Mingħand il-Qarrejja
Trasfużjonijiet tad-Demm Jien tabib u evanġelizzatur full-time; u grat ħafna li ppubblikajtu l-esperjenza taʼ Yasushi Aizawa, “Aċċettajt il-Ħarsa t’Alla dwar id-Demm.” (8 taʼ Diċembru, 2003) L-esperjenza tiegħu hija simili ħafna għal tiegħi għaliex anki jien kelli nitgħallem inpoġġi l-mediċina fit-tieni post f’ħajti. Forsi jirnexxili niltaqaʼ maʼ Ħuna Aizawa fid-dinja l-ġdida t’Alla, fejn it-tnejn li aħna se nkunu bla xogħol għax hemmhekk mhux se jkun hemm bżonn taʼ tobba!
A. S., Ekwador
F’Ottubru taʼ l-2002, sirna nafu li ż-żgħira tagħna kellha kanċer. Il-kura kienet diffiċli għax kellha bżonn żewġ operazzjonijiet, il-kimoterapija, u r-radjazzjoni. Matul dak iż-żmien, aħna għamilna kull sforz ħalli nżommu mal-kmand tal-Bibbja biex ma niħdux id-demm. Dan ma kienx faċli għax fil-Litwanja d-demm jingħata kważi lit-tfal kollha li jkollhom bżonn il-kimoterapija. L-artiklu “Aċċettajt il-Ħarsa t’Alla dwar id-Demm” saħħaħna biex inkomplu nżommu l-ħarsa taʼ Ġeħova. U issa t-tifla tagħna qed tfiq mill-kanċer.
M. u S. D., Litwanja
Spirtu taʼ Kompetizzjoni bejn l-Aħwa Nixtieq nirringrazzjakom minn qalbi taʼ l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Kif Nistaʼ Nkun Apprezzat għal Min Jien Minflok Ma Niġi Mqabbel maʼ Ħuti?” (8 taʼ Diċembru, 2003) Jien għandi 16-il sena, u donnu li l-attenzjoni dejjem tkun fuq oħti l-kbira. M’għandniex xi ngħidu, f’moħħi naf li Ġeħova jagħti kasi, imma ma nistax nifhem għala xorta nħossni waħdi. L-artiklu għenni nifhem is-sentimenti tiegħi. U minħabba li ntuża kliem tant sabiħ, għajnejja mtlew bid-dmugħ meta qrajtu. Grazzi tal-pariri prattiċi. L-artiklu qanqalni ħafna.
M. O., Ġappun
Xi darba jew oħra ħassejtni kif ħassewhom iż-żgħażagħ kwotati fl-artiklu. Oħti l-kbira minn dejjem kienet meqjusa bħala xi ħadd t’eżempju tajjeb. Allura naf kif tħossok meta dejjem iqabbluk maʼ xi membru ieħor tal-familja. Dak li għedtu fl-artiklu, biex issib xi ħaġa li vera taf tagħmel, kien bħal “tuffieħ tad-deheb fuq platt tal-fidda”—kliem li ġie preċiż fil-ħin.—Proverbji 25:11.
S. T., Stati Uniti
Jien għandi oħti akbar minni u ħija iżgħar. Huma ħafna aħjar minni f’ħafna affarijiet. Għalhekk ħadt il-parir tagħkom, u issa qed nitgħallem l-Ispanjol u qed noħroġ fil-ministeru iktar spiss. Qed nieħu pjaċir nitgħallem—u n-nies qed jagħtu kasi.
H. B., Stati Uniti
L-Isem t’Alla Fis-sena 1983 xtrajt ktieb għat-tfal tiegħi dwar il-Ħawajj. Il-ktieb qal li madwar is-sena 1800, mara taʼ wieħed mill-kapijiet tat xiehda dwar Alla tagħha, Ġeħova. Dak iż-żmien ma tantx kienet xi ħaġa komuni fis-Slovakkja, li kien pajjiż soċjalist, li tara l-isem t’Alla f’letteratura li tkun pubblikata. U għal snin sħaħ kien misteru għalina kif il-mara tal-kap kienet taf l-isem t’Alla lura f’dak iż-żmien. B’hekk, meta qrajna l-artiklu “Isem Ġeħova fil-Gżejjer tal-Paċifiku” (8 taʼ Novembru, 2003), fraħna meta rajna l-ispjegazzjoni.
E. G., Slovakkja
Missjunarju fl-Afrika Apprezzajt ħafna l-bijografija taʼ Ernest Pandachuk, “Il-Pedament Tiegħi għal Ħajja Mimlija Skop.” (8 taʼ Novembru, 2003) Jien qed niffaċċja diversi problemi, bħal li rrabbi lit-tifel tiegħi waħdi u għandi problemi tas-saħħa. Imma l-problemi tiegħi ma jistgħux jitqabblu maʼ dak li jridu jiffaċċjaw xi wħud minn ħutna l-Kristjani fl-Afrika. L-artiklu messli qalbi u qanqalni biex nimmedita fuq il-wegħda taʼ Ġesù li tinsab f’Mattew 6:33 li Ġeħova jieħu ħsieb dawk li jfittxu s-Saltna l-ewwel.
M. C., Russja
Ħarsa Lejn id-Dinja Nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi għas-sezzjoni “Ħarsa Lejn id-Dinja.” Hija l-ewwel ħaġa li naqra fir-rivisti u nkun qed nistenna bil-ħerqa biex nara l-istampi. Jinkuraġġuni naqra dwar suġġetti li s-soltu ma jolqtunix—per eżempju s-suġġett “Ħut Storbjuż” fil-ħarġa tat8 taʼ Novembru, 2003. Kemm kien tad-daħq!
N. N., Stati Uniti
Taħt it-titlu “Protezzjoni min-Nemus” fis-sezzjoni “Ħarsa Lejn id-Dinja” (8 t’Awissu, 2003), intom tirreferu għar-rapport li jirrikkmanda li tieħu “300 milligramma vitamina B1” kuljum. Jekk tieħu dan l-ammont kuljum jistaʼ jkollu effetti ħżiena fuq il-ġisem.
H. M., Ġappun
“Stenbaħ!” iwieġeb: L-awtoritajiet ma jaqblux dwar l-ammont taʼ vitamina B1 (“thiamine”) li jistaʼ jkun taʼ ħsara. Xi wħud jirrikkmandaw doża taʼ 1.1 milligramma kuljum. Madankollu, rapport pubblikat mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa jgħid li skond xi rapporti, “instab li dożi orali taʼ 500 milligramma meħudin għal xahar ma kinux tossiċi.” Hu x’inhu l-każ, dan żgur hu suġġett għal iżjed riċerka.