LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 2/8 pp. 5-9
  • Il-Ġlieda Kontra l-Isem t’Alla

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Ġlieda Kontra l-Isem t’Alla
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • It-​Tielet Kmandament
  • Iktar Sforzi biex Jinħeba l-​Isem
  • Prattika li Tmur Kontra r-​Rieda t’Alla
  • L-isem t’Alla
    Stenbaħ!—2017
  • Huwa Ħażin li Tippronunzja l-​Isem t’Alla?
    Stenbaħ!—1999
  • L-​Isem Divin​—L-​Użu u t-​Tifsira Tiegħu
    Il-Bibbja X’Tgħallem Verament?
  • X’jismu Alla?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2019
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 2/8 pp. 5-9

Il-​Ġlieda Kontra l-​Isem t’Alla

HANANIAH Ben Teradion kien studjuż Lhudi tat-​tieni seklu E.K., magħruf għal-​laqgħat li kien jagħmel fil-​beraħ biex jgħallem mis-​Sefer Tora, skroll li fih l-​ewwel ħames kotba tal-​Bibbja. Ben Teradion kien magħruf ukoll għall-​fatt li kien juża l-​isem persunali t’Alla u jgħallmu lil oħrajn. Meta tikkunsidra li l-​ewwel ħames kotba tal-​Bibbja fihom l-​isem t’Alla iktar minn 1,800 darba, kif setaʼ jgħallem it-​Tora mingħajr ma jgħallem dwar l-​isem t’Alla?

Madankollu, żmien Ben Teradion kien żmien perikoluż għall-​istudjużi Lhud. Skond l-​istudjużi taʼ l-​istorja Lhudija, l-​imperatur Ruman għamilha xi ħaġa illegali li wieħed jgħallem jew jipprattika l-​Ġudaiżmu u l-​kastig kien il-​mewt. Eventwalment, ir-​Rumani arrestaw lil Ben Teradion. Meta ġie arrestat hu kellu f’idejh kopja tas-​Sefer Tora. Meta wieġeb lil dawk li akkużawh, hu ammetta ċar u tond li meta kien qed jgħallem il-​Bibbja kien sempliċement qed jobdi kmand minn Alla. Xorta waħda, hu ngħata s-​sentenza tal-​mewt.

Dakinhar li nqatel, Ben Teradion ġie mgerbeb fl-​iskroll tal-​Bibbja li kellu fuqu meta ġie arrestat. Imbagħad ġie maħruq maʼ zokk. L-​Encyclopaedia Judaica tgħid li “sabiex iġagħluh idum iktar ibati billew trofof tas-​suf fl-​ilma u poġġewhomlu maʼ qalbu ħalli ma jmutx malajr.” Bħala parti mill-​kastig tiegħu, martu nqatlet ukoll u bintu nbiegħet lil dar tal-​prostituzzjoni.

Għalkemm ir-​Rumani kienu responsabbli għal dan il-​qtil brutali taʼ Ben Teradion, it-​Talmuda jgħid li hu “ngħata l-​kastig li jinħaraq minħabba li kien isemmi l-​Isem kollu kemm hu.” Iva, għal-​Lhud, li jgħidu l-​isem persunali t’Alla kien tabilħaqq dnub serju.

It-​Tielet Kmandament

Jidher ċar li matul l-​ewwel u t-​tieni sekli E.K., żviluppat superstizzjoni fost il-​Lhud dwar l-​użu taʼ l-​isem t’Alla. Il-​Mixna (kollezzjoni taʼ kummentarji rabbiniċi li saret il-​pedament tat-​Talmud) tistqarr li “min ilissen l-​isem divin kif inhu spellut” m’għandux sehem fil-​Ġenna taʼ l-​art futura mwiegħda minn Alla.

Minfejn ġiet din il-​projbizzjoni? Xi wħud jisħqu li l-​Lhud kienu jikkunsidraw l-​isem t’Alla bħala li hu qaddis wisq biex bnedmin imperfetti jlissnuh. Maż-​żmien, kienu joqogħdu lura saħansitra milli jiktbu l-​isem. Skond sors wieħed, dan il-​biżaʼ ġie minħabba li inkwetaw li d-​dokument bl-​isem miktub fuqu iktar tard setaʼ jispiċċa fiż-​żibel, u għalhekk issir profanazzjoni taʼ l-​isem divin.

L-​Encyclopaedia Judaica tgħid li “kienu jevitaw li jlissnu l-​isem JĦWH . . . minħabba fehma ħażina tat-​Tielet Kmandament.” It-​tielet mill-​Għaxar Kmandamenti li Alla ta lill-​Iżraelin jistqarr: “La ssemmix l-​isem tal-​Mulej, Alla tiegħek, fix-​xejn: għaliex lil min isemmi l-​isem tiegħu fix-​xejn, il-​Mulej ma jħallihx bla kastig.” (Eżodu 20:7) Għalhekk, id-​digriet t’Alla biex ismu ma jintużax ħażin spiċċa biex ġie mgħawweġ f’superstizzjoni.

Żgur li llum ħadd ma se jisħaq li Alla jrid li xi ħadd jinħaraq fuq zokk jekk ilissen l-​isem divin! Madankollu, is-​superstizzjonijiet tal-​Lhud dwar l-​isem persunali t’Alla għadhom jeżistu sa llum. Ħafna għadhom jirreferu għat-​Tetragrammaton bħala l-​“Isem li Ma Jistax Jitfisser bil-​Kliem” u l-​“Isem li Ma Tistax Tlissnu.” Ċerti gruppi taʼ nies meta jirreferu għal Alla jużaw pronunzja żbaljata apposta sabiex ma jmorrux kontra t-​tradizzjoni. Per eżempju, Jah, taqsira taʼ l-​isem persunali t’Alla, jiġi pronunzjat Kah. Ħallelujah tiġi mlissna Ħallelukah. Xi wħud saħansitra jevitaw li jiktbu l-​kelma “Alla” sħiħa.

Iktar Sforzi biex Jinħeba l-​Isem

Il-​Ġudaiżmu żgur li m’huwiex l-​unika reliġjon li tevita li tuża l-​isem t’Alla. Ikkunsidra l-​każ taʼ Ġirolmu, qassis Kattoliku u segretarju tal-​Papa Damasu I. Fis-​sena 405 E.K., Ġirolmu spiċċa x-​xogħol tiegħu fuq traduzzjoni tal-​Bibbja kollha bil-​Latin, li saret magħrufa bħala l-​Vulgata Latina. Ġirolmu ma inkludiex l-​isem t’Alla fit-​traduzzjoni tiegħu. Minflok, hu mexa skond il-​prattika taʼ żmienu u kiteb il-​kliem “Mulej” u “Alla” minflok l-​isem divin. Il-​Vulgata Latina saret l-​ewwel traduzzjoni taʼ Bibbja Kattolika awtorizzata u l-​bażi taʼ ħafna traduzzjonijiet oħra b’lingwi differenti.

Per eżempju, id-​Douay Version, traduzzjoni Kattolika taʼ l-​1610, kienet bażikament il-​Vulgata Latina tradotta għall-​Ingliż. Mela mhux taʼ b’xejn li din il-​Bibbja ma fihiex l-​isem persunali t’Alla lanqas darba. Madankollu, id-​Douay Version ma kinitx sempliċi traduzzjoni oħra tal-​Bibbja. Saret l-​unika Bibbja awtorizzata għall-​Kattoliċi li jitkellmu bl-​Ingliż sas-​snin 40 tas-​seklu l-​ieħor. Iva, għal mijiet taʼ snin, l-​isem t’Alla nħeba minn miljuni taʼ Kattoliċi devoti.

Ikkunsidra wkoll il-​King James Version. Fl-​1604, ir-​re taʼ l-​Ingilterra, James I, inkariga grupp taʼ studjużi biex jipproduċu verżjoni Ingliża tal-​Bibbja. Xi sebaʼ snin wara, huma ħarġu l-​King James Version, magħrufa wkoll bħala l-​Authorized Version.

F’dan il-​każ ukoll, it-​tradutturi għażlu li jevitaw l-​isem divin, billi użawh biss fi ftit versi. Fil-​maġġuranza tal-​każi minflok l-​isem t’Alla għamlu “MULEJ” jew “ALLA” biex jirrappreżentaw it-​Tetragrammaton. Din il-​verżjoni saret il-​Bibbja komuni għal miljuni taʼ nies li jitkellmu bl-​Ingliż. Il-​World Book Encyclopedia tgħid li “ebda traduzzjoni importanti tal-​Bibbja Ingliża ma saret għal 200 sena wara li ġiet pubblikata l-​King James Version. Matul dan iż-​żmien, il-​King James Version kienet l-​iktar traduzzjoni użata minn dawk li jitkellmu bl-​Ingliż.”

Dawn li għadna kemm semmejna huma biss tlieta minn ħafna traduzzjonijiet tal-​Bibbja pubblikati f’dawn l-​aħħar sekli li jneħħu jew inaqqsu l-​importanza taʼ l-​isem t’Alla. Mhux taʼ b’xejn li llum il-​maġġuranza kbira taʼ dawk li jgħidu li huma Kristjani jsibuha bi tqila biex jużaw l-​isem divin, jew lanqas biss jafuh. Huwa minnu li matul is-​snin xi tradutturi tal-​Bibbja inkludew l-​isem persunali t’Alla fil-​verżjonijiet tagħhom. Madankollu, ħafna minnhom ġew pubblikati fi żminijiet iktar reċenti u ma kellhomx effett qawwi fuq l-​attitudnijiet ġenerali tan-​nies lejn l-​isem t’Alla.

Prattika li Tmur Kontra r-​Rieda t’Alla

Ir-​raġuni għala l-​isem t’Alla ma baqax jintuża daqshekk hija assolutament minħabba t-​tradizzjoni umana u mhux skond it-​tagħlim tal-​Bibbja. “M’hemm xejn fit-​Tora li ma jippermettix li l-​individwu jlissen l-​Isem t’Alla. Tabilħaqq, jidher ċar mill-​iskrittura li l-​Isem t’Alla kien jitlissen regolarment,” tispjega r-​riċerkatriċi Lhudija Tracey R. Rich, awtriċi tas-​site taʼ l-​Internet Judaism 101. Iva, fiż-​żminijiet tal-​Bibbja l-​aduraturi t’Alla kienu jużaw ismu.

Jidher ċar li jekk inkunu nafu u nużaw l-​isem t’Alla se nkunu iktar fi qbil mal-​mod approvat kif għandu jiġi meqjum, bil-​mod kif kien isir fiż-​żminijiet Bibliċi. Dan jistaʼ jkun l-​ewwel pass li nieħdu biex nistabbilixxu relazzjoni persunali miegħu, li huwa ħafna aħjar milli sempliċement inkunu nafu biss x’jismu. Alla Jehovah fil-​fatt jistidinna biex ikollna relazzjoni bħal din miegħu. Kien hu li nebbaħ l-​istedina kollha mħabba: “Ersqu lejn Alla, u hu jersaq lejkom.” (Ġakbu 4:8) Madankollu, għandek mnejn tistaqsi, ‘Kif jistaʼ bniedem mortali jgawdi intimità bħal din maʼ Alla li Jistaʼ Kollox?’ L-​artiklu li jmiss se jispjega kif int tistaʼ tiżviluppa relazzjoni maʼ Jehovah.

[Nota taʼ taħt]

a It-Talmud huwa ġabra taʼ tradizzjonijiet tal-​qedem tal-​Lhud u huwa meqjus bħala wieħed mill-​iktar kitbiet sagri u influwenti tar-​reliġjon Lhudija.

[Kaxxa f’paġna 6]

Ħallelujah!

X’jiġik f’moħħok meta tismaʼ l-​kelma “Ħallelujah”? Forsi tiftakar f’“Messiah” taʼ Handel, kapulavur mużikali mis-​seklu 18 li fih il-​kor drammatiku Ħallelujah. Jew forsi tiftakar fil-​kanzunetta Amerikana magħrufa u patrijottika “The Battle Hymn of the Republic,” magħrufa wkoll bħala “Glory, Hallelujah.” Żgur li minn xi sors jew ieħor, int smajt bil-​kelma “Ħallelujah.” Forsi saħansitra tużaha kultant. Imma taf xi tfisser?

Ħallelujah—It-​traduzzjoni letterali bil-​Malti taʼ l-​espressjoni Lhudija ha·lelu-Jahʹ, li tfisser “faħħar lil Jah,” jew “faħħru lil Jah.”

Jah—Forma mqassra u poetika taʼ l-​isem t’Alla, Jehovah. Din tidher fil-​Bibbja iktar minn 50 darba, spiss bħala parti mill-​espressjoni “Ħallelujah.”

[Kaxxa f’paġna 7]

Għandek Isem Alla f’Ismek?

Ħafna ismijiet Bibliċi għadhom popolari llum. F’ċerti każi t-​tifsira bl-​Ebrajk oriġinali taʼ dawn l-​ismijiet fil-​fatt kienet tinkludi l-​isem persunali t’Alla. Dawn huma ftit eżempji taʼ ismijiet bħal dawn u xi jfissru. Forsi ismek huwa wieħed minnhom.

Ġwanna (Joanna)—“Jehovah Wera Qalb Tajba”

Ġoel (Joel)—“Jehovah Hu Alla”

Ġwanni (John)—“Jehovah Wera Favur”

Ġonatan (Jonathan)—“Jehovah Ta”

Ġużeppi (Joseph)—“Jalla Jah Iżid”b

Ġożwè (Joshua)—“Jehovah Hu Salvazzjoni”

[Nota taʼ taħt]

b “Jah” hija kelma mqassra għal “Jehovah.”

[Kaxxa f’paġna 8]

Termini Bibliċi għal Alla

Il-​kitbiet bl-​Ebrajk taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa jużaw diversi termini għal Alla, bħal Dak li Jistaʼ Kollox, Ħallieq, Missier, u Mulej. Madankollu, id-​drabi li tirreferi għalih b’ismu persunali huma ħafna iktar mit-​termini l-​oħra kollha flimkien. Jidher ċar li hija r-​rieda t’Alla li nużaw ismu. Ikkunsidra l-​lista li ġejja taʼ termini kif jidhru fl-​Iskrittura Ebrajka.c

Jehovah—6,973 darba

Alla—2,605 darba

Alla li Jistaʼ Kollox—48 darba

Mulej—40 darba

Dak li Għamel—25 darba

Ħallieq—7 darbiet

Missier—7 darbiet

L-​Antik fil-​Jiem—3 darbiet

Instruttur Grandjuż—darbtejn

[Noti taʼ taħt]

c Bejn wieħed u ieħor in-​numru taʼ drabi li kull terminu jidher fin-​New World Translation of the Holy Scriptures, pubblikata mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Kaxxa f’paġna 9]

Alla li Jagħmel li l-​Affarijiet Iseħħu

L-​istudjużi ma jaqblux għalkollox dwar it-​tifsira taʼ l-​isem t’Alla, Jehovah. Madankollu, wara riċerka estensiva fuq is-​suġġett, ħafna jemmnu li l-​isem huwa forma tal-​verb Ebrajk ha·wahʹ (isir), li jfisser “Hu Jġiegħel li Jsir.”

Għalhekk, fin-​New World Translation of the Holy Scriptures,d ir-​rakkont li jinsab f’Eżodu 3:​14, fejn Mosè jistaqsi lil Alla x’jismu, jiġi tradott b’dan il-​mod: “Għal dan Alla qal lil Mosè: ‘Jien se nsir dak li se nsir.’ U żied: ‘Dan huwa dak li trid tgħid lil ulied Iżrael, “Jien se nsir bagħatni għandkom.”’”

Din it-​traduzzjoni hija xierqa għaliex Alla hu kapaċi jġiegħel lilu nnifsu jsir dak kollu li hemm bżonn li jsir. Xejn ma jistaʼ jwaqqfu milli jwettaq kwalunkwe rwol meħtieġ biex iwettaq ir-​rieda tiegħu. L-​iskopijiet u l-​wegħdi tiegħu dejjem iseħħu. B’mod li jispikka, Alla wera li hu l-​Ħallieq, il-​wieħed li għandu kapaċità bla limitu li jagħmel li l-​affarijiet iseħħu. Hu kien il-​wieħed li ħoloq l-​univers fiżiku. Hu ħoloq ukoll mirjadi taʼ ħlejjaq spirti. Verament, hu Alla li jagħmel li l-​affarijiet iseħħu!

[Nota taʼ taħt]

d Pubblikata mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampa f’paġna 5]

Riljev li juri l-​qtil taʼ Hananiah ben Teradion

[Stampi f’paġna 8, 9]

Postijiet Fejn l-​Isem t’Alla Jidher Ċar

1. Knisja f’Lomborg, id-​Danimarka, seklu 17

2. Tieqa tal-​ħġieġ kulurit, katidral taʼ Bern, l-​Isvizzera

3. Skroll tal-​Baħar il-​Mejjet, f’kitba Ebrajka tal-​bidu, Iżrael, ċ. 30-50 E.K.

[Sors]

Shrine of the Book, Israel Museum, Jerusalem

4.Munita Svediża, 1600

[Sors]

Kungl. Myntkabinettet, Sveriges Ekonomiska Museum

5.Ktieb tat-​talb Ġermaniż, 1770

[Sors]

From the book Die Lust der Heiligen an Jehova. Oder: Gebaet-Buch, 1770

6.Kitba fuq il-​ġebel, Bavarja, il-​Ġermanja

7.Ġebla Mowabija, Pariġi, Franza, 830 Q.E.K.

[Sors]

Musée du Louvre, Paris

8. Tpinġija f’koppla taʼ knisja, Olten, l-​Isvizzera

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja