Il-Gżira li Dehret u Sparixxiet
Minn kittieb għal Stenbaħ! fl-Italja
FIT-28 taʼ Ġunju, 1831, terremot qawwi laqat il-kosta tal-punent tal-gżira Mediterranja taʼ Sqallija. Baħri li kien fuq il-baħar ħass iċ-ċaqliqa u ħaseb li d-dgħajsa tiegħu laqtet xi sikka tar-ramel.
Għal ġranet sħaħ wara, l-ilma ’l barra mill-kosta taʼ Sqallija baqaʼ mqalleb. Il-ħut mejjet telaʼ f’wiċċ l-ilma. L-arja kellha riħa tinten taʼ kubrit. Il-ġebel tal-ħaffief telaʼ u nġemaʼ fuq il-bajjiet.
Fl-10 taʼ Lulju, Giovanni Corrao, kaptan tal-brigantin Naplitan Teresina, kien qed ibaħħar fil-Mediterran meta ra xi ħaġa li ħallietu skantat—kolonna kbira taʼ ilma u duħħan li telgħet xi 20 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar. Instemgħu wkoll “ħsejjes qawwija qishom ragħad.”
Ferdinand it-Tieni tas-Saltna taż-Żewġ Sqalliji ordna li l-bastiment tal-gwerra Etna jinvestiga s-sitwazzjoni. L-aħbar dwar din id-dehra waslet ukoll sa Malta, li dak iż-żmien kienet taħt il-ħakma Britannika. Peress li ma ried lil ħadd jgħaddih, Sir Henry Hotham, viċi ammirall Britanniku fuq il-gżira, ukoll bagħat il-bastimenti “ħalli jiddetermina l-pożizzjoni eżatta fuq il-karti navali, u biex josserva kollox dwar in-natura tal-fenomenu.”
Minħabba f’hekk bdiet kontroversja li għadha għaddejja sa llum.
Tifforma Gżira
Sad-19 taʼ Lulju, 1831, f’reġjun bejn Sqallija u l-kosta taʼ l-Afrika, stajt tara gżira ġdida—li ħarġet minn żbroff taʼ vulkan taħt il-baħar. Charles Swinburne, kmandant tal-bastiment navali Britanniku Rapid, kien qed idur mal-punent taʼ Sqallija meta ra kolonna għolja u mhux tas-soltu taʼ duħħan abjad ħafna jew fwar. Swinburne rħielha dritt lejha. Hekk kif kien riesaq il-lejl, kien hemm dawl qawwi fid-duħħan, li baqaʼ jidher ċar saħansitra fid-dawl tal-qamar. Żbroffi qawwija bin-nar bdew joħorġu min-nofs. Mas-sebħ, meta d-duħħan kien iċċara xi ftit, setaʼ jara “għolja żgħira u skura ftit piedi ’l fuq mil-livell tal-baħar.”
Fi żmien xahar, il-gżira kienet ogħla mil-livell taʼ l-ilma xi 65 metru u kellha ċirkonferenza taʼ xi tliet kilometri u nofs. “Din il-ġrajja ovvjament qanqlithom ħafna lin-nies taʼ dawn il-gżejjer,” irrapportat il-Malta Government Gazette, “u ħafna wħud diġà marru fil-post fejn seħħ dan kollu.” Fosthom kien hemm il-Professur Friedrich Hoffmann, ġeologu mill-Prussja li inzerta kien Sqallija biex jagħmel riċerka. Hoffmann wasal sa kilometru ’l bogħod mill-gżira u setaʼ jaraha “ċar ħafna.” Madankollu, minħabba li beżaʼ mill-periklu li setaʼ jkun hemm, Hoffmann irrifjuta li jinżel fuqha.
Il-Kaptan Humphrey Senhouse ma kienx daqshekk prudenti, għaliex fit-2 t’Awissu ġie rapportat li niżel fuq il-gżira u poġġa l-bandiera Ingliża. Hu semma l-gżira bħala l-Gżira Graham, f’ġieħ Sir James Graham, l-ewwel sid taʼ l-Ammiralli.
L-Università taʼ Katanja fi Sqallija ħalliet f’idejn Carlo Gemellaro, professur taʼ l-istorja naturali, biex jagħmel studju fuq il-gżira. Hu semmieha Ferdinandea wara Ferdinand it-Tieni. Filwaqt li injora l-aħbar li l-bandiera kienet diġà twaħħlet fuq il-gżira, Ferdinand iddikjara pubblikament li l-gżira kienet parti mis-saltna tiegħu avolja kienet ’il barra mill-ilmijiet territorjali taʼ Sqallija.
L-aħħar li laħqu l-gżira kienu l-Franċiżi. Il-ġeologu Constant Prévost semma l-gżira Julia, peress li dehret fix-xahar taʼ Lulju. Hu wkoll poġġa l-bandiera taʼ pajjiżu fuq il-gżira. Hu kiteb li l-iskop taʼ dan kien li “jinforma lil kulmin jiġi wara, li Franza ma titlef ebda opportunità biex tinteressa ruħha f’affarijiet xjentifiċi.”
L-argumenti dwar lil min tappartjeni l-gżira komplew jiżdiedu. Skond artiklu reċenti fit-Times taʼ Londra, il-Britannja, l-Italja, u Franza “kważi waslu biex bdew jiggwerraw” fuq din in-naqra taʼ gżira.
Il-Gżira Tisparixxi
Il-kontroversja dwar il-gżira—li għadha sa llum tissejjaħ Julia, Ferdinandea, jew Grahama—ma tantx damet għaddejja. “Il-gżira qiegħda tiċkien kuljum,” kiteb Hoffmann wara li żarha f’Settembru, “u jekk din il-qerda li qed naraw tibqaʼ għaddejja . . . , il-maltempati tax-xitwa li ġejja se jkunu biżżejjed biex jeqirduha għalkollox fi ftit xhur.”
Sa Diċembru l-gżira ġġarrfet u saret sikka perikoluża ftit piedi ’l isfel mil-livell tal-baħar. “Kulma kien għad baqaʼ mill-Gżira Julia,” kiteb l-istudjuż tal-vulkani Giuseppe Mercalli, “kienu l-ħafna ismijiet li riedu jingħatawlha mill-vjaġġaturi minn diversi ġnus li kellhom l-opportunità unika li jaraw b’għajnejhom stess l-ispettaklu taʼ kif ifformat u sparixxiet.”
Terġaʼ Tfeġġ?
Dak kollox? Ma tantx! Il-post fejn darba kien hemm il-gżira għadu attiv ġeoloġikament. Skond l-istudjuż taʼ l-istorja Sqalli Salvatore Mazzarella, illum għadha “importanti b’mod strateġiku daqskemm kienet fis-seklu 19.” Xi ġeoloġi jemmnu li l-gżira għad terġaʼ tfeġġ. Diġà hemm l-inkwiet dwar lil min għad tappartjeni din il-gżira li għad trid terġaʼ tidher.
Għalhekk, l-istorja tal-gżira li dehret—u sparixxiet—saret ġrajja oħra taʼ niket fejn tidħol l-istorja tal-ħakma mill-bniedem. Il-ġurnalist Taljan Filippo D’Arpa kellu raġun meta sejjaħ din l-istorja bħala “eżempju taʼ kemm hu ridikolu l-poter.”
[Nota taʼ taħt]
a Ġew suġġeriti mill-inqas erbaʼ ismijiet oħra għall-gżira—Corrao, Hotham, Nerita, u Sciacca.
[Stampa f’paġna 18]
Tpinġija taʼ l-iżbroff fl-1831
[Sors]
Copyright Peter Francis/The Open University