Il-Ħarsa tal-Bibbja
Għandhom l-Ikoni Jintużaw fil-Qima?
KULL 15 t’Awissu, fuq il-gżira Griega taʼ Tínos issir ċelebrazzjoni reliġjuża kbira. Eluf taʼ nies jinġabru biex jagħtu venerazzjoni lil Marija, omm Ġesù, u l-ikona tagħha, li jintqal li għandha qawwiet mirakolużi.a Xogħol taʼ referenza mill-Knisja Griega Ortodossa jispjega: “B’fidi u devozzjoni speċjali aħna nonoraw l-Iktar Qaddisa Theotokos, Omm il-Mulej tagħna, u nitolbu għall-protezzjoni, il-kenn, u l-għajnuna tagħha. Aħna nfittxu l-għajnuna tal-Qaddisin li jagħmlu xogħol taʼ l-għaġeb—irġiel u nisa Qaddisin—għall-bżonnijiet spiritwali u fiżiċi tagħna . . . B’devozzjoni kbira nbusu u nqimu r-relikwi mqaddsa tagħhom u l-ikoni sagri.”
Ħafna oħrajn li jgħidu li huma Kristjani jappartjenu lil denominazzjonijiet li jieħdu sehem f’atti simili taʼ qima. Iżda huwa l-użu taʼ l-ikoni fil-qima appoġġat mit-tagħlim tal-Bibbja?
Il-Kristjani tal-Bidu
Ikkunsidra x’ġara madwar is-sena 50 E.K. meta l-appostlu Pawlu żar Ateni, belt fejn kien hemm enfasi kbira fuq l-użu tax-xbihat fil-qima. Pawlu spjega lil dawk f’Ateni li Alla “ma jgħammarx f’tempji magħmulin bl-idejn, lanqas m’hu moqdi minn idejn il-bnedmin bħallikieku jeħtieġ xi ħaġa . . . Għalhekk, . . . m’għandniex nimmaġinaw li d-Divin hu bħad-deheb jew il-fidda jew il-ġebel, bħal xi ħaġa skolpita bl-arti u bl-invenzjoni tal-bniedem.”—Atti 17:24, 25, 29.
Attwalment, twissijiet bħal dawn dwar l-użu taʼ l-idoli huma komuni fl-Iskrittura Griega Kristjana, imsejħa wkoll it-Testment il-Ġdid. Per eżempju, l-appostlu Ġwanni wissa lill-Kristjani: “Ħarsu ruħkom mill-idoli.” (1 Ġwanni 5:21) Pawlu kiteb lill-Korintin: “Xi ftehim għandu t-tempju t’Alla maʼ l-idoli?” (2 Korintin 6:16) Qabel ma saru Kristjani, ħafna wħud fl-ewwel seklu kienu jużaw ix-xbihat reliġjużi fil-qima tagħhom. Pawlu fakkar lill-Kristjani f’Tessalonika dwar dan meta kiteb: “Dortu lejn Alla mill-idoli tagħkom biex titjassru għal Alla ħaj u veru.” (1 Tessalonikin 1:9) Bla dubju, dawk il-Kristjani kien se jkollhom l-istess ħarsa dwar l-ikoni bħalma kellhom Ġwanni u Pawlu.
Il-“Kristjani” Jibdew Jużaw l-Ikoni
L-Encyclopædia Britannica tgħid “li matul l-ewwel tliet sekli tal-Knisja Kristjana, . . . ma kienx hemm arti Kristjana, u ġeneralment il-knisja opponiet b’kemm kellha saħħa. Per eżempju, Klement taʼ Lixandra kkritika l-arti reliġjuża (pagana) minħabba li kienet tinkuraġġixxi lin-nies biex iqimu dak li nħoloq minflok lill-Ħallieq.”
Allura, l-użu taʼ l-ikoni kif sar daqshekk popolari? Il-Britannica tkompli: ‘Lejn in-nofs tat-tielet seklu tfaċċat l-arti tat-tpinġija u bdiet tintuża u tiġi aċċettata fil-Knisja Kristjana, iżda kien hemm oppożizzjoni qawwija f’xi kongregazzjonijiet. Kien biss meta l-Knisja Kristjana saret il-knisja imperjali Rumana taħt l-Imperatur Kostantinu fil-bidu tar-rabaʼ seklu li l-istampi bdew jintużaw fil-knejjes u bdew jiġu aċċettati bħala prattika komuni fil-Knisja “Kristjana.”’
Prattika komuni fost il-ħafna pagani li bdew jgħidu li huma Kristjani kienet li jqimu l-pitturi taʼ l-imperatur. “Fi qbil mal-qima taʼ l-imperatur,” jispjega John Taylor fil-ktieb tiegħu Icon Painting, “in-nies kienu jqimu l-pittura tiegħu mpinġija fuq il-kanvas jew l-injam, u din il-prattika wasslet malajr għall-venerazzjoni taʼ l-ikoni.” Għalhekk, il-qima pagana taʼ l-istampi nbidlet bil-venerazzjoni taʼ l-istampi taʼ Ġesù, Marija, l-anġli, u l-“qaddisin.” Dawn l-istampi li bdew jintużaw fil-knejjes bdew bil-mod il-mod jidħlu fid-djar taʼ miljuni taʼ nies, u bdew jiġu meqjumin hemmhekk ukoll.
Il-Qima “bl-Ispirtu u l-Verità”
Ġesù qal lis-semmiegħa tiegħu li l-qaddejja t’Alla għandhom iqimuh “bl-ispirtu u l-verità.” (Ġwanni 4:24) Għalhekk, meta persuna sinċiera tfittex biex issir taf il-verità dwar l-użu taʼ l-ikoni fil-qima, din għandha ddur lejn il-Kelma t’Alla biex issir taf sew dwar dan is-suġġett.
Per eżempju, fil-Bibbja nsibu dak li qal Ġesù: “Jien it-triq, il-verità, u l-ħajja. Ħadd ma jiġi għand il-Missier ħlief permezz tiegħi.” (Ġwanni 14:6) Pawlu ddikjara li “hemm Alla wieħed, u medjatur wieħed bejn Alla u l-bnedmin, Kristu Ġesù, bniedem,” u li “Kristu . . . jitlob bil-ħniena għalina.” (1 Timotju 2:5; Rumani 8:34) Dawn l-irwoli taʼ Ġesù jieħdu tifsir iktar ċar meta naqraw li Kristu jistaʼ “jsalva għalkollox lil dawk li qed jersqu lejn Alla permezz tiegħu, għax hu dejjem ħaj biex jitlob bil-ħniena għalihom.” (Ebrej 7:25) Għandna nitolbu lil Alla f’isem Ġesù Kristu. L-ebda persuna oħra, u żgur li l-ebda ikona bla ħajja, ma tistaʼ tissostitwih. Għarfien bħal dan mill-Kelma t’Alla jistaʼ jgħin lil xi ħadd li qed ifittex il-verità biex isib it-triq ħalli jqim “lill-Missier bl-ispirtu u l-verità” u jesperjenza l-barkiet li jiġu minn dan il-mod taʼ qima superjuri. Tabilħaqq, bħalma qal Ġesù, “il-Missier qed ifittex nies bħal dawn biex iqimuh.”—Ġwanni 4:23.
[Noti taʼ taħt]
a Ġeneralment, ikona reliġjuża hija rappreżentazzjoni jew simbolu meqjum minn membri taʼ reliġjon partikulari. Per eżempju, fil-Knisja Ortodossa tal-Lvant, xi wħud huma rappreżentazzjoni taʼ Kristu; oħrajn jirrappreżentaw it-Trinità, il-“qaddisin,” l-anġli jew, bħalma msemmi iktar kmieni, Marija omm Ġesù. Miljuni taʼ nies għandhom rispett kbir għall-ikoni, u dan jixbah l-attitudni li ħafna għandhom lejn ix-xbihat li jintużaw fil-qima. Ċerti reliġjonijiet li jsostnu li m’humiex Kristjani għandhom twemmin u sentimenti simili lejn l-ikoni u x-xbihat tad-divinitajiet tagħhom.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 20]
Boris Subacic/AFP/Getty Images