LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 3/8 pp. 12-14
  • X’Fih Daqshekk Ħażin is-Sess fuq it-Telefon?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • X’Fih Daqshekk Ħażin is-Sess fuq it-Telefon?
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Huwa s-​Sess fuq it-​Telefon bla Ħsara?
  • Vizzju li Jagħmel il-​Ħsara
  • Il-​Perikli fl-​Għerusija
  • ‘Għakkes bl-​Aħrax lil Ġismek’
  • Kellem lil Uliedek Dwar is-Sess
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Kif Nistaʼ Ma Nċedix Biex Nagħmel is-​Sess?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Huwa s-sess orali verament sess?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Kif nista’ nispjega t-twemmin tiegħi dwar is-sess?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 3/8 pp. 12-14

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

X’Fih Daqshekk Ħażin is-​Sess fuq it-​Telefon?

“IS-​SESS FUQ IT-​TELEFON,” skond rivista Amerikana magħrufa, “qed jieħu post l-​ittra taʼ mħabba bħala mezz preferut taʼ komunikazzjoni romantika għall-​koppji li jkunu ’l bogħod minn xulxin.”

X’inhu s-​sess fuq it-​telefon? Dan jinvolvi li l-​individwu jgħid jew jismaʼ affarijiet erotiċi għall-​aħħar fuq it-​telefon.a Dawk li jieħdu sehem f’din il-​prattika spiss jużaw il-​masturbazzjoni biex iserrħu t-​tqanqil li jħossu. Kemm jekk il-​konversazzjoni maħmuġa ssir bejn tnejn li jkunu qed ikellmu lil xulxin jew bejn stranġieri, is-​sess fuq it-​telefon hu popolari wisq. Fil-​fatt, xi wħud jappoġġawh pubblikament.

“Hu l-​iktar tip taʼ sess ħieles mill-​perikli,” tisħaq waħda mara. Milli jidher, hemm ftit mhux ħażin li jaqblu magħha. Per eżempju, f’Ottubru tas-​sena 2000, bħala reazzjoni għaż-​żjieda fl-​infezzjonijiet taʼ l-​HIV, grupp t’esperti tas-​saħħa Russi rreklamaw fuq il-​gazzetta s-​sess fuq it-​telefon.

Madankollu, oħrajn qed jirreklamaw is-​sess fuq it-​telefon sempliċement biex jagħmlu l-​qligħ. Servizzi tas-​sess fuq it-​telefon​—fejn in-​nies iħallsu biex jisimgħu l-​oxxenitajiet—saru industrija li fl-​Istati Uniti biss trendi biljuni taʼ dollari.

Għala saret daqshekk popolari din il-​prattika? Il-​ktieb The Fantasy Factory jgħidha b’dan il-​mod: “Kuntatt fiżiku u emozzjonali intimu huwa perikoluż. Hemm ir-​riskji fiżiċi taʼ mard trasmess sesswalment, riskju persunali/professjonali li tinqabad, biżaʼ li tiġi kundannat minn oħrajn u l-​konsegwenzi taʼ xewqa ‘mhux normali.’ Is-​sess fuq it-​telefon inaqqas ir-​riskju.”

Huwa minnu li s-​sess fuq it-​telefon ma jinvolvix kuntatt fiżiku maʼ persuna oħra. Imma jfisser dan li ma fih xejn ħażin jew li bl-​ebda mod ma fih xi perikli jew riskji?

Huwa s-​Sess fuq it-​Telefon bla Ħsara?

Ix-​xewqat sesswali jkunu speċjalment qawwija matul iż-​żgħożija. Il-​Bibbja ssejjaħ dan il-​perijodu meta x-​xewqat sesswali jkunu fl-​aqwa tagħhom bħala “l-​fjur taż-​żgħożija.” (1 Korintin 7:​36, NW ) F’dan iż-​żmien kruċjali taʼ ħajtu, iż-​żagħżugħ Kristjan għandu jitgħallem “iżomm ’il ġismu fil-​qdusija u l-​ġieħ.” (1 Tessalonikin 4:4) Jiġifieri, trid titgħallem kif tkampa mas-​sentimenti sesswali tiegħek u tikkontrollahom. Dan huwa kruċjali sabiex ikollok ħarsa xierqa u bilanċjata dwar is-​sess.

Madankollu, is-​sess fuq it-​telefon jgħallem lill-​individwu kif ipaxxi, minflok ma jikkontrolla, l-​impulsi sesswali li jħoss. Iktar minn hekk, dan jippromwovi ħarsa mgħawġa u baxxa lejn is-​sess oppost. Il-​Bibbja tgħallem li l-​intimitajiet sesswali għandhom jitgawdew biss fl-​arranġament taż-​żwieġ. (Lhud 13:4) Imma s-​sess fuq it-​telefon jinkuraġġixxi liż-​żgħażagħ biex jesperjenzaw il-​pjaċiri sesswali barra ż-​żwieġ. Il-​Bibbja tgħallem li l-​hena veru jiġi milli tagħti​—mhux milli tieħu. (Atti 20:35) Imma s-​sess fuq it-​telefon jgħallem lil dak li jkun kif juża lil oħrajn biex ipaxxi lilu nnifsu b’mod egoist. Il-​Bibbja tgħallem lill-​koppji miżżewġin biex jiżviluppaw intimità vera billi jikkultivaw l-​imħabba u l-​fiduċja f’xulxin. (Efesin 5:​22, 23) Madankollu, is-​sess fuq it-​telefon inissel nuqqas taʼ konsiderazzjoni għas-​sentimenti u anonimità.

Vizzju li Jagħmel il-​Ħsara

Korintu tal-​qedem kienet belt magħrufa għall-​vizzji immorali. Mela, mhux taʼ b’xejn li l-​appostlu Pawlu kiteb lill-​Kristjani t’hemmhekk: “Jiena nibżaʼ li, bħalma s-​serp qarraq b’Eva bil-​ħażen tiegħu, hekk fehmietkom jitħassru mis-​sempliċità u s-​safa tagħhom fi Kristu.” (2 Korintin 11:3) Is-​sess fuq it-​telefon hu mezz wieħed li Satana x-​Xitan qed juża biex jikkorrompi liż-​żgħażagħ illum.

Għal xi żgħażagħ il-​vizzju li jċemplu l-​linji tas-​sess fuq it-​telefon sar wieħed bla kontroll. Żagħżugħ li se nsejħulu Jim juri kemm xi wħud jistgħu jaqgħu fil-​vizzju. Jim ra reklam fuq kartellun b’numru taʼ linja għas-​sess fuq it-​telefon. Hu żamm in-​numru f’moħħu u iktar tard ċemplu sempliċement għall-​kurżità. It-​telefonati beda jagħmilhom iktar u iktar spiss. Ma damx ma tellaʼ kont tat-​telefon ġmielu, dak taʼ Lm221!

Meta tqanqal xewqat sesswali waqt li għadek mhux miżżewweġ tkun qed tmur kontra l-​parir tal-​Kelma t’Alla. Din tħeġġeġ: “Mewwtu ġo fikom dak kollu li hu taʼ l-​art: żína, faħx, ġibdiet.”—Kolossin 3:5.

Il-​Perikli fl-​Għerusija

Xi ngħidu għall-​adulti żgħażagħ li jkunu f’għerusija serja? M’għandniex xi ngħidu, hija xi ħaġa naturali li tnejn li jkunu jħobbu lil xulxin iridu jesprimu s-​sentimenti tagħhom lejn xulxin. Lura fiż-​żminijiet tal-​Bibbja, mara żagħżugħa li kellha l-​biżaʼ t’Alla qalet dwar l-​għarus tagħha: “Jiena tal-​maħbub tiegħi,u xewqtu tiġbdu lejja.” (Għanja taʼ l-​Għanjiet 7:11 [7:​10, NW]) Meta tkun riesqa l-​ġurnata tat-​tieġ, hu tajjeb u xieraq li l-​għarajjes imwegħdin lil xulxin jiddiskutu ċerti affarijiet intimi. Madankollu, huwa s-​sess fuq it-​telefon mod bla ħsara kif jesprimu s-​sentimenti romantiċi?

Le. Anki l-​għarajjes imwegħdin lil xulxin huma obbligati li jsegwu l-​parir taʼ l-​appostlu Pawlu: “Żína u kull xorta taʼ faħx jew regħba, ebda waħda minnhom ma għandha biss tissemma fostkom, kif jixraq lill-​qaddisin. U anqas kliem baxx u kliem iblah, jew ċajt mhux sewwa, kollha ħwejjeġ li ma jixirqux; imma aktar għandu jkun hemm fostkom radd il-​ħajr. Għax dan kunu afu; li ebda żieni jew faħxi jew rgħib—li hu idolatra—ma jkollu wirt fis-​Saltna taʼ Kristu u taʼ Alla.”—Efesin 5:​3-5; Kolossin 3:8.

Id-diskors intimu li deliberatament iqanqal ħsibijiet immorali jew il-​masturbazzjoni żgur li hu maħmuġ fil-​ħarsa taʼ Jehovah. U dan jistaʼ jwassal lill-​individwu biex imur kontra prinċipji divini iktar serji. Per eżempju, koppja waħda kienet qed tgawdi għerusija mill-​bogħod. Għall-​ewwel, huma kienu jużaw il-​konversazzjonijiet frekwenti tagħhom bit-​telefon biex isiru jafu iktar lil xulxin. Madankollu, wara ftit, bdew jiddiskutu suġġetti immorali. Il-​konversazzjonijiet tagħhom bdew isiru dejjem iktar espliċiti. Mela mhux taʼ b’xejn li meta ċ-​ċirkustanzi tagħhom fl-​aħħar ippermettewlhom li jkunu flimkien, malajr waqgħu fi mġiba immorali.

Żgur li aħna, bħala wħud li rridu nogħġbu ’l Alla, se nagħmlu l-​almu tagħna biex nevitaw li naqgħu fin-​nassa tas-​sess fuq it-​telefon. Kif jistaʼ jirnexxilna nagħmlu dan?

‘Għakkes bl-​Aħrax lil Ġismek’

Is-​sess fuq it-​telefon jistaʼ jsir vizzju. Irridu ‘ngħakksu bl-​aħrax lil ġisimna u njassruh’ sabiex ikollna l-​approvazzjoni taʼ Jehovah. (1 Korintin 9:27) Jekk bħalissa qed tieħu sehem fis-​sess fuq it-​telefon, għala ma titlobx l-​għajnuna? Xi ħaġa t’għajnuna li tistaʼ tibda biex tagħmel hi li tgħid lill-​ġenituri Kristjani tiegħek. Iva, x’aktarx li jkunu diżappuntati bik. Imma jistgħu wkoll ikunu fl-​aħjar pożizzjoni biex jgħinuk toqgħod attent għall-​imġiba tiegħek ħalli ma terġax taqaʼ. L-​anzjani fil-​kongregazzjoni lokali tax-​Xhieda taʼ Jehovah ukoll jixtiequ jgħinuk u jistgħu jagħmlu dan.

Jekk qed tkellem lil xi ħadd, kun determinat li tibqaʼ nadif, anki meta titkellem fuq it-​telefon. Tfajla Kristjana li hi għarusa u jisimha Leticia tgħid: “Jien u l-​għarus tiegħi qrajna flimkien artikli bbażati fuq il-​Bibbja dwar kif nibqgħu nodfa. Ninsabu grati għall-​mod kif għenuna nżommu kuxjenza nadifa.” Kunu qalbiena u biddlu s-​suġġett jekk kliemkom isir indeċenti. Iddiskutu dwar il-​ħtieġa li żżommu l-​konversazzjonijiet tagħkom nodfa.

F’ċerti pajjiżi, tard bil-​lejl fuq it-​televixin ikun hemm reklamar għas-​sess fuq it-​telefon. Għandu mnejn ikun aħjar għalik li sempliċement tevita li tara t-​televixin tard bil-​lejl. Peress li l-​masturbazzjoni bl-​istess mod tistaʼ tqajjem, minflok ma tmewwet, il-​ħsibijiet immorali, huwa vitali li tevita din il-​prattika maħmuġa.b Jistaʼ jirnexxilek telimina ħsibijiet maħmuġin minn moħħok billi timmedita fuq affarijiet li huma retti. (Filippin 4:8) Għamilha maʼ ħbieb li kliemhom hu nadif, u aqra l-​Kelma t’Alla u l-​pubblikazzjonijiet Kristjani kuljum ħalli ssaħħaħ id-​determinazzjoni tiegħek. B’dan il-​mod, m’intix se tħalli l-​fantasiji immorali jfaqqsu f’moħħok u jħammġu l-​ħsibijiet tiegħek. L-​iktar ħaġa importanti hi li titlob lil Alla għall-​għajnuna. L-​appostlu Pietru kiteb: “Ixħtu fuqu l-​ħsibijiet kollha tagħkom għax hu jaħseb fikom.”—1 Pietru 5:​6, 7.

“Issir ħafna pressjoni qawwija fuq iż-​żgħażagħ biex jinvolvu ruħhom f’sess mhux xieraq,” tgħid tfajla Kristjana żagħżugħa mill-​Brażil. Madankollu, Jehovah jaf l-​isfidi li tiffaċċja. Kun ċert li hu se jagħtik l-​għajnuna kollha li għandek bżonn biex tibqaʼ nadif fil-​ħarsa tiegħu.—Efesin 6:​14-18.

[Noti taʼ taħt]

a Vizzju simili, li kultant jissejjaħ cybersex, jinvolvi diskussjonijiet erotiċi fiċ-​chat rooms fuq l-​Internet.

b Għal suġġerimenti dwar kif tegħleb il-​masturbazzjoni, ara l-​ktieb Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu—Tweġibiet Prattiċi għall-​Mistoqsijiet Tagħhom, paġni 198-211, pubblikat mix-​Xhieda taʼ Jehovah.

[Stampi f’paġna 12, 13]

Kemm is-​sess fuq it-​telefon u kemm fuq l-​Internet qed isir dejjem iktar popolari

[Stampi f’paġna 12, 13]

Tnejn li jkunu qed ikellmu lil xulxin iridu joqogħdu attenti li kliemhom ma jsirx maħmuġ

[Stampa f’paġna 14]

Il-​qari tal-​Kelma t’Alla u l-​pubblikazzjonijiet Kristjani jistgħu jsaħħu d-​determinazzjoni tiegħek li tibqaʼ nadif

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja