Il-Ħarsa tal-Bibbja
Hemm Alla Wieħed Biss li Hu Veru?
MOLEK, Għastarot, Bagħal, Dagon, Merodak, Żews, Erme, u Artemi huma ftit mill-allat irġiel u nisa msemmijin b’isimhom fil-Bibbja. (Levitiku 18:21; Mħallfin 2:13; 16:23; Ġeremija 50:2; Atti 14:12; 19:24) Però, Ġeħova biss huwa identifikat fl-Iskrittura bħala Alla li Jistaʼ Kollox. F’għanja taʼ rebħa, Mosè dderieġa lill-poplu tiegħu biex jgħanni: “Min hu bħalek, [“Ġeħova,” NW] fost l-allat?”—Eżodu 15:11.
B’mod ċar, il-Bibbja turi li Ġeħova hu ogħla mill-allat l-oħra kollha. Imma xi rwol għandhom dawn l-allat li huma inqas minnu? Huma dawn, u għadd bla limitu t’allat oħra li ġew meqjumin tul iż-żmien, allat veri li jiġu taħt Alla li Jistaʼ Kollox, Ġeħova?
Allat Immaġinarji
Il-Bibbja tidentifika lil Ġeħova bħala l-uniku Alla veru. (Salm 83:19 [83:18, NW]; Ġwanni 17:3) Il-profeta Isaija niżżel bil-miktub kliem Alla stess meta qal: “Qabli qatt ma ssawwar xi alla, u lanqas warajja qatt ma jkun hemm. Jiena, jiena [“Ġeħova,” NW], u ħliefi m’hemmx salvatur.”—Isaija 43:10, 11.
L-allat l-oħra kollha m’humiex biss inferjuri għal Ġeħova. Ħafna drabi lanqas biss jeżistu—huma biss allat immaġinati mill-bniedem. Il-Bibbja tirreferi għal dawn l-allat bħala “xogħol idejn il-bniedem . . . li la jaraw, la jisimgħu, la jieklu u lanqas ixommu.” (Dewteronomju 4:28) Il-Bibbja tgħallem ċar u tond li Ġeħova hu l-uniku Alla veru.
Mhux taʼ b’xejn li l-Iskrittura tagħti twissija qawwija kontra l-qima lil xi alla ieħor jekk mhux lil Ġeħova. Per eżempju, fl-ewwel wieħed mill-Għaxar Kmandamenti li ngħataw lil Mosè, il-ġens taʼ Iżrael tal-qedem intqallu biex ma jqim lil ebda alla ieħor. (Eżodu 20:3) Għala?
L-ewwelnett, huwa insult kbir għall-Ħallieq meta individwu jqim alla li lanqas biss jeżisti. L-aduraturi taʼ dawn l-allat foloz huma deskritti fil-Bibbja bħala li “bidlu l-verità t’Alla mal-gidba u qiemu u taw servizz sagru lill-ħolqien minflok lill-Ħallieq.” (Rumani 1:25) Spiss dawn l-allat immaġinarji huma rappreżentati minn idoli magħmulin minn materjali li jinsabu fin-natura, bħall-metall jew l-injam. Ħafna allat huma marbutin maʼ ċerti aspetti tan-natura, bħas-sajjetti, l-oċeani, u r-riħ. Mela żgur li min iqim lil dawn l-allat foloz ikun qed juri diżrispett kbir lejn Alla li Jistaʼ Kollox.
Il-Ħallieq ma jġerragħhomx lill-allat foloz u l-idoli tagħhom. Però, il-kliem taʼ diżapprovazzjoni minn Alla hu primarjament dirett lill-popli li għamlu dawn l-allat foloz. Hu jesprimi s-sentimenti tiegħu b’mod qawwi bil-kliem: “L-idoli tal-ġnus m’humiex ħlief deheb u fidda, xogħol taʼ id il-bniedem: għandhom il-fomm, u ma jitkellmux; għandhom l-għajnejn, u ma jarawx; għandhom il-widnejn, u ma jisimgħux; anqas nifs ma għandhom fi mnifsejhom. Bħalhom ikunu dawk li jagħmluhom, u dawk kollha li jittamaw fihom.”—Salm 135:15-18.
Hemm raġuni oħra għala l-Bibbja tagħti twissija qawwija kontra l-qima lejn xi ħaddieħor jew xi ħaġa oħra għajr Alla Ġeħova. Din il-qima tkun ħela enormi taʼ ħin u sforz. Il-profeta Isaija b’mod xieraq qal: “Min hu li jsawwar alla u jfassal xbieha tal-fondut li ma tiswa għal xejn?” (Isaija 44:10) Il-Bibbja tgħid ukoll li “kollha frugħa l-allat tal-popli.” (Salm 96:5) L-allat foloz m’huma xejn, u min iqim lix-xejn m’hu se jikseb xejn.
Ġesù, l-Anġli, u x-Xitan
Kultant l-Iskrittura tirreferi għal persuni reali bħala allat. Però, jekk neżaminawh bir-reqqa, it-terminu “alla” f’dawn l-okkażjonijiet ma jingħadx biex jirreferi għal dawn l-individwi bħala li għandhom jiġu meqjumin daqslikieku kienu allat. Minflok, fil-lingwi oriġinali li bihom inkitbet il-Bibbja, it-terminu “alla” kien jintuża wkoll biex jiddeskrivi individwu qawwi jew xi ħadd li hu divin jew marbut mill-qrib m’Alla li Jistaʼ Kollox.
Per eżempju, xi versi fil-Bibbja jirreferu għal Ġesù Kristu bħala alla. (Isaija 9:5, 6 [9:6, 7, NW]; Ġwanni 1:1, 18) Ifisser dan li Ġesù għandu jingħata qima? Ġesù nnifsu qal: “Qim lil Ġeħova Alla tiegħek, u lilu biss agħti servizz sagru.” (Luqa 4:8) Jidher ċar li għalkemm Ġesù hu kbir fil-qawwa u divin, il-Bibbja ma ssemmix li għandu jingħata qima.
Anki l-anġli jiġu msejħa “wħud bħal xi alla.” (Salm 8:6, 5, NW; Ebrej 2:7) Minkejja dan, imkien fl-Iskrittura ma nsibu li l-bnedmin huma inkuraġġiti jagħtu qima lill-anġli. Fil-fatt, f’okkażjoni minnhom, l-appostlu Ġwanni, li kien imdaħħal fiż-żmien, tant baqaʼ skantat bil-preżenza t’anġlu li nxteħet f’riġlejh jagħtih qima. Però l-anġlu wieġbu: “Oqgħod attent! Tagħmilx hekk! . . . Qim lil Alla.”—Rivelazzjoni 19:10.
L-appostlu Pawlu ddeskriva lix-Xitan bħala “l-alla taʼ din is-sistema.” (2 Korintin 4:4) Bħala “l-ħakkiem taʼ din id-dinja,” ix-Xitan inkuraġġixxa l-qima t’għadd kbir t’allat foloz. (Ġwanni 12:31) Għalhekk, kull tip taʼ qima li jingħata lil allat magħmulin mill-bniedem, fil-fatt, hu qima li tingħata lil Satana. Imma Satana m’huwiex alla li jixraqlu l-qima tagħna. Huwa ħakkiem li inkariga lilu nnifsu, wieħed li ħa l-ħakma taħt idejh bla ebda jedd. Maż-żmien, hu nnifsu, kif ukoll il-forom kollha taʼ qima falza, se jiġu eliminati. Meta dan iseħħ, il-bnedmin kollha—iva, il-ħolqien kollu—se jirrikonoxxu għal dejjem li Ġeħova hu l-uniku Alla ħaj u veru.—Ġeremija 10:10.
ĠIELI STAQSEJT?
◼ Il-Bibbja x’tgħallem dwar il-qima taʼ l-idoli?—Salm 135:15-18.
◼ Għandhom Ġesù u l-anġli jiġu meqjumin bħala allat?—Luqa 4:8.
◼ Min hu l-uniku Alla veru?—Ġwanni 17:3.
[Stampi f’paġna 29]
Stampi mix-xellug għal-lemin: Marija, l-Italja; alla tal-qamħirrum tal-Maja, il-Messiku u l-Amerika Ċentrali; Għastarot, Kangħan; idolu tas-superstizzjoni, Sierra Leone; Budda, il-Ġappun; Chicomecóatl, Azteki, il-Messiku; il-falkun Ħorus, l-Eġittu; Żews, il-Greċja
[Sors]
Alla tal-qamħirrum, il-falkun Ħorus, u Żews: Photograph taken by courtesy of the British Museum