Il-Ħarsa tal-Bibbja
Hija l-Personalità Tiegħek Determinata mill-Grupp tad-Demm?
F’XI pajjiżi hija xi ħaġa popolari li l-personalità taʼ individwu tiġi determinata skond it-tip, jew il-grupp, taʼ demm li jkollu. Per eżempju, fil-Ġappun hija xi ħaġa komuni li tinbeda diskussjoni billi jistaqsu, “X’inhu l-grupp tad-demm tiegħek?” Min jemmen f’dan isostni li n-nies li għandhom id-demm taʼ tip A huma kalmi, responsabbli, u suspettużi; dawk li d-demm tagħhom huwa tat-tip B huma sinċieri u ġenerużi, ibatu bil-burdati, jiġu mqarrqin malajr; u nibqgħu sejrin hekk. Isostnu wkoll li persuna li għandha ċertu tip taʼ demm tistaʼ ssibha diffiċli—jew faċli—biex tissieħeb maʼ persuna li għandha tip taʼ demm ieħor.
Xi wħud, billi jibbażaw fuq din l-idea, jikkunsidraw il-grupp tad-demm bħala fattur importanti meta jiġu biex iqassmu lit-tfal fi gruppi ġewwa l-iskejjel, meta jiġu biex jagħżlu l-impjegati taʼ pożizzjoni għolja fil-kumpaniji, jew anki meta jiġu biex jagħżlu sieħeb jew sieħba. Hemm tassew xi prova li turi li t-tip taʼ demm li għandna verament jiddetermina l-personalità tagħna? Hemm xi tagħlim mill-Bibbja li jitħaddet dwar dan is-suġġett?
X’inhu l-Grupp tad-Demm?
The World Book Multimedia Encyclopedia tispjega: “Il-membrani taċ-ċelluli ħomor għandhom proteini li jissejħu antiġen. Iktar minn 300 antiġen taċ-ċelluli ħomor ġew identifikati.” Waqt li xi persuni għandhom ċertu tip taʼ antiġen, oħrajn m’għandhomx, u ċerti antiġen ma jaqblux maʼ oħrajn. Għalhekk, bħalma żżid l-enċiklopedija, “skond il-preżenza jew in-nuqqas taʼ antiġen partikulari, ix-xjenzati kklassifikaw id-demm tal-bnedmin fi gruppi diversi.”
L-iktar sistema komuni taʼ kif jagħmlu ddemm fi gruppi hija s-sistema ABO, li tqassam l-erbaʼ gruppi taʼ demm tal-bnedmin—A, B, AB, u O. Barra minn hekk, l-Rh hija sistema komuni wkoll. Fil-fatt, jeżistu madwar 20 sistema taʼ kif id-demm jitqassam fi gruppi. Mela, jidher ċar li d-demm huwa komplikat ħafna. L-Encyclopædia Britannica tgħid: “In-numru kbir taʼ diversi ċelluli ħomor antiġen jagħmluha inqas probabbli li l-persuni, sakemm m’humiex tewmin identiċi, ikollhom l-istess grupp taʼ sustanzi fit-tip tad-demm tagħhom.”
Dan jissuġġerixxi li, biex inkunu preċiżi, kulħadd għandu “grupp tad-demm” uniku. Għalhekk, m’hemm l-ebda bażi biex nemmnu li dawk l-uħud li għandhom ċertu tip taʼ demm għandhom l-istess tip taʼ personalità. Jidher ċar li hemm numru kbir taʼ fatturi li jiddeterminaw il-personalità tagħna.
X’Jiddetermina l-Personalità Tagħna?
“Il-personalità hija dik il-karatteristika fl-imġiba, kemm dik li tintiret u kemm dik li tiġi żviluppata, li tiddistingwi lil kull individwu,” tispjega l-Encyclopædia Britannica. Iva, minbarra dak li writna—hemm fatturi oħrajn—bħall-ambjent tal-familja, l-edukazzjoni, is-sħubija, u l-esperjenzi sbieħ jew koroh—li jeffettwaw l-iżvilupp tal-personalità tagħna. Għalhekk, m’hijiex biss l-għamla ġenetika tagħna li tiddetermina l-personalità tagħna. Anki tewmin identiċi, li għandhom l-istess għamla ġenetika, spiss ikollhom personalitajiet differenti.
Ħaġa importanti oħra hi li l-personalità taʼ individwu tistaʼ tinbidel jew tistaʼ titbiddel. Lappostlu Pawlu enfasizza l-qawwa li għandu t-tagħlim Kristjan biex ibiddel lin-nies. Hu kiteb: “Inżajtu l-bniedem il-qadim bl-għemil kollu tiegħu, u lbistu l-bniedem il-ġdid, li jiġġedded dejjem skond ix-xbieha taʼ min ħalqu u jikber fl-għerf.” (Kolossin 3:9, 10) Il-Kristjani jirrikonoxxu li huma midinbin u li wirtu tendenzi midinbin. Sabiex huma jiġu aċċettati minn Alla, il-personalitajiet tagħhom kellhom jinbidlu.
X’inhu li jagħmel bidliet bħal dawn possibbli? Hija l-qawwa tal-Kelma t’Alla, jew tal-messaġġ tagħha. Dwar l-influwenza qawwija tal-Kelma t’Alla, li issa nsibu fil-Bibbja, Pawlu kiteb: “Il-kelma taʼ Alla hi ħajja u qawwija, taqtaʼ aktar minn xabla b’żewġt ixfar; hija tinfed sa tifred minn xulxin ir-ruħ u l-ispirtu u l-ġogi u l-mudullun; u tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb.” (Lhud 4:12) Meta individwu jissottometti ruħu għall-influwenza taʼ l-ispirtu t’Alla u jipprova jżomm mal-prinċipji morali li jidhru fil-Bibbja, il-personalità tiegħu tistaʼ tinbidel bil-mod il-mod. Il-personalità Kristjana li tiġi fformata b’dan il-mod tinkludi “sentimenti taʼ ħniena, tjieba, umiltà, ħlewwa u sabar.”—Kolossin 3:12.
Ir-Raġunevolezza Kristjana
Huwa minnu li m’hemm ebda prinċipju fil-Bibbja li jipprojbixxi l-istudju tat-tipi tad-demm. Iżda jekk dan huwiex relatat maʼ l-imġiba tal-bniedem hija kwistjoni differenti. Bħall-affarijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-ħajja, aħna għandna nħallu l-Kelma t’Alla tiggwidalna l-passi tagħna. (Salm 119:105) Ir-raġunevolezza hija vitali wkoll.—Filippin 4:5.
Żgur li ma tkunx xi ħaġa raġunevoli li nġibu skuża bil-grupp tad-demm tagħna biex ma nirranġawx id-difetti fil-personalità tagħna. Minkejja l-mod kif inhuma magħmulin ġenetikament, il-Kristjani għandhom ikomplu jagħmlu progress f’li jsawru l-personalità tagħhom b’mod li jirrifletti kemm jistaʼ jkun il-kwalitajiet taʼ Jehovah u taʼ Ġesù.—Efesin 5:1.
Barra minn hekk, il-Kristjani għandhom jagħmlu sforz biex iqisu lil oħrajn kif iqishom Jehovah. “Alla ma jħares lejn wiċċ ħadd.” (Atti 10:34, 35) Jehovah jaċċetta bil-ferħ lin-nies taʼ kull tip. Għalhekk ma tkunx xi ħaġa raġunevoli jew Kristjana li tevita l-kumpanija taʼ ċerti wħud sempliċement minħabba t-tip taʼ demm tagħhom. U lanqas ma hu raġunevoli li xi ħadd jissieħeb biss maʼ dawk li għandhom grupp taʼ demm “kompatibbli.” Il-Bibbja twissi: “Imma jekk tħarsu lejn l-uċuħ, tidinbu, u l-Liġi tixlikom bħala nies li tkunu ksirtuha.”—Ġakbu 2:9.
Hekk kif ix-xjenza u t-teknoloġija javanzaw, jinstabu affarijiet u teoriji ġodda dwar il-ġisem uman. Hija xi ħaġa naturali li naffaxxinaw ruħna b’dawn l-affarijiet. Xorta waħda, il-Kristjani jagħmlu tajjeb li jħallu l-Bibbja—mhux it-teoriji tal-bniedem—tiggwidalhom il-ħsieb tagħhom. Fl-aspetti kollha tal-ħajja, il-Kristjani għandhom bżonn ‘jipprovaw kollox’ u ‘t-tajjeb iżommuh.’—1 Tessalonikin 5:21.