Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
X’Jiġri jekk Jgħidlek Le?
KONT tqisu bħala ħabib. Imma mbagħad laqtek b’mod differenti. Forsi kienu l-manjieri tajbin tiegħu, jew il-mod kif tbissimlek meta kien ikellmek, li ġibduk lejh. Kien x’kien il-każ, għadda ż-żmien u ma wera ebda interess romantiku fik. Għalhekk int iddeċidejt li tistaqsih jekk hu xtaqx ikun iktar minn sempliċi ħabib. B’diżappunt kbir għalik, bil-ħlewwa imma b’mod deċiż qallek le.a
Naturalment, tħossok imweġġgħa. Imma tagħmilhomx bi kbar; ipprova żomm ħarsa xierqa. Iva, żagħżugħ qal li m’huwiex interessat f’relazzjoni romantika miegħek. Ftakar, id-deċiżjoni tiegħu ma tbiddilx il-valur tiegħek bħala persuna, u lanqas ma tfisser li oħrajn mhux se jkomplu jħobbuk u jirrispettawk. Fil-fatt, id-deċiżjoni tiegħu forsi m’għandhiex x’taqsam maʼ dak li jaħseb dwarek bħala persuna imma għaliex għandu miri persunali u prijoritajiet differenti minn tiegħek.
Jekk int Kristjana, forsi tistaʼ tiftakar ukoll li ‘Alla mhux inġust biex jinsa għemilek u l-imħabba li wrejt għal ismu.’ (Ebrej 6:10) Sonjab tispjega b’dan il-mod: “Int għadek taʼ valur. Int tistaʼ tkun t’użu għal Ġeħova bħala persuna mhux miżżewġa.” Ladarba l-Iktar Għoli u oħrajn iqisuk bħala prezzjuża, għala għandek titlef ir-rispett lejk innifsek?
Forsi xorta tħoss li ġarrabt falliment jew tibżaʼ li forsi m’intix tajba għaż-żwieġ. Imma għax m’intix tajba għal dan iż-żagħżugħ ma jfissirx li m’intix se tkun tajba għal xi ħaddieħor. (Mħallfin 14:3) Għalhekk, minflok ma tqis it-tfittxija tiegħek għal sieħeb tajjeb bħala falliment, agħraf li l-isforzi tiegħek irriżultaw f’benefiċċju: Int tgħallimt li dan iż-żagħżugħ mhux sieħeb tajjeb għalik. Għala ngħidu hekk?
Hu Kien Tajjeb Għalik?
Il-Bibbja tikkmanda lill-irġiel miżżewġin biex “iħobbu lin-nisa tagħhom, bħal ġisimhom stess.” (Efesin 5:28) Tikkmanda wkoll lill-irġiel biex ‘jonoraw’ lin-nisa tagħhom. (1 Pietru 3:7) Issa f’dan il-każ, iż-żagħżugħ forsi japprezzak bħala ħabiba. Imma billi qallek le, sa ċertu punt wera li f’dan iż-żmien hu mhux lest biex iħobbok u jonorak bħala martu. Kellu d-dritt jieħu din id-deċiżjoni. Ikkunsidra dan: Jekk iħossu hekk, ikun verament sieħeb tajjeb għalik? Immaġina kemm tkun imdejqa jekk tiżżewweġ lil xi ħadd li ma jħobbokx u ma jgħożżokx kif tidderieġi l-Iskrittura!
Issa li t-tamiet tiegħek għal relazzjoni romantika spiċċaw fix-xejn forsi jkun t’għajnuna jekk terġaʼ tikkunsidra sew lil dan iż-żagħżugħ. Kultant l-infatwazzjoni tagħmik għal nuqqasijiet persunali jew spiritwali li forsi jkunu ovvji f’għajnejn ħaddieħor. Per eżempju, vera li ma kienx jaf bis-sentimenti tiegħek għalih, jew kien hu stess li inkuraġġiek biex dawn is-sentimenti jikbru billi baqaʼ jassoċja miegħek? Jekk taʼ l-aħħar kien il-każ, ma jindikax dan li hu mhux lest ikun raġel miżżewweġ Kristjan li juri konsiderazzjoni u empatija? Jekk iva, huwa tajjeb li sirt taf, għalkemm jistaʼ jkun taʼ wġigħ.
L-emozzjonijiet taʼ Marcia tqanqlu meta żagħżugħ beda juriha attenzjoni speċjali. Meta staqsietu dwar l-intenzjonijiet tiegħu, hu qalilha li ma kienx interessat f’relazzjoni magħha. X’għenha tkampa mad-diżappunt tagħha? Hi tgħid, “Billi ħsibt b’moħħi, mhux b’qalbi, stajt inkampa mas-sentimenti tiegħi.” Billi ftakret f’dak li titlob il-Bibbja mingħand irġiel miżżewġin hi rrealizzat li hu ma kienx jikkwalifika. Dan għenha tegħleb in-niket tagħha.
Andrea kellha esperjenza simili maʼ raġel żagħżugħ. Maż-żmien indunat li l-azzjonijiet tiegħu lejha wrew nuqqas taʼ maturità. Saret taf li hu ma kienx lest għaż-żwieġ, u hi grata li Ġeħova fetħilha għajnejha għal dan il-fatt. Hi tgħid, “Jien nemmen li Ġeħova jistaʼ jipproteġik minn ċirkustanzi li jistgħu jweġġgħuk, imma int trid tafda Fih.” M’għandniex xi ngħidu, f’ħafna każi żagħżugħ jaġixxi kif suppost u jgħid le minħabba raġunijiet li huma taʼ min ifaħħarhom. Ikun xi jkun il-każ, kif tistaʼ tkampa mas-sentimenti li jirriżultaw?
X’Tistaʼ Tagħmel dwar is-Sentimenti Tiegħek
Qalbek għandha mnejn teħtieġ iż-żmien biex taċċetta l-fatt li hu qallek le. L-affezzjoni tiegħek għalih żviluppat biż-żmien, u biex tonqos din l-affezzjoni wkoll tirrikjedi ż-żmien. Huwa rari li sentimenti romantiċi jistgħu jintfew b’xi swiċċ, bħal xi bozza. Forsi jkun hemm ġranet meta tħoss li ma tistax tikkontrollahom! Kun paċenzjuża miegħek innifsek. Mal-mogħdija taż-żmien, dawn is-sentimenti jisparixxu. Imma jekk trid li dawn is-sentimenti jisparixxu iktar malajr, evita affarijiet li jistgħu jkebbsuhom.
Per eżempju, toqgħodx tikkritika lilek innifsek billi teżamina kull kelma jew ġest li tkun għamilt meta rrivelajt is-sentimenti tiegħek liż-żagħżugħ. Jekk toqgħod taħseb dwar dan, għandek mnejn tispiċċa temmen li mhux vera ried jgħid le jew li jekk tipprova mod ieħor forsi tirnexxi. Aċċetta l-fatt li ma tistax tbiddel dak li jħoss hu. X’aktarx li, anki kieku avviċinajtu b’mod differenti, it-tweġiba tiegħu xorta kienet tkun le.
Il-fantasiji wkoll jistgħu jkunu taʼ ħsara. Tistaʼ tibda tpinġi stampa f’moħħok fejn it-tnejn li intom tgħixu ferħanin flimkien għal dejjem. Dawn il-fantasiji jistgħu jidhru li jserrħuk xi ftit, imma dawn m’humiex reali. Meta jieqfu, terġaʼ tħoss is-sentimenti taʼ telfa u magħhom terġaʼ tħoss l-uġigħ tiegħek. Dan iċ-ċiklu taʼ ferħ u wġigħ li ma tkunx tistaʼ tissaporti jistaʼ jibqaʼ għaddej għal żmien twil sakemm ma tagħmilx sforz biex twaqqfu.
Stinka biex twarrab il-fantasiji minn moħħok. Meta jibdew, qum u mur imxi mixja. Agħmel xi attività fiżika—xi ħaġa biex tgħinek tbiddel il-ħsibijiet tiegħek. Ikkonċentra fuq affarijiet li jibnuk, mhux affarijiet li jġagħluk tħossok dipressa. (Filippin 4:8) Dan jistaʼ jkun diffiċli għall-ewwel, imma maż-żmien tirbaħ il-battalja u ssib il-paċi.
L-appoġġ mill-ħbieb tal-qalb jistaʼ jgħinek. (Proverbji 17:17) Madankollu, Sonja tagħti din it-twissija: “Mhux se jgħinek jekk l-uniċi ħbieb tiegħek m’humiex miżżewġin, huma taʼ l-istess età, u jixtiequ jiżżewġu. Għandek bżonn ukoll ħbieb akbar, li jistgħu jgħinuk tħares lejn l-affarijiet b’mod xieraq.” U ftakar, hemm xi ħadd li jistaʼ jkun saħansitra taʼ iktar għajnuna biex tegħleb l-uġigħ li qed tħoss.
Ġeħova—Ħabib u Appoġġ
Meta raġel leali fiż-żminijiet tal-qedem ħassu diżappuntat, hu talab lil Ġeħova għall-għajnuna. X’kien ir-riżultat? Hu kiteb: “Meta joktor l-hemm ġo qalbi, il-faraġ tiegħek hennieli ruħi.” (Salm 94:19) Ġeħova se jfarrġek u jappoġġak ukoll jekk titolbu bil-fidi. Andrea hekk għamlet. Hi tgħid, “It-talb hu importanti ħafna biex jgħinek tegħleb l-uġigħ u timxi ’l quddiem.” Bl-istess mod, Sonja tgħid hekk dwar it-talb, “Jgħinek tistma lilek innifsek u ma tiddependix fuq jekk oħrajn iridukx jew le.”
Ebda bniedem ma jistaʼ jifhem għalkollox is-sentimenti tiegħek, imma Ġeħova jistaʼ. Hu ħalaq lill-bnedmin biex jaqsmu l-imħabba fiż-żwieġ. Hu jaf il-qawwa taʼ l-attrazzjoni romantika, u jaf kif jikkontrollaha. Hu jistaʼ jgħinek tegħleb l-uġigħ taʼ qalb kbir, għax l-1 Ġwanni 3:20 jgħid: “Alla hu akbar minn qlubna u jaf kollox.”
Żomm il-Bilanċ
Iż-żwieġ jistaʼ jkun sors taʼ ferħ kbir, imma m’huwiex l-uniku sors. Dawk kollha li jaqdu lil Ġeħova jistgħu jesperjenzaw il-ferħ, u l-miżżewġin m’humiex l-uniċi nies li jsibu dan il-ferħ. F’ċerti aspetti, dawk li m’humiex miżżewġin għandhom ċerti vantaġġi li l-miżżewġin m’għandhomx. Ma jsofrux it-“tribulazzjoni f’laħamhom” imsemmija fl-1 Korintin 7:28. Din it-tribulazzjoni tirreferi għall-istress u l-problemi li jesperjenzaw koppji miżżewġin. Uħud mhux miżżewġin għandhom ukoll iktar libertà persunali u jistgħu faċilment jużaw iktar minn ħajjithom fis-servizz taʼ Ġeħova. B’hekk, il-Bibbja tgħallem: “Min jiżżewweġ jagħmel sewwa, imma min ma jiżżewwiġx jagħmel aħjar.” (1 Korintin 7:38) Anki jekk għandek xewqa kbira biex tiżżewweġ, jekk timmedita fuq dak li tgħallem il-Bibbja tistaʼ tiġi megħjuna biex iżżomm il-bilanċ u tagħmel l-aħjar li tistaʼ fiċ-ċirkustanzi preżenti tiegħek.
Bis-sinċerità kollha, xi ħbieb forsi jgħidulek, “Tinkwetax, xi darba tiltaqaʼ maʼ xi ħadd meraviljuż.” U huwa minnu li għax żagħżugħ wieħed qallek le ma jfissirx li qatt ma se tiżżewweġ. Però, żagħżugħa Kristjana jisimha Candace tirraġuna b’dan il-mod: “Jien nafda f’Ġeħova. Ma nistenniex li se jagħtini sieħeb biex jagħmilni ferħana. Imma naf li se jagħtini dak li neħtieġ biex nimla dan il-vojt.” Billi taħseb b’mod pożittiv għenha biex tegħleb diżappunt romantiku.
F’din id-dinja, spiss ifallu attentati biex tinbeda relazzjoni romantika, imma dan jistaʼ jingħad ukoll għal ħafna żwiġijiet. Jekk tafda f’Ġeħova u tobdi l-pariri tiegħu, hu jistaʼ jgħinek tbiddel id-diżappunt f’ferħ. Jistaʼ jkollok esperjenza bħal dik tas-Sultan David, li kiteb: “Sidi, quddiemek hi x-xewqa kollha tiegħi; it-tnehid tiegħi m’hux moħbi minnek. Għax fik, Mulej, jien nittama; int li twieġeb, Sid u Alla tiegħi.”—Salm 38:10, 16 (38:9, 15, NW).
[Noti taʼ taħt]
a L-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Kif Nistaʼ Ngħidlu X’Qed Inħoss?” (8 t’Ottubru, 2004) spjega li f’xi pajjiżi jistaʼ jkun hemm oġġezzjonijiet kulturali jekk mara tavviċina raġel dwar relazzjoni romantika. Filwaqt li l-Bibbja ma tikkundannax din id-drawwa, tinkuraġġixxi lill-Kristjani biex jevitaw li jkunu taʼ tfixkil għal ħaddieħor. B’hekk, dawk li jixtiequ l-barka t’Alla jagħmlu tajjeb jekk jikkunsidraw il-parir tal-Bibbja meta jiddeċiedu x’għandhom jagħmlu.—Mattew 18:6; Rumani 14:13; 1 Korintin 8:13.
b Xi ismijiet ġew mibdulin.
[Stampi f’paġna 20]
Ħu vantaġġ mill-għajnuna li jipprovdi Alla