Lill-Qarrejja Tagħna
MINN din il-ħarġa ’l quddiem, se jkun hemm xi tibdil fil-mod kif se jkun imqassam Stenbaħ! Għalkemm ċerti affarijiet se jkunu differenti, ħafna affarijiet se jibqgħu l-istess.
Stenbaħ! għad għandu l-istess għan li kellu għal ħafna għaxriet taʼ snin. Kif hemm spjegat f’paġna 4, “din ir-rivista tiġi pubblikata għat-tidwil tal-familja kollha.” Stenbaħ! se jibqaʼ jinforma lill-qarrejja tagħna u jżommhom konxji taʼ x’qed jiġri fid-dinja madwarna billi jeżamina ġrajjiet fid-dinja, jitkellem dwar nies taʼ diversi kulturi, jiddeskrivi l-meravilji fil-ħolqien, jiddiskuti s-saħħa, jew jispjega x-xjenza għal min m’huwiex midħla tagħha.
Fil-ħarġa tat-22 t’Awissu, 1946, l-Awake! wiegħed: “L-għan ewlieni taʼ din ir-rivista se jkun li żżomm kemm jistaʼ jkun mal-verità.” Fi qbil maʼ dik il-wegħda, Stenbaħ! dejjem ħabrek biex jippubblika informazzjoni li hija bbażata fuq il-fatti. Sabiex dan ikun possibbli, isiru riċerki dettaljati għall-artikli tiegħu, u dawn jiġu ċċekkjati bir-reqqa sabiex jiġi żgurat li kollox huwa preċiż kif suppost. Imma dan il-ġurnal wera wkoll kemm ‘iżomm mal-verità’ b’mod tassew iktar importanti.
Stenbaħ! dejjem idderieġa lin-nies lejn il-Bibbja. Madankollu, b’seħħ minn din il-ħarġa, Stenbaħ! se jkun fih ħafna iktar artikli bbażati mill-Bibbja milli kellu qabel. (Ġwanni 17:17) Stenbaħ! se jkompli jkun fih artikli li juru kif il-pariri prattiċi tal-Bibbja jistgħu jgħinuna ngħixu ħajja li jkollha sinifikat u suċċess fiż-żmien taʼ llum. Per eżempju, hemm ħafna gwida mill-Bibbja provduta fis-serje “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . ” u “Il-Ħarsa tal-Bibbja,” li se jibqgħu jidhru regolarment f’dan il-ġurnal. Barra minn hekk, Stenbaħ! se jibqaʼ jidderieġi lill-qarrejja tiegħu lejn il-wegħda fil-Bibbja għad-dinja l-ġdida fil-paċi li dalwaqt se tieħu post is-sistema dinjija taʼ bla liġi li hawn bħalissa.—Rivelazzjoni 21:3, 4.
X’se jkun hemm iktar differenti? B’seħħ minn din il-ħarġa, Stenbaħ! se jiġi pubblikat darba fix-xahar bil-maġġorparti mit-82 lingwa li bihom jiġi pubblikat (b’ħafna lingwi, qabel kien jiġi pubblikat darbtejn fix-xahar).a Is-sezzjoni “Ħarsa Lejn id-Dinja,” li ilha tidher regolarment sa mill-1946, se tibqaʼ tidher f’kull ħarġa imma se titnaqqas minn żewġ paġni għal paġna waħda. F’paġna 31 qed nintroduċu wkoll sezzjoni ġdida interessanti li se tidher regolarment u li jisimha “Int Kif Twieġeb?” Din x’se jkun fiha, u kif tistaʼ tużaha?
Ħu ftit ħin biex tagħti daqqa t’għajn f’paġna 31 taʼ din il-ħarġa. Xi sezzjonijiet minn din il-paġna se jolqtu lill-qarrejja ż-żgħar; oħrajn se jittestjaw il-memorja taʼ studenti tal-Bibbja li għandhom iktar esperjenza. Is-sezzjoni “Meta fl-Istorja?” se tgħinek tibni linja kronoloġika li turi meta għexu ċerti karattri Bibliċi u meta ġraw l-iktar ġrajjiet importanti. Filwaqt li t-tweġibiet għas-sezzjoni “Minn Din il-Ħarġa” se jkunu jistgħu jinkisbu hekk kif wieħed jaqra r-rivista, it-tweġibiet għall-maġġorparti mill-mistoqsijiet l-oħra se jidhru fuq paġna speċifika fl-istess ħarġa, u se jkunu stampati rashom ’l isfel. Għala ma tagħmilx ftit riċerka qabel ma taqra t-tweġibiet, u mbagħad taqsam dak li tgħallimt m’oħrajn? Tistaʼ wkoll tuża dan l-aspett ġdid, “Int Kif Twieġeb?” bħala bażi għal diskussjonijiet mill-Bibbja fil-familja jew fi grupp.
Xi 60 sena ilu, Stenbaħ! għamel din il-wegħda: “Rigward is-suġġetti diskussi, din ir-rivista se tagħmel li tistaʼ biex tittratta l-informazzjoni minn ħarsa globali iktar milli minn ħarsa lokali. Se tappella għal nies onesti minn kull pajjiż. . . . Il-materjal u l-kontenut tar-rivista . . . se jkunu informattivi, edukattivi, u interessanti għal għadd kbir taʼ nies, kemm kbar kif ukoll żgħar.” Il-qarrejja minn madwar id-dinja kollha jaqblu li Stenbaħ! żamm dik il-wegħda. Aħna niżgurawkom li hekk se jkompli jagħmel.
Il-Pubblikaturi
[Nota taʼ taħt]
a B’xi lingwi, Stenbaħ! huwa pubblikat erbaʼ darbiet fis-sena u l-aspetti li huma diskussi f’dan l-artiklu għandhom mnejn ma jidhrux fl-edizzjonijiet kollha.
[Stampi f’paġna 3]
L-isem The Golden Age li ngħata fl-1919 inbidel għal Consolation fl-1937, u għal Awake! fl-1946
[Stampi f’paġna 4 ]
“Stenbaħ!” ilu għal żmien twil jidderieġi lill-qarrejja lejn il-Bibbja
[Sorsi]
Armamenti: U.S. National Archives photo; tifel bil-ġuħ: WHO photo by W. Cutting