Prova tal-Fidi
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-GRAN BRITANNJA
RICHMOND huwa raħal sbejjaħ fit-Tramuntana taʼ Yorkshire, l-Ingilterra. Il-kastell tiegħu, mibni eżatt wara l-konkwista tan-Normanni fis-sena 1066, għandu veduta għal fuq il-wied kollu tax-xmara Swale, li twassal sal-Park Nazzjonali tal-Wied taʼ Yorkshire.
Dokumentarju fuq it-televixin, The Richmond Sixteen, kixef aspett importanti taʼ l-istorja moderna tal-kastell—f’liema sitwazzjoni sabu ruħhom 16-il persuna li rrifjutaw is-servizz militari minħabba l-kuxjenza u li ġew maqfulin f’dan il-post bħala ħabsin waqt l-Ewwel Gwerra Dinjija. Xi ġralhom?
Il-Lieva
Wara li l-Britannja ddikjarat gwerra fl-1914, il-patrijottiżmu ġarr miegħu xi 2.5 miljuni rġiel fil-forzi armati tagħha. Madankollu, minħabba li mietu ħafna minn dawk li kienu fl-armata, u minħabba li ġie mifhum li l-gwerra ma kinitx se tispiċċa malajr daqskemm wiegħdu l-politikanti, “l-ingaġġ fl-armata ma baqax kwistjoni taʼ rikjesta, imma sar xi ħaġa taʼ pressjoni,” jikkummenta Alan Lloyd, studjuż taʼ l-istorja tal-gwerra. Għalhekk, għall-ewwel darba fl-istorja tal-Britannja, f’Marzu taʼ l-1916, l-irġiel mhux miżżewġa kellhom jidħlu fil-forzi armati bil-lieva.
Twaqqfu elfejn tribunal biex jinstemgħu l-appelli, imma minn dawk li rrifjutaw is-servizz militari minħabba l-kuxjenza, ftit li xejn kienu dawk li ġew meħlusin għalkollox. Ħafna minn dawk li rrifjutaw is-servizz militari minħabba l-kuxjenza ġew ordnati jingħaqdu mat-taqsimiet li ma jiġġildux, li kienu tħejjew biex jappoġġaw ir-riżorsi militari. Dawk li ma ridux jingħaqdu magħhom xorta kienu jitqiesu bħala li huma miktuba fil-lieva u kienu jgħaddu mill-qorti marzjali. Ġew trattati bl-aħrax u ntefgħu l-ħabs, spiss f’kundizzjonijiet tal-biżaʼ u ristretti.
Is-Sittax taʼ Richmond
Fost is-Sittax taʼ Richmond kien hemm ħames Studenti Internazzjonali tal-Bibbja, bħalma kienu magħrufa x-Xhieda taʼ Jehovah dak iż-żmien. Herbert Senior, li sar Student tal-Bibbja fl-1905 fl-età taʼ 15-il sena, kiteb xi 50 sena wara: “Tefgħuna ġo ċelel li iktar kienu qishom kalzrijiet. Wisq probabbli kienu ilhom snin sħaħ ma jintużaw, għax kien fihom bejn żewġ pulzieri jew tlieta taʼ ħama fl-art.” Id-disinji u l-kitba, li issa ċċaraw u f’xi postijiet m’għadhomx jistgħu jinqraw u li l-priġunieri pinġew u kitbu fuq il-ħitan taċ-ċelel tagħhom miżbugħin bojod, dan l-aħħar qed jintwerew lill-pubbliku. Dawn fihom ismijiet, messaġġi, u tpinġijiet tal-maħbubin tal-priġunieri, flimkien maʼ stqarrijiet tal-fidi.
Priġunier wieħed sempliċement kiteb: “Aħjar immut għax ngħix bi prinċipju milli għax ngħix mingħajru.” Ħafna messaġġi jinkludu referenzi għal Ġesù Kristu u t-tagħlim tiegħu, u hemm ukoll kopji pinġuti bir-reqqa taʼ emblema bis-salib u l-kuruna, li dak iż-żmien kienet tintuża mill-International Bible Students Association (IBSA). Herbert Senior jiftakar li hu pinġa fuq il-ħajt taċ-ċella tiegħu t-“Tabella taż-Żminijiet” mill-ktieb għall-istudju tal-Bibbja The Divine Plan of the Ages, imma din ma nstabitx. Jistaʼ jkun li m’għadhiex tidher bħal kitbiet oħra fil-binja prinċipali taċ-ċelel jew xi mkien ieħor. Kitba oħra tgħid: ‘Clarence Hall, Leeds, I.B.S.A. 29 taʼ Mejju, 1916. Mibgħut Franza.’
Lejn Franza—u Lura!
L-imwiet minħabba l-gwerra fi Franza u l-Belġju bdew jiżdiedu b’rata allarmanti. Il-ministru tal-gwerra Horatio Herbert Kitchener u l-Ġeneral Ingliż Douglas Haig kellhom bżonn urġenti taʼ iktar truppi, anki taʼ rġiel miżżewġa, li sa Mejju tas-sena 1916 kienu wkoll qed jinkitbu bil-lieva. Biex jissikkawhom ħalli jidħlu fl-armata, l-uffiċjali ddeċidew li jikkastigaw lil xi wħud minn dawk li kienu diġà rrifjutaw is-servizz militari minħabba l-kuxjenza ħalli jbeżżgħu lil min ma riedx jidħol. Allura, bil-pistola ppontata lejhom is-Sittax taʼ Richmond ittieħdu fuq ferrovija, b’idejhom marbutin fil-ktajjen, u bil-moħbi ttieħdu lejn Franza f’rotta li ħadithom dawra sħiħa. Ir-rivista Heritage tgħid li fuq il-bajja taʼ Boulogne, “l-irġiel ġew marbuta maʼ l-arbli bil-fildiferru jniggeż, kważi qishom kienu se jiġu msallbin,” u ġagħluhom jaraw il-qtil bi sparatura taʼ suldat Ingliż li ħarab mill-armata. Intqalilhom li jekk ma jobdux l-ordnijiet kienu se jieħdu l-istess mewta.
F’nofs Ġunju taʼ l-1916, il-priġunieri mmarċjaw quddiem 3,000 suldat biex jisimgħu s-sentenza tal-mewt tagħhom, imma sa dan iż-żmien Kitchener kien miet, u l-prim ministru Ingliż interviena. Waslet kartolina b’messaġġ bil-kodiċi lill-awtoritajiet f’Londra, u l-ordni tal-militar ġiet imħassra. Il-Ġeneral Haig ġie ordnat ibiddel is-sentenzi tal-mewt kollha għal piena t’għaxar snin ħabs.
Meta marru lura fil-Britannja, xi wħud mis-16 ittieħdu lejn barriera Skoċċiża tal-granit ħalli jagħmlu “xogħol taʼ importanza nazzjonali” taħt kundizzjonijiet terribbli, jgħid rapport uffiċjali. Oħrajn, fosthom Herbert Senior, intbagħtu lura f’ħabsijiet ċivili, mhux militari.
L-Effett li Tħalla
Minħabba l-kundizzjoni fraġli tal-ħitan taċ-ċelel, esibizzjoni kompleta tal-Kastell Richmond, li issa jinsab f’idejn il-Wirt Ingliż, tinkludi skrin li meta tmissu juri r-realtà virtwali lil dawk li jżuruh ħalli jiflu kemm iċ-ċelel u kemm id-disinji fuq il-ħitan mingħajr ma jagħmlulhom ħsara. Gruppi taʼ studenti jiġu inkuraġġiti biex jifhmu għala wħud li rrifjutaw is-servizz militari minħabba l-kuxjenza kienu lesti jbatu l-kastig, tfigħ il-ħabs, u possibbilment l-esekuzzjoni minħabba li ġenwinament żammew mat-twemmin tagħhom.
Is-Sittax taʼ Richmond irnexxielhom “jiġbdu l-attenzjoni tal-pubbliku lejn il-kwistjoni tar-rifjut tas-servizz militari minħabba l-kuxjenza tagħhom, u għalhekk bdew jiġu aċċettati u rispettati.” Dan wassal biex l-awtoritajiet bdew jifhmu iktar lil dawk li kienu reġistrati bħala wħud li jirrifjutaw is-servizz militari minħabba l-kuxjenza matul it-Tieni Gwerra Dinjija.
Fis-sena 2002, ġnien mill-isbaħ fl-inħawi tal-kastell ġie dedikat, fost affarijiet oħra, għat-tifkira tas-Sittax taʼ Richmond bħala espressjoni taʼ gratitudni għall-konvinzjonijiet morali tagħhom.
[Stampi f’paġna 20, 21]
Mix-xellug għal-lemin: It-torri tal-Kastell taʼ Richmond tas-seklu 12, bil-binja li fiha ċ-ċelel tal-ħabs
Herbert Senior, wieħed mis-Sittax taʼ Richmond
Waħda miċ-ċelel li fiha nżammu s-Sittax taʼ Richmond
Il-bordura fl-isfond: Partijiet mill-kitbiet li għadhom fuq il-ħajt tal-ħabs