LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 6/8 pp. 26-29
  • It-Tajers—Ħajtek Tistaʼ Tiddependi Minnhom!

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • It-Tajers—Ħajtek Tistaʼ Tiddependi Minnhom!
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • X’Jagħmlu t-​Tajers
  • L-​Ewwel Uħud li Bdew Jużaw il-​Lastku
  • L-​Għażla tat-​Tajers
  • Il-​Manutenzjoni tat-​Tajers
  • Tajers “Intelliġenti”
  • Paġna Tnejn
    Stenbaħ!—2004
  • Waqfu biex jagħtuni daqqa t’id
    Esperjenzi tax-Xhieda taʼ Ġeħova
  • ‘Tegħjewx’
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2013
  • Sib tweġibiet għal dawn il-mistoqsijiet
    2017-2018 Programm għall-Assemblea mal-Indokratur li Jżur il-Kongregazzjonijiet
Stenbaħ!—2004
g04 6/8 pp. 26-29

It-​Tajers—Ħajtek Tistaʼ Tiddependi Minnhom!

IMMAĠINAK f’gaġġa tal-​ħġieġ u l-​azzar weldjat. Fil-​qrib għandek reċipjenti b’likwidi aċidużi li jieħdu n-​nar. Issa intrefaʼ b’din il-​gaġġa perikoluża ftit ’il fuq mill-​art u iġri biha b’veloċità taʼ madwar 30 metru fis-​sekonda. Mhux hekk biss, imma qiegħed il-​magna tiegħek fost oħrajn simili u ħallihom jgħaddu sparati minn ħdejn xulxin waqt li magni oħra jiġu jiġru minn faċċata u jgħaddu żbrixx minn miegħek!

Bażikament hekk tagħmel kulmeta tidħol f’karozza u ssuq f’xi triq prinċipali. X’jgħinek tikkontrolla l-​karozza u ma tħossokx fil-​periklu int u ssuq? L-​iktar li jgħinuk huma t-​tajers.

X’Jagħmlu t-​Tajers

It-​tajers huma essenzjali għal diversi skopijiet. Dawn mhux talli jġorru t-​toqol tal-​karozza tiegħek, talli jipproteġuha mill-​iskossi tat-​tumbati, il-​ħofor, u skossi oħra fit-​triq. Iktar minn hekk, permezz tat-​tajers ikollok qabda tajba maʼ l-​art li hi neċessarja biex tkun tistaʼ żżid il-​veloċità, iddawwar, tieqaf, u jkollok stabbilità fid-​direzzjoni, ikunu xi jkunu l-​kundizzjonijiet tat-​triq. Madankollu, porzjon żgħir biss mit-​tajers​—bejn wieħed u ieħor daqs kartolina​—imiss maʼ l-​art kulmeta jduru.

Meta tqis kemm huma importanti t-​tajers, x’tistaʼ tagħmel biex jibqgħulek tajbin u ma jkunux taʼ periklu? U meta jasal il-​waqt, kif tagħżel it-​tajers addattati għall-​karozza tiegħek? Qabel inwieġbu dawn il-​mistoqsijiet, ejja nagħtu daqqa t’għajn lejn l-​istorja tat-​tajers.

L-​Ewwel Uħud li Bdew Jużaw il-​Lastku

Għalkemm ir-​roti ilhom jintużaw eluf taʼ snin, l-​idea li jitwaħħal il-​lastku max-​xifer tar-​roti tal-​karozza tistaʼ tgħid li hi żvilupp reċenti. L-​ewwel darba li l-​lastku naturali twaħħal mar-​roti taʼ l-​injam jew l-​azzar kien fil-​bidu tas-​seklu 19. Imma dan kien jitherra malajr, u għalhekk donnu ma kienx hemm wisq tama għar-​roti miksijin bil-​lastku—però, dan biss sakemm wasal Charles Goodyear, inventur b’determinazzjoni kbira minn Connecticut, fl-​Istati Uniti. Fl-​1839, Goodyear skopra proċess magħruf bħala l-​vulkanizzazzjoni, li fih il-​lastku jitħallat mal-​kubrit, permezz tas-​sħana u l-​pressa. Minħabba f’hekk, il-​lastku sar iktar faċli biex tifformah u jdum iktar biex jitherra. It-​tajers bil-​lastku solidu saru iktar popolari, imma r-​rikba kienet tkun kollha skossi.

Fl-1845, l-​inġinier Skoċċiż Robert W. Thomson ngħata l-​permess biex jipproduċi l-​invenzjoni tiegħu taʼ l-​ewwel tajer pnewmatiku, jew minfuħ bl-​arja. Madankollu, il-​bejgħ tat-​tajer pnewmatiku rnexxa meta Skoċċiż ieħor, John Boyd Dunlop, ipprova jagħmel ir-​rota taʼ ibnu iktar komda biex isuqha. Dunlop irċieva permess biex jipproduċi t-​tajer il-​ġdid tiegħu fl-​1888 u mbagħad waqqaf il-​kumpanija tiegħu. Minkejja dan, it-​tajer pnewmatiku kellu ostakli kbar oħra x’jegħleb.

Darba minnhom fl-​1891, ċiklista Franċiż kellu panċer fit-​tajer. Hu pprova jsewwih imma ma rnexxilux għax it-​tajer kien imwaħħal mar-​rota. Hu fittex l-​għajnuna taʼ Franċiż ieħor, Édouard Michelin, li kien magħruf għax-​xogħol tiegħu bil-​lastku vulkanizzat. Michelin qattaʼ disaʼ sigħat isewwi t-​tajer. Din l-​esperjenza ġagħlitu jivvinta tajer pnewmatiku li setaʼ jinqalaʼ minn mar-​rota biex ikun jistaʼ jissewwa faċilment.

It-tajers taʼ Michelin tant irnexxew li s-​sena taʼ wara kien hemm 10,000 ċiklista li għoġobhom jużawhom. F’qasir żmien, it-​tajers pnewmatiċi bdew jintużaw għall-​karozzini taʼ Pariġi, u l-​passiġġieri Franċiżi tgħidx kemm ħadu gost bihom. Fl-​1895, biex juru li t-​tajers pnewmatiċi jistgħu jintużaw għall-​karozzi, Édouard u ħuh, André, waħħluhom maʼ karozza tat-​tlielaq, imma din spiċċat l-​aħħar. Madankollu, in-​nies tant baqgħu skantati b’dawn it-​tajers strambi li pprovaw jaqsmuhom u jiftħuhom biex jaraw x’kienu ħbew fihom l-​aħwa Michelin!

Fis-snin 30 u 40 tas-​seklu 20, materjali ġodda u b’saħħithom bħar-​rayon, in-​nylon, u l-​polyester, ħadu post materjali iktar fraġli bħall-​qoton u l-​lastku naturali. Wara t-​tieni gwerra dinjija, sar xi xogħol biex jiġi żviluppat tajer li kien issikkat ħafna mar-​rota u jżomm l-​arja fih, u għalhekk ma jkollux bżonn tubu mimli bl-​arja minn ġewwa. Iktar ’il quddiem sar xi titjib ieħor.

Illum, biex isir tajer, jintużaw xi 200 materja prima. U bl-​għajnuna tat-​teknoloġija moderna xi tajers iservu għal 130,000 kilometru jew iktar, waqt li oħrajn jifilħu veloċità taʼ mijiet taʼ kilometri fis-​siegħa f’karozza tat-​tlielaq. Sadanittant, anki n-​nies komuni saru jaffordjaw jixtru t-​tajers.

L-​Għażla tat-​Tajers

Jekk għandek karozza, forsi jkollok tiffaċċja l-​isfida biex tagħżel tajers ġodda. Kif tinduna meta jkun wasal iż-​żmien biex tibdel it-​tajers? Billi tiċċekkja t-​tajers tiegħek regolarment għal xi affarijiet li jindikaw biċ-​ċar li qed jitherrew jew li saritilhom il-​ħsara.a Dawk li jipproduċu t-​tajers jagħmlulhom xi ħaġa fihom li tindikalek li jkunu waslu biex jinbidlu. Dawn jużaw bħal strixxi solidi tal-​lastku mal-​wiċċ tat-​tajer. Tajjeb ukoll li tiċċekkja jekk il-​wiċċ huwiex qed jinqalaʼ mill-​bqija tat-​tajer, jekk hemmx wajers ħerġin, tumbati fil-​ġnub, jew affarijiet oħra mhux tas-​soltu. Jekk issib xi waħda minn dawn, m’għandikx issuq il-​karozza qabel issewwi jew tibdel it-​tajer. Jekk it-​tajers xtrajthom ġodda, min biegħlek it-​tajer forsi jkun jistaʼ jibdillek il-​wieħed ħażin bi prezz baxx jekk ikun bil-​garanzija.

It-​tajers l-​aħjar tibdilhom tnejn tnejn pariġġ xulxin, fuq fus wieħed. Jekk tkun se tibdel tajer wieħed biss, qabblu maʼ l-​aħjar tajer sabiex tibbilanċja l-​qabda meta tieħu brejk.

Tistaʼ titħawwad meta tiġi biex tagħżel bejn it-​tipi, id-​daqsijiet, u l-​mudelli taʼ tajers differenti. Madankollu, billi tikkunsidra ftit affarijiet fundamentali, se ssibha ħafna iktar faċli biex tagħżel. L-​ewwelnett, ara x’jirrikkmanda l-​manifattur tal-​karozza. Il-​karozza tiegħek għandha ħtiġijiet speċifiċi li jridu jiġu kunsidrati, bħad-​daqs tat-​tajer u r-​rota, l-​għoli bejn il-​qiegħ tal-​karozza u l-​art, u kemm tiflaħ toqol. Tajjeb li tikkunsidra wkoll kif inhi disinjata. Il-​karozzi moderni għandhom sistemi li bihom ir-​roti ma jissakkrux u ma jiskiddjawx meta jieħdu brejk fuq art imxarrba jew bis-​silġ. Għandhom ukoll sistemi li ma jħallux ir-​roti jiżolqu u sistema li tikkontrolla l-​erbaʼ roti. Dawn huma sistemi mfasslin biex jintużaw maʼ tajers li jkollhom karatteristiċi speċifiċi. Ġeneralment tistaʼ ssir tafhom mill-​manwâl tal-​karozza tiegħek.

Fattur ieħor hu l-​kundizzjoni tat-​triq. Fejn se ssuq l-​iktar? F’toroq mhux lesti jew inkella f’toroq miksijin bit-​tarmak, fix-​xita jew inkella fin-​niexef? X’aktarx li ssuq f’diversi kundizzjonijiet. Fil-​każ, jistaʼ jkollok bżonn tajer tajjeb għal kull tip t’art u kull staġun.

Għandek tikkunsidra wkoll kemm hu mistenni jservi t-​tajer u l-​livell taʼ kemm għandu qabda maʼ l-​art. Ġeneralment, iktar ma jkun artab wiċċ it-​tajer, iktar se jkollu qabda soda imma se jitherra iktar malajr. Mill-​banda l-​oħra, jekk il-​wiċċ ikun iebes mhux ħażin it-​tajer se jkollu inqas qabda imma x’aktarx li jservi iktar. Biex tkun taf x’inhu l-​livell tal-​qabda tat-​tajers ġeneralment tistaʼ tfittex fil-​katalgi fejn jinbiegħu. Oqgħod attent għaliex dawn il-​livelli jvarjaw bejn ditta u oħra.

Meta tkun warrabt l-​għażliet li ma jgħoddux għalik, il-​prezz jistaʼ jiddetermina fl-​aħħar mill-​aħħar liema se tagħżel. Ditti magħrufin ġeneralment ikunu taʼ kwalità ogħla u jkollhom garanzija aqwa.

Il-​Manutenzjoni tat-​Tajers

Manutenzjoni tajba tat-​tajers tinvolvi tliet affarijiet: li tara li jkunu minfuħin kemm suppost, li ddawrilhom posthom b’mod regulari, u li żżommhom bilanċjati sew u bi dritt xulxin. Huwa importanti ħafna li t-​tajers ikunu minfuħin kemm suppost. Jekk ikunu minfuħin iżżejjed, il-​wiċċ se jitherra malajr fin-​nofs. Mill-​banda l-​oħra, jekk ma jkunux minfuħin biżżejjed, se jittieklu ħafna mill-​ġnub u l-​karozza tibda taħli iktar fuel.

It-tajers jistgħu jitilfu nofs kilo arja jew iktar kull xahar minħabba li toħroġ mil-​lastku. Allura tassumix li tistaʼ tinduna jekk it-​tajers humiex minfuħin kemm suppost sempliċement billi tagħti daqqa t’għajn lejn id-​dehra tagħhom. Skond l-​Assoċjazzjoni tal-​Manifatturi tal-​Lastku, “tajer jistaʼ jitlef sa nofs l-​arja li jkollu u ma jkunx jidher baxx!” Għalhekk, uża l-​apparat li jkejjel in-​nefħa tat-​tajer, u agħmel dan minn taʼ l-​inqas darba fix-​xahar. Ħafna sidien tal-​karozzi jżommu dan l-​apparat fl-​ixkaffa taħt id-​daxxbord sabiex isibuh malajr. Meta tibdel iż-​żejt tal-​magna dejjem iċċekkja t-​tajers tiegħek u dan għamlu meta t-​tajers ikunu kesħu​—jiġifieri, wara li jkunu ilhom weqfin minn taʼ l-​inqas tliet sigħat jew tkun soqt inqas minn kilometru u nofs. Il-​manwâl tal-​karozza ġeneralment jgħidlek kemm għandhom ikunu minfuħin it-​tajers jew inkella tistaʼ tara tabella ħdejn il-​bieba tan-​naħa tas-​sewwieq jew fl-​ixkaffa taħt id-​daxxbord. Jekk trid li l-​vjaġġ ma jkunx kollu skossi, tonfoħx it-​tajer kompletament, skond il-​livell li jkun imniżżel mal-​ġenb tat-​tajer.

It-tajers se jservu iktar u jitherrew bl-​istess rata jekk iddawrilhom posthom regolarment. Sakemm il-​manifattur tal-​karozza tiegħek ma jirrikkmandalikx mod ieħor, tajjeb li ddawwarhom bejn kull 10,000 u 13,000 kilometru li tagħmel. Għal darb’oħra, iċċekkja mal-​manwâl tal-​karozza għall-​aħjar mod kif iddawwar il-​post tat-​tajers.

Fl-aħħar, kull sena, jew kulmeta tinnota xi tregħid mhux tas-​soltu jew li l-​istêring mhux jaħdem sew, ara li t-​tajers ikunu bi dritt xulxin. Is-​sistema tas-​saspenxin tal-​karozza tiegħek hi disinjata b’tali mod li żżomm it-​tajers bi dritt xulxin taħt piżijiet differenti. Madankollu, iktar ma tużahom iktar se jkun neċessarju li tiċċekkja u tiddritta t-​tajers minn żmien għal żmien. Mekkanik li hu kwalifikat biex jirranġa s-​saspenxin u jiddritta r-​roti se jirranġalek it-​tajers tal-​karozza tiegħek biex jibqgħulek eżatt bi dritt xulxin, u b’hekk iservu iktar fit-​tul u s-​sewqan ikun iktar komdu.

Tajers “Intelliġenti”

Bl-​għajnuna tal-​kompjuters, xi karozzi javżaw lis-​sewwieq meta t-​tajers ma jkunux minfuħin kemm suppost skond il-​limiti tas-​sigurtà. Xi tajers jistgħu jaħdmu tajjeb għal ftit żmien mingħajr ma jkunu minfuħin kemm suppost, u oħrajn jissiġillaw ruħhom wara xi panċer. Fil-​fatt, l-​inġinieri qed jiddisinjaw tajers li jistgħu jintużaw f’ħafna iktar kundizzjonijiet differenti.

Hekk kif il-​materjali, id-​disinn tal-​wiċċ tat-​tajer, is-​sistemi tas-​saspenxin, taʼ l-​istêring, u tal-​brejkijiet jitjiebu f’karozzi moderni, it-​tajers mhux biss jagħmlu s-​sewqan eħfef imma wkoll inqas perikoluż.

[Nota taʼ taħt]

a Ara t-​tabella f’paġna 29 li se tgħinek tiċċekkja t-​tajers tiegħek.

[Tabella/Stampi f’paġna 29]

Lista taʼ Kif Tieħu Ħsieb it-​Tajers

Affarijiet li jidhru:

❑ Hemm xi tumbati mal-​ġnub tat-​tajer?

❑ Hemm xi wajers jidhru f’wiċċ it-​tajer?

❑ Għadu l-​wiċċ fil-​limitu li ma jikkaġunax periklu, jew qed jidhru l-​istrixxi solidi li jindikaw li wiċċ it-​tajer therra?

Ikkunsidra wkoll:

❑ Huma t-​tajers minfuħin skond kemm hu rikkmandat mill-​manifattur tal-​karozza?

❑ Wasal iż-​żmien biex iddawwar il-​post tat-​tajers? (Dawwarhom skond dak li jissuġġerixxi l-​manifattur tal-​karozza u wara l-​ammont taʼ kilometri suġġerit.)

❑ Għandek tibdel it-​tajers minħabba l-​bidla fl-​istaġun?

[Stampa]

L-​istrixxi solidi tal-​lastku mal-​wiċċ tat-​tajer

[Dijagramma f’paġna 28]

Partijiet taʼ Tajer

Wiċċ it-​tajer jipprovdi qabda maʼ l-​art u mad-​dawrien

Ċineg jistabbilizzaw u jsaħħu l-​wiċċ tat-​tajer

Il-​ġenb jipproteġi ġenb it-​tajer mill-​ħsara li jistaʼ jġarrab mit-​triq u mix-​xfar tal-​bankini

Is-​saffi tat-​tajer isaħħu t-​tajer u jagħmluh flessibbli

L-​inforra taʼ ġewwa żżomm l-​arja ġot-​tajer

Ix-​xifer taʼ ġewwa jżomm it-​tajer issikkat mar-​rota

[Stampi f’paġna 27]

Rota u karozza tal-​bidu, it-​tnejn li huma bit-​tajers li jintefħu; ħaddiema f’waħda mill-​ewwel fabbriki tat-​tajers

[Sors]

The Goodyear Tire & Rubber Company

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja