LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 6/8 pp. 22-23
  • Żerriegħa li Taqsam l-Ibħra

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Żerriegħa li Taqsam l-Ibħra
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Mnejn Tiġi Din iż-​Żerriegħa
  • Iddur id-​Dinja
  • L-Armonija Sħiħa tal-Bibbja
    Il-Bibbja—Il-Kelma tʼAlla jew tal-Bniedem?
  • Iż-Żerriegħa tas-Serpent—Kif Mikxufa?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—1996
  • Niżirgħu Żerriegħa tas-Saltna
    Għannu Tifħir lil Jehovah
  • Igħallem bit-Tixbihat
    L-Aqwa Bniedem li Qatt Għex
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 6/8 pp. 22-23

Żerriegħa li Taqsam l-​Ibħra

Minn kittieb għal Stenbaħ! fil-​Britannja

KONT miexi fuq ir-​ramel f’xatt il-​baħar mimli bl-​alka u biċċiet taʼ l-​injam li nġarr mal-​mewġ fuq il-​kosta tal-​lvant taʼ l-​Ingilterra, meta ċagħqa stramba ġibditli l-​attenzjoni u ġbartha. Kienet lixxa u kulur il-​qastan​—iżda din ma kinitx ċagħqa! X’kienet? Żerriegħa li vvjaġġat mit-​Tropiċi. Kif ġiet hawn?

Mnejn Tiġi Din iż-​Żerriegħa

Fil-​fatt, din iż-​żerriegħa hija prodotta minn legum enormi li jissejjaħ lijana. Din hija deskritta bħala “pjanta xeblieka li tiddendel mas-​siġar, speċjalment fil-​foresti tropikali.” Din il-​pjanta tuża s-​swabaʼ tagħha biex titlaʼ maʼ xi siġra u xi drabi titlaʼ ’l fuq sa 30 metru għoli mill-​art. Ukoll tinsab f’ħafna bnadi tul ix-​xtut u x-​xmajjar fiċ-​ċentru u l-​punent taʼ l-​Afrika, il-​Kolombja, l-​Indji tal-​Punent, u l-​Amerika Ċentrali. Fil-​Kosta Rika, fejn ix-​xadini jużawha biex jixxabbtu minn quċċata taʼ siġra għal oħra, din il-​pjanta hija magħrufa bħala s-​sellum tax-​xadini.

Iż-żerriegħa hi wiesgħa sitt ċentimetri u tibda l-​ħajja tagħha f’miżwed kbir imdendel mas-​siġra li tkun fuqha. Dan il-​miżwed jistaʼ jikber sa żewġ metri fit-​tul. Huwa magħmul minn flieli tondi u f’kull wieħed hemm żerriegħa. Dawn huma separati minn xaqq irqiq. Bħal ħafna tipi taʼ fażola komuni, meta l-​miżwed jibda jifforma, dan ikun artab u aħdar. Iżda meta jsir, il-​miżwed jibbies u jsir niexef u tqil. Ukoll, isir kannella u jibda jidher qisu injam.

Eventwalment, minħabba ż-​żjieda fil-​piż tiegħu, il-​miżwed jaqaʼ fix-​xmara jew fil-​baħar. Hekk kif il-​miżwed iżomm f’wiċċ l-​ilma jibda jinqasam felli felli. Issa kull żerriegħa bil-​qoxra protettiva tibda l-​vjaġġ individwali tagħha. Xi żrieragħ jeħlu fit-​tajn u jikbru fih maʼ xatt ix-​xmara. Madankollu, ħafna jżommu f’wiċċ l-​ilma sakemm jispiċċaw fil-​baħar u xi drabi jivvjaġġaw mijiet taʼ kilometri biex jagħmlu hekk. Jekk żerriegħa tivvjaġġa minn ħdejn xi gżejjer, tistaʼ tinqabad mill-​kurrent, u dan itellagħha fuq xatt fil-​viċin.

Iddur id-​Dinja

X’jiġri miż-​żerriegħa li tivvjaġġa f’wiċċ il-​baħar? Bil-​mod il-​mod, il-​qoxra protettiva tagħha titmermer u ż-​żerriegħa taqaʼ barra. Imbagħad tegħreq? Le, għaliex l-​ilma ma jidħolx fiha. Tistaʼ żżomm f’wiċċ l-​ilma minħabba ħofra fuq ġewwa mimlija bl-​arja li tifforma meta jiċkien il-​kotiledon. Il-​kotiledon huwa werqa li tkun għadha ħierġa miż-​żerriegħa. B’dan il-​mekkaniżmu meraviljuż disinjat biex din iż-​żerriegħa forma taʼ qalb tibqaʼ tgħix, tkun tistaʼ tivvjaġġa mingħajr ma jiġrilha xejn fil-​baħar għal xhur, saħansitra snin sħaħ, qabel ma tispiċċa fuq xi xatt fil-​bogħod.

Iż-żerriegħa kif jirnexxilha tasal f’postijiet daqstant ’il bogħod bħalma huma l-​Gżejjer Britanniċi, l-​Iskandinavja, u postijiet oħra taʼ l-​Ewropa tal-​Punent? Għal sekli sħaħ dawn iż-​żrieragħ jinġarru mal-​Kurrent tal-​Golf biex jaqsmu l-​Atlantiku. Fil-​fatt, miljuni minn dawn iż-​żrieragħ jinsabu jivvjaġġaw il-​ħin kollu mal-​kurrent taʼ l-​oċean madwar il-​globu tagħna!

Tibqaʼ tajba din iż-​żerriegħa wara vjaġġ twil u diffiċli bħal dan? Ipprova aqsam il-​qoxra taʼ barra tagħha b’lima jew sega, l-​aħjar ħdejn l-​ilo, il-​marka li tindika fejn iż-​żerriegħa kienet imwaħħla maʼ l-​ovulu. Imbagħad, iżraʼ ż-​żerriegħa fil-​ħamrija ġo qasrija, saqqiha, u ħalliha f’post fis-​sħana tax-​xemx. X’aktarx li din tinbet.

Madankollu, is-​soltu x’jiġrilha ż-​żerriegħa li tispiċċa fuq ix-​xtut fit-​temp ħafna iksaħ taʼ l-​Ewropa, li m’huwiex addattat biex tinbet b’mod naturali? Min isibha jistaʼ jżommha bħala suvenir, iżda ħafna miż-​żrieragħ jinġabru u jinbiegħu bħala xi ħaġa oriġinali, xi drabi mħalltin maʼ l-​arzell jew maż-​żibeġ biex jifformaw ġiżirajjen sbieħ. Dawk li jkollhom l-​isbaħ forma taʼ qalb huma l-​iktar prezzjużi għal dawk li jġemmgħuhom.

L-Ewropej tat-​tramuntana jużaw dawn iż-​żrieragħ​—u żrieragħ oħra li jkollhom forma rettangolari li ġejjin minn speċi simili—biex jagħmlu l-​kaxxi tat-​tabakk, tas-​sulfarini, u kaxxi żgħar li jiddendlu maʼ ġiżirana. Fl-​Ingilterra, żrieragħ bħal dawn kienu jintużaw biex it-​tfal iħokku l-​ħanek bihom. Il-​baħħara taʼ spiss jużaw dawn iż-​żrieragħ biex iġibulhom xorti tajba, għax jirraġunaw li ladarba ż-​żrieragħ jirnexxilhom jibqgħu ħajjin wara vjaġġ iebes bħal dak minn naħa s’oħra taʼ l-​oċeani, jistgħu bl-​istess mod jipproteġu lil min ikollu minnhom.

Għalhekk, meta tmur għal xi mixja fuq ix-​xatt, fittex bir-​reqqa fost l-​alka u l-​injam li jkun inġarr mal-​kurrent. Int ukoll għandek mnejn issib żerriegħa li taqsam l-​ibħra.

[Stampa f’paġna 23]

Il-​miżwed imdendel taż-​żerriegħa jistaʼ jikber sa żewġ metri fit-​tul

[Sors]

Courtesy Jean-Jacques Segalen/ Barbadine.com

[Stampa f’paġna 23]

Ġiżirajjen magħmulin minn din iż-​żerriegħa

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja