Periklu li Jikkonċerna lil Kull Ġenitur
HEATHER u Scott huma koppja vivaċi u ferħanin u huma l-ġenituri taʼ tifel taʼ tliet snin intelliġenti u f’saħħtu.a Huma jieħdu ħsieb binhom sew. Fid-dinja taʼ llum, dan m’huwiex faċli. Jinvolvi ħafna inkwiet u responsabbiltajiet. Hemm ħafna affarijiet li t-tfal għandhom bżonn jiġu mgħallmin. Heather u Scott għandhom sentimenti qawwijin dwar responsabbiltà partikulari li għandhom: Huma jridu jipproteġu lil binhom mill-perikli taʼ l-abbuż sesswali. Għala?
“Missieri kien sakranazz irrabjat u ma kienx juri affezzjoni,” tgħid Heather. “Hu kien isawwatni bl-aħrax, u kien jabbuża minni u minn ħuti l-bniet sesswalment.”b Il-biċċa l-kbira min-nies jaqblu li abbuż bħal dan jistaʼ jħalli feriti emozzjonali kbar. Mhux taʼ b’xejn li Heather hija determinata li tipproteġi lil binha! Scott iħossu l-istess dwar li jipproteġih.
Ħafna ġenituri huma konċernati dwar l-abbuż fuq it-tfal. Forsi anki int konċernat dwaru. Għandu mnejn m’esperjenzajtx personalment xi abbuż u l-effetti li jħalli bħalma esperjenzaw Scott u Heather, imma żgur li smajt rapporti xokkanti dwar kemm inxterdet din il-prattika diżgustanti. Madwar id-dinja, ġenituri li juru l-imħabba jibżgħu meta jsiru jafu dwar dak li qed jiġrilhom it-tfal fl-inħawi fejn jgħixu huma.
Mhux taʼ b’xejn li riċerkatur wieħed fil-qasam taʼ l-abbuż sesswali sejjaħ l-ammont t’abbuż fuq it-tfal bħala “wieħed mill-iktar skoperti tal-biżaʼ fl-era tagħna.” Din tassew hi aħbar taʼ niket, imma għandna għalfejn nistagħġbu b’din iż-żjieda t’abbuż fuq it-tfal? Dawk li jistudjaw il-Bibbja ma jistagħġbux b’dan. Il-Kelma t’Alla tispjega li aħna qed ngħixu f’perijodu taʼ żmien taʼ inkwiet imsejjaħ “l-aħħar jiem,” żmien immarkat bi mġiba “feroċi” li qed tinfirex, meta n-nies kellhom ikunu “jħobbu lilhom infushom” u ma jkollhomx “imħabba naturali.”—2 Timotju 3:1-5.
L-abbuż sesswali huwa problema allarmanti. Tabilħaqq, xi ġenituri jħossuhom imnikktin ferm meta jaħsbu dwar kemm huma ħżiena n-nies li jfittxu tfal biex jabbużawhom sesswalment. Madankollu, hija din il-problema kbira wisq għall-ġenituri biex jittrattaw magħha? Jew hemm xi passi prattiċi li jistgħu jieħdu l-ġenituri biex iżommu lil uliedhom fis-sigurtà? L-artikli li ġejjin se jikkunsidraw dawn il-mistoqsijiet.
[Noti taʼ taħt]
a L-ismijiet f’din is-serje t’artikli ġew mibdulin.
b L-abbuż sesswali fuq it-tfal iseħħ meta adult juża tifel, jew tifla, biex jissodisfa x-xewqat sesswali tiegħu stess. Dan taʼ spiss jinvolvi dik li l-Bibbja ssejħilha fornikazzjoni, jew pornea, li tinkludi tmesmis taʼ l-organi sesswali, l-att sesswali, u s-sess orali jew anali. Xi atti abbużivi—bħal tmesmis tas-sider, proposti immorali espliċiti, turija tal-pornografija lil tifel, tnemmis, u kxif indeċenti taʼ partijiet mill-ġisem—jistgħu jitqiesu maʼ dawk li l-Bibbja tikkundannahom bħala “kondotta laxka” jew ‘nuqqas taʼ ndafa b’regħba.’—Galatin 5:19-21; Efesin 4:19.