi forma jew oħra, għadu jidher f’ħafna postijiet pubbliċi. Per eżempju, l-isem Jehovah jinsab imnaqqax f’ġebla tal-kantuniera f’bini ġewwa l-Belt taʼ New York. Fl-istess belt, l-isem instab ukoll bl-Ebrajk f’mużajk kulurit li jżejjen stazzjon tal-ferrovija taħt l-art li jintuża ħafna. Madankollu, x’aktarx li mill-eluf taʼ nies li mxew f’dawn il-postijiet ftit kienu dawk li taw kas din il-kitba.
Huwa l-isem t’Alla importanti għan-nies fejn tgħix int? Jew il-biċċa l-kbira min-nies jirreferu għall-Ħallieq bħala “Alla,” bħallikieku dan it-titlu kien ismu? Għandek mnejn tosserva li ħafna nies ma tantx jimpurtahom dwar jekk Alla għandux isem. Int x’taħseb? Tħossok komdu tirreferi għal Alla bl-isem persunali tiegħu, Jehovah?
[Nota taʼ taħt]
a Din is-serje t’artikli turi l-isem Jehovah b’39 forma bħalma jintuża f’iktar minn 95 lingwa.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 4]
Re li Għarraf l-Isem taʼ Jehovah
Fl-1852, grupp taʼ missjunarji telaq mill-Ħawajj u rħielha lejn il-gżejjer tal-Mikronesja. Huma ħadu magħhom ittra biex tintroduċihom. Din kellha s-siġill uffiċjali tar-Re Kamehameha III, li dak iż-żmien kien il-monarka li kien jaħkem fuq il-Gżejjer tal-Ħawajj. Parti minn din l-ittra, li oriġinalment inkitbet bil-lingwa tal-Ħawajj u ġiet indirizzata lid-diversi ħakkiema tal-Gżejjer tal-Paċifiku, kienet tgħid: “Dalwaqt se jbaħħru għal għandek xi għalliema taʼ l-Alla l-Iktar Għoli, Jehovah, biex jgħarrfuk bil-Kelma Tiegħu għas-salvazzjoni dejjiema tiegħek. . . . Nagħtik il-parir tilqagħhom b’rispett u tagħmel ħbieb maʼ dawn l-għalliema tajbin u nħeġġek tagħti widen għat-tagħlim tagħhom. . . . Nagħtik il-parir li teħles mill-idoli tiegħek, aċċetta lill-Mulej Jehovah bħala Alla tiegħek, qimu u ħobbu u Hu se jbierkek u jsalvak.”
[Stampa]
Ir-Re Kamehameha III
[Sors]
Hawaii State Archives
[Stampa f’paġna 3]
It-Tetragrammaton, li jfisser “erbaʼ ittri,” jispelli l-isem persunali t’Alla bl-Ebrajk