LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 6/8 pp. 5-8
  • Kif Tkampa mas-Solitudni

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tkampa mas-Solitudni
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Tiffaċċja s-​Solitudni
  • Int Ukoll Tistaʼ Tkampa mas-​Solitudni
  • Int Tistaʼ Tirbaħ is-Solitudni
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2002
  • Ħafna Għala Jħossuhom Waħedhom?
    Stenbaħ!—2004
  • Il-Bibbja Kif Tistaʼ Tgħinek Biex Ma Tħossokx Waħdek?
    Iktar Suġġetti
  • Għala m’għandix ħbieb?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 6/8 pp. 5-8

Kif Tkampa mas-​Solitudni

M’HUWIEX faċli li tkampa mas-​solitudni. Hemm emozzjonijiet qawwija involuti. Wieħed x’jistaʼ jagħmel biex ma jibqax iħossu waħdu? Xi wħud x’għamlu biex ma jibqgħux iħossuhom hekk?

Kif Tiffaċċja s-​Solitudni

Helena tieħu pjaċir tkun waħedha meta tieħu ċerti deċiżjonijiet, imma hi tħoss li s-​solitudni tistaʼ tkun perikoluża. Meta kienet żgħira, ma kienx hemm komunikazzjoni bejnha u bejn il-​ġenituri tagħha. Billi ma kinitx taf kif se tiġbed l-​attenzjoni tagħhom, hi kienet tingħalaq waħedha fil-​kamra tagħha. Hi tgħid: “Ma kontx niekol sew u barra minn hekk qabditni dipressjoni qawwija. Kont ngħid bejni u bejn ruħi, ‘Għalfejn għandi ninkwieta dwar il-​problemi tal-​ġenituri jekk huma ma jinkwetawx dwar tiegħi?’ Imbagħad bdejt naħseb li ż-​żwieġ jistaʼ jimlieli l-​vojt li kont qed inħoss. Bdejt infittex iż-​żwieġ bħala rifuġju. Imma ftit wara bdejt nirraġuna: ‘Għalfejn għandi nħassar il-​ħajja taʼ xi ħadd ieħor ukoll? L-​ewwel aħjar nirranġa l-​ħarsa tiegħi!’ Fittixt l-​għajnuna taʼ Jehovah bit-​talb, u ftaħt qalbi beraħ miegħu dwar id-​dwejjaq li kont qed inħoss.

“Fil-​Bibbja sibt kliem taʼ faraġ kbir, bħal dak taʼ Isaija 41:10: ‘La tibżax, għax miegħek jien! La titħassibx, għax Alla tiegħek jien! Jiena nwettqek, jien ngħinek; nwieżnek bil-​leminija rebbieħa tiegħi!’ Dan il-​kliem għenni ħafna għax kont inħossni bla missier. Illum naqra l-​Bibbja regolarment u nitlob lil Missieri tas-​sema. Tgħallimt ma nħossnix iktar waħdi.”

Meta xi ħadd jitlef lil xi maħbub fil-​mewt jistgħu jaqbduh dwejjaq kbar u jibda jħossu waħdu. Luisa, li għandha 16-il sena, tesprimi d-​diqa tagħha: “Missieri nqatel meta kelli ħames snin. Ipprovajt insib il-​faraġ mingħand in-​nanna, imma qatt ma ħassejt li kienet tħobbni. Ma tantx intwerejt affezzjoni meta kont żgħira, meta l-​iktar kelli bżonnha. Meta kelli bejn tmien snin u disaʼ, tliet darbiet ipprovajt nagħmel suwiċidju. Ħsibt li kienet l-​aħjar soluzzjoni għall-​familja tiegħi għax ommi kienet qed titħabat biex iġġib l-​ikel għalija u t-​tliet ħuti l-​oħra. Imbagħad bdejna nissieħbu max-​Xhieda taʼ Jehovah. Koppja miżżewġa li kienet għadha żgħira verament ħadet interess ġenwin fija. Kienu jgħiduli: ‘Int importanti għalina u ma nistgħux ngħaddu mingħajrek.’ Il-​kliem ‘Ma nistgħux ngħaddu mingħajrek’ saħħaħni ħafna. Xi drabi ma nkunx nistaʼ nesprimi s-​sentimenti tiegħi lil oħrajn, imma meta naqra xi artikli pubblikati fit-​Torri taʼ l-​Għassa jew Stenbaħ! nirringrazzja lil Jehovah, għax permezz taʼ dawn il-​pubblikazzjonijiet ħassejt l-​imħabba tiegħu. Għamilt ħafna bidliet. Illum nistaʼ nitbissem, u kapaċi niftaħ qalbi m’ommi u nesprimi magħha s-​sentimenti tiegħi taʼ dwejjaq u ferħ. Xi drabi niftakar xi affarijiet mill-​passat imma mhux bħal qabel meta kont nipprova nagħmel suwiċidju jew meta ma bqajtx inkellem lill-​maħbubin tiegħi. Dejjem niftakar f’dak li qal is-​salmista David: ‘Minħabba ħuti u ħbiebi, ħallini ngħidlek: “Is-​sliem għalik!”’”​—Salm 122:8.

Martha ilha divorzjata 22 sena, u sadanittant rabbiet tifel. “Meta noqgħod naħseb li ma rnexxejtx f’xi ħaġa nerġaʼ nibda nħossni waħdi u ma niswa għal xejn,” tgħid hi. Kif jirnexxilha ma tibqax tħossha hekk? Hi tispjega: “Sibt li l-​aħjar ħaġa hi li nitkellem mill-​ewwel m’Alla Jehovah dwar kif inkun qed inħossni. Meta nitlob, naf li ma nkunx waħdi. Jehovah jifhimni aħjar milli nifhem lili nnifsi. Nipprova wkoll insib modi kif nieħu interess persunali f’oħrajn. Il-​ministeru full-time tiegħi huwa arma qawwija b’mod speċjali kontra sentimenti negattivi. Meta titkellem m’oħrajn dwar il-​barkiet tas-​Saltna t’Alla u tinduna li m’għandhom l-​ebda tama u li għalihom il-​problemi tagħhom se jibqgħu għal dejjem, tibda tħoss li għandek ħafna għalxiex tibqaʼ tgħix u tissielet.”

Elba, li għandha 93 sena u li l-​unika tifla tagħha taqdi bħala missjunarja f’pajjiż ieħor, tgħidilna dwar kif hi tkampa mas-​solitudni: “Meta binti u żewġha ġew mistidnin jattendu l-​Iskola taʼ Gilgħad, stajt nara ’l wiċċhom jixgħel bil-​ferħ, u jien fraħt magħhom. Iktar tard, meta ngħataw l-​inkarigu li jaqdu f’pajjiż ieħor bdejt inħossni ftit egoista. Kont naf li ma kinux se jkunu iktar viċin tiegħi, u ħassejt ċerta diqa. Għalija kont qisni ninsab fis-​sitwazzjoni taʼ Ġefta u l-​unika tifla tiegħu, deskritta fi Mħallfin kapitlu 11. Kelli nitlob lil Jehovah bil-​biki, nitolbu jaħfirli. Uliedi jżommu kuntatt miegħi. Naf li għandhom ħafna x’jagħmlu, imma kulfejn ikunu qed jaqdu jsibu l-​ħin biex jgħiduli x’qed jagħmlu, u jaqsmu miegħi l-​esperjenzi li jkollhom fil-​ministeru taʼ l-​għalqa. L-​ittri tagħhom naqrahom elf darba. Huma daqslikieku jkunu kellmuni kull ġimgħa, u jien grata taʼ dan. Ukoll, l-​anzjani Kristjani fil-​kongregazzjoni tiegħi jieħdu ħsiebna sew lilna x-​xjuħ u l-​morda. Jaraw li jkollna ttrasport biex niġu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni u jipprovdulna bżonnijiet oħrajn. Jien nikkunsidra lil ħuti spiritwali bħala barka minn Jehovah.”

Int Ukoll Tistaʼ Tkampa mas-​Solitudni

Sew jekk int kbir u sew jekk żgħir, sew jekk miżżewweġ u sew jekk m’intix, sew jekk għandek ġenituri u sew jekk int orfni, sew jekk tlift lil xi ħadd maħbub u sew jekk qed tħossok waħdek għal xi raġuni oħra, hemm modi kif tkampa mas-​sentimenti tiegħek. Jocabed, tfajla taʼ 18-il sena, li missierha abbanduna l-​familja tiegħu taʼ sitta biex imur f’pajjiż ieħor, tgħid: “Tkellem! Importanti li nesprimu ruħna. Jekk le, ħadd ma se jifhimna.” Hi tagħti l-​parir: “Tibqax taħseb daqstant fuqek innifsek. Fittex l-​għajnuna minn uħud maturi u mhux minn żgħażagħ li jistgħu jkunu qegħdin f’sitwazzjoni agħar minn tiegħek.” Luisa, li ssemmiet qabel, tgħid, “Talb mill-​qalb lil Jehovah jagħtina l-​għajnuna li neħtieġu biex noħorġu minn sitwazzjoni bla tama.” Jorge, li tilef lil martu fil-​mewt, jikkummenta fuq kif hu jkampa mas-​solitudni: “Hemm bżonn il-​persistenza. Jien insib li l-​fatt li nuri interess f’oħrajn jgħinni ħafna. Jekk ‘inħossu għal xulxin’ meta nitkellmu m’oħrajn, il-​konversazzjonijiet tagħna jistgħu jkunu siewja u nistgħu niskopru s-​sabiħ li hemm f’nies oħrajn.”—1 Pietru 3:8.

Hemm ħafna affarijiet x’tagħmel biex ma tibqax tħossok waħdek. Imma qatt se jasal il-​jum meta s-​solitudni tkun xi ħaġa tal-​passat? Jekk inhu hekk, dan kif se jseħħ? L-​artiklu li ġej se jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet.

[Nota taʼ taħt]

a Xi wħud mill-​ismijiet ġew mibdulin.

[Kumment f’paġna 8]

“Talb mill-​qalb lil Jehovah jagħtina l-​għajnuna li neħtieġu biex noħorġu minn sitwazzjoni bla tama.”​—Luisa

[Kaxxa/Stampi f’paġna 7]

X’Tistaʼ Tagħmel Meta Tħossok Waħdek

◼ Żomm f’moħħok li s-​sitwazzjoni tiegħek tistaʼ tinbidel, li m’hijiex permanenti imma li hi sitwazzjoni li ħafna oħrajn għaddejjin minnha.

◼ Tippretendix iżżejjed minnek innifsek.

◼ Kun kuntent bik innifsek b’mod ġenerali.

◼ Żviluppa drawwiet tajbin fl-​ikel u fl-​eżerċizzju, u orqod biżżejjed.

◼ Uża l-​ħin li tqattaʼ waħdek biex tagħmel xi ħaġa kreattiva u titgħallem affarijiet ġodda.

◼ Oqgħod attent li ma tiġġudikax in-​nies li tiltaqaʼ magħhom skond dak li għaddejt minnu fil-​passat.

◼ Apprezza lil ħbiebek u l-​kwalitajiet uniċi tagħhom. Stinka biex ikollok grupp taʼ ħbieb tajbin. Itlob l-​opinjoni taʼ wħud akbar fl-​età u taʼ l-​esperjenza.

◼ Agħmel xi ħaġa għall-​oħrajn​—tbissmilhom, għidilhom kelma inkuraġġanti, aqsam magħhom ħsieb mill-​Bibbja. Il-​fatt li tħossok importanti għal ħaddieħor se jgħinek biex ma tħossokx waħdek.

◼ Toqgħodx toħlom dwar l-​artisti tal-​films jew tat-​televixin jew persunaġġi fil-​kotba jew fuq l-​Internet, u timmaġina li għandek relazzjoni magħhom.

◼ Jekk int miżżewweġ, tippretendix li l-​parti l-​oħra se tagħtik kulma għandek bżonn emozzjonalment. Tgħallmu ċedu u għinu u appoġġaw lil xulxin.

◼ Tgħallem kif titkellem m’oħrajn u kif tismagħhom sew. Iffoka fuq l-​oħrajn u dak li jinteressahom. Uri l-​empatija.

◼ Ammetti li tħossok waħdek, u tkellem maʼ ħabib matur, xi ħadd li tafda. Toqgħodx tbati fis-​skiet.

◼ Tixrobx iżżejjed, jew tixrob xejn. L-​alkoħol ma jneħħilikx il-​problemi​—wara ftit jerġgħu jitfaċċaw.

◼ Tkunx kburi. Aħfer lil dawk li jweġġgħuk, u agħmel li tistaʼ biex tirranġa r-​relazzjoni taʼ bejnietkom. Kun lest li tafda iktar lil oħrajn.

[Stampa f’paġna 6]

Wieħed x’jistaʼ jagħmel biex ma jibqax iħossu waħdu?

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja