Il-Frodi Problema Globali
KIEN jiġbdek għal warajh u kliemu kien ħelu. Għal Karen, Wayne kien donnu eżatt dak li kienet qed tfittex fir-raġel li xtaqet ikollha bħala żewġha. “Kien dak kollu li dejjem kont nitlob għalih u nittama li jkolli,” qalet Karen. “Kulmin kien jarana flimkien kien jaħseb li konna perfetti għal xulxin. Kien iġagħalni nemmen li kien jadurani.”
Iżda kien hemm problema. Wayne qal lil Karen li hu kien jokkupa t-tielet pożizzjoni taʼ responsabbiltà fl-Australian Secret Intelligence Organization (Organizzazzjoni Awstraljana taʼ l-Informazzjoni Sigrieta). Hu xtaq jirriżenja, iżda ma setax. Kien jaf ħafna affarijiet dwar l-attivitajiet taʼ l-organizzazzjoni. Żgur li kienu joqtluh! Flimkien, il-koppja fasslu pjan: jiżżewġu, jiġbru ġidhom f’kont wieħed, jitilqu mill-Awstralja, u jaħarbu lejn il-Kanada. Karen biegħet id-dar flimkien maʼ dak kollu li kellha u tat il-flus lil Wayne.
Iżżewġu skond kif kienu ppjanaw. Wayne ħarab mill-pajjiż, imma lil Karen ħallieha warajh, abbandunata, b’inqas minn sitt dollari Awstraljani (inqas minn żewġ liri Maltin) fil-bank. Malajr indunat li kienet inqabdet f’xibka taʼ gideb maħsub tajjeb, li l-iskop ewlieni tiegħu kien li jingannaha. Bħal xi attur, Wayne kien irreċta tajjeb il-parti tiegħu—parti maħduma apposta biex hi tinġibed lejh. L-ambjent li kien ġej minnu, dak kollu li kien jinteressah, il-personalità tiegħu, u l-imħabba li kien jgħid li kellu għaliha kienu invenzjonijiet tiegħu biex jirbaħ il-fiduċja tagħha—fiduċja li switilha iktar minn 300,000 dollaru Awstraljan (Lm74,000). Uffiċjal tal-pulizija qal: “Ġiet stuprata emozzjonalment. Apparti l-flus li ġiet misruqa—inkredibbli kemm persuna tistaʼ tiġi mweġġgħa.”
“L-emozzjonijiet tiegħi mħawdin għall-aħħar,” qalet Karen. “Tani x’nifhem li kien ġenwin, meta fil-fatt ma kienx.”
Karen hija biss waħda mill-vittmi bla għadd tal-frodi mad-dinja kollha. Ħadd ma jaf eżatt kemm jinsterqu flus bl-ingann mingħand oħrajn, għalkemm iċ-ċifra hija stmata li hi mijiet taʼ miljuni taʼ liri u tkompli tiżdied kull sena. Minbarra t-telf finanzjarju, vittmi bħal Karen jgħaddu minn ħafna wġigħ emozzjonali għax jafu li xi ħadd—u spiss xi ħadd li kienu jafdawh—ipprofitta ruħu minnhom.
Prevenzjoni l-Aħjar Azzjoni
Il-kelma frodi tiġi deskritta bħala “komplott jew qerq intenzjonat biex jinkisbu flus permezz taʼ pretensjonijiet, stqarrijiet, jew wegħdi foloz.” Sfortunatament, il-biċċa l-kbira tal-frodi ma jiġux kastigati għax spiss ikun diffiċli li tingħata prova li jkun seħħ qerq intenzjonat. Iżjed minn hekk, ħafna imbroljuni jafu kif jiżgiċċaw mil-liġi—jafu kif jimbroljaw lin-nies b’tali mod li jkun diffiċli jew impossibbli ttellagħhom il-qorti. Ukoll, biex tiftaħ kawża kontra imbroljun trid ħafna żmien u flus. Normalment, dawk li jiġu kastigati għall-atti kriminali li jwettqu huma dawk li jkunu serqu miljuni taʼ liri jew li jkunu għamlu xi ħaġa tant offensiva li tiġbed l-attenzjoni taʼ ħafna nies. Anki meta imbroljun jinqabad u jiġi kastigat, probabbli jkun diġà nefaq jew ħeba l-flus li jkun seraq. Għaldaqstant, il-vittmi rari jirċievu kumpens għall-flus li jkunu tilfu.
Fi ftit kliem, jekk tinsteraq b’ingann, x’aktarx li ma jkollokx għand min tirrikorri. Ikun ferm aħjar li tevita li taqaʼ vittma milli tipprova tara kif se terġaʼ tieħu flusek lura wara li tkun ingdimt. Żmien twil ilu raġel għaref kiteb: “Min hu bil-għaqal jara l-għawġ u jwarrab; min hu moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.” (Proverbji 22:3) L-artiklu li jmiss jispjega modi differenti kif tistaʼ tipproteġi ruħek mill-frodi.