Dik Veru Siġra?
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-AWSTRALJA
MIFRUXIN fit-tond f’art niexfa, is-siġar tal-bowab (Adansonia gregorii) taʼ l-Awstralja jistgħu jidhru strambi, saħansitra koroh. Mingħajr weraq matul l-istaġun tan-nixfa, is-siġar tal-bowab li jkunu kibru jidhru iktar bħala ħlejqa stramba bit-tentakli telgħin lejn is-sema milli bħala siġra. Leġġenda taʼ l-Aboriġini tgħid li s-siġar ġew misħutin u maqlubin taʼ taħt fuq!
Però, meta jkunu għadhom żgħar, is-siġar jidhru rqaq u sbieħ. Imma iktar ma jikbru, iz-zokk griż tagħhom jeħxien, jittiekel, u jġarrab il-ħsara. Is-siġar tal-bowab “jidhru qishom ġarrbu xi marda,” kiteb l-esploratur George Grey fl-1837. Is-siġar tal-bowab għala huma daqshekk differenti mill-biċċa l-kbira tas-siġar l-oħrajn, u għala huma kemm stmati u kemm meqjusin għeżież mir-residenti tal-ġungla, inkluż l-Aboriġini?
Iqsar Aħjar
Is-siġar tal-bowab jikbru b’mod naturali fl-Afrika, fil-Madagaskar, u fil-majjistral taʼ l-Awstralja. Madankollu, waqt li ħafna pajjiżi jsejħulhom siġar tal-bowabab, l-Awstraljani ilhom żmien twil isejħulhom bowab. In-nies tal-ġungla kienu jħobbu jqassru l-ismijiet—minħabba li meta kienu jitkellmu x’aktarx li kienu jibilgħu xi nemusa mill-ħafna li kien ikun hemm, jgħidu xi nies lokali li jħobbu jiċċajtaw. Għalhekk, huma qassru l-isem bowabab għal bowab, u l-isem il-ġdid malajr niżżel l-għeruq fil-fond fil-vokabolarju lokali.
Is-siġar tal-bowab jissejħu wkoll is-siġar tal-ġrieden mejtin. Għala dan it-titlu ikrah? Mill-bogħod, l-imżiewed imdendlin taż-żrieragħ tas-siġar jidhru qishom ġrieden mejtin minxurin minn denbhom. Ukoll, meta l-fjuri magħluqin jintlaqtu jew iġarrbu xi ħsara, malajr jiffermentaw u jipproduċu ntiena qisha taʼ laħam imħassar. Però, meta ma jġarrbu ebda ħsara, il-fjuri jkunu kbar, bojod, u jfuħu.
Magħmulin għall-Estremi
Is-siġar tal-bowab jikbru ħafna fir-reġjun imbiegħed taʼ Kimberley fil-Punent taʼ l-Awstralja u fl-istat qrib tiegħu tat-Territorju tat-Tramuntana. F’dawn l-inħawi, l-istaġuni jinbidlu bejn l-istaġun tax-xita, li huwa staġun relattivament qasir taʼ għargħar minħabba l-monsun, u l-istaġun tan-nixfa.
Is-siġar tal-bowab huma magħrufin għall-fatt li jistgħu jirrestawraw lilhom infushom. Huma spiss jgħixu għal ħafna sekli. “Anki jekk is-siġra tittiekel min-nar, jew tiġi mħażżma kompletament, ġeneralment issalva u, wara li ssewwi l-ħsara, tkompli tikber,” jgħid D. A. Hearne li hu fiżjologu tal-pjanti.a Hu jżid: “Is-siġra tant tiflaħ li wara li ssalva minn qerda totali tkompli tikber kważi b’mod normali.” Siġra waħda tal-bowab li kienet determinata li tibqaʼ ħajja, wara li ttieħdet f’kontenitur kbir taʼ l-injam u tħalliet tistenna biex tintbagħat f’pajjiż ieħor, ħarġet l-għeruq mill-fetħiet fl-injam u laħqet il-ħamrija li kien hemm taħt!
Is-siġar tal-bowab li jikbru f’daħliet kollhom blat, f’postijiet kollhom ġebel, jew f’witât kollhom ramel, spiss ikunu itwal mis-siġar taʼ madwarhom. Fil-Wita taʼ Kimberley, xi siġar tal-bowab huma twal sa 25 metru jew iktar u jkollhom kważi l-istess ċirkonferenza.
Is-sigriet għall-kobor tas-siġra tal-bowab hu l-ilma. Bħal sponża, l-injam tal-bowab huwa artab, oħxon, u jiflaħ jaħżen ammont enormi taʼ likwidu. Wara li jixrob l-ilma mill-għargħar tal-monsun, iz-zokk tal-bowab ikun jidher minfuħ. Hekk kif jidħol l-istaġun tan-nixfa, is-siġra bil-mod il-mod terġaʼ tiċkien u tieħu d-daqs li kellha qabel.
Is-siġar li jitfarfru matul l-istaġuni ħorox tax-xitwa jwaqqgħu l-weraq biex jibqgħu ħajjin. Il-bowab tagħmel dan fl-istaġun twil tan-nixfa. Hekk kif l-istaġun tan-nixfa jkun wasal biex jintemm, il-fjuri joħorġu u l-weraq jikber bil-ħeffa. Minħabba dan is-sinjal ċar għall-istaġun tax-xita li jkun riesaq, in-nies lokali kultant isejħu lis-siġra tal-bowab il-pjanta kalendarja.
Il-fjuri jiftħu bil-lejl biss, idumu ftit sigħat, u jibdew jidbielu wara li titlaʼ x-xemx. Il-miżwed tal-fjuri jikber fi żrieragħ forma taʼ ġewż kbir li jaqaʼ fl-art, jinfaqaʼ, u jxerred iż-żrieragħ.
Siġra tal-Ħajja
L-Aboriġini taʼ Kimberley ilhom żmien twil jgħożżu ż-żrieragħ, il-weraq, ir-raża, u l-għeruq tal-bowab bħala sorsi importanti taʼ ikel. Qabel ma jinxfu, iż-żrieragħ ikun fihom polpa ratba u bajda li hija tajba għall-ikel. Fi żmien taʼ nixfa, l-Aboriġini kienu jomogħdu l-injam u l-għeruq oħxon tas-siġra, li kienu jipprovdulhom likwidu tant meħtieġ. Matul staġuni taʼ xita abbundanti, in-nies tal-post kultant kienu jsibu l-ilma maqbud fix-xquq li jkollha s-siġra u fil-bażi tal-friegħi tagħha.
Fl-1856, meta membri taʼ l-ispedizzjoni t’Augustus Gregory li ntbagħtu lejn il-Wita taʼ Kimberley mardu bl-iskorbut, huma għallew il-qalba tal-ġewż tal-bowab biex jagħmlu “ġamm tajjeb.” Minħabba li fiha ħafna vitamina Ċ, din il-polpa malajr fejqet lill-irġiel.
Jikxfu l-Passat
Fil-passat, kemm l-Aboriġini kif ukoll l-Ewropej użaw is-siġar tal-bowab biex jibagħtu l-messaġġi. Fl-1820, il-bastiment Mermaid li ntbagħat biex jagħmel stħarriġ waqaf mal-kosta taʼ Kimberley għal xi tiswijiet. Biex jobdi l-istruzzjonijiet taʼ l-Ammiraljat li l-baħrin iħallu xi evidenza ċara li huma niżlu fil-post, il-Kaptan Phillip Parker King naqqax il-kliem “HMC Mermaid 1820” fuq iz-zokk taʼ siġra kbira tal-bowab.
Dak iż-żmien, is-Siġra Mermaid, kif bdiet tissejjaħ, kellha ċirkonferenza taʼ 8.8 metri. Illum, din hija taʼ iktar minn 12-il metru. Għalkemm il-kitba m’għadhiex daqshekk ċara, din għadha sservi bħala tifkira taʼ dawk l-esploraturi bikrin. Fuq xi siġar xjuħ tal-bowab hemm messaġġi mnaqqxin fil-fond li għadhom jidhru sa llum u li rawhom turisti minn madwar id-dinja.
Meta l-Ewropej waslu biex jissetiljaw fil-Wita taʼ Kimberley, is-siġar tal-bowab mifruxin ’l hawn u ’l hemm ipprovdewlhom sinjali, postijiet fejn jiltaqgħu, u postijiet fejn jikkampjaw f’art mhix familjari. Dawk li jrabbu l-bhejjem u li jkunu qed jivvjaġġaw bl-imrieħel tagħhom kienu jħalluhom jistrieħu taħt siġar tal-bowab li kienu mżejnin b’ħafna ismijiet interessanti mnaqqxin fuqhom, bħal Oriental Hotel, Club Hotel, jew Royal Hotel.
Meta fl-1886 xi Aboriġini ostili serqu d-dgħajsa tal-Ġermaniż August Lucanus li kien issetilja fil-post, il-grupp li kien qed jivvjaġġa miegħu kellu jimxi xi 100 kilometru lejn il-belt taʼ Wyndham. Fi triqithom iltaqgħu maʼ daħliet u xmajjar miżgħudin bil-kukkudrilli. Lucanus iktar tard kiteb li hu u l-grupp tiegħu kienu jafu mid-djarju t’esploratur bikri “fejn dan kien poġġa xi għodod tal-mastrudaxxa ħdejn Pitt Springs taħt siġra kbira tal-bowab, bl-inizjali tiegħu mnaqqxin fuqha.” Oħroġ il-għaġeb, l-irġiel sabu s-siġra u l-għodod. Imbagħad, “qaċċtu siġra kbira tal-bowab mill-aqwa,” u f’ħamest ijiem bnew kenura. Din żammet sew f’wiċċ l-ilma, u lkoll waslu lura d-dar qawwijin u sħaħ.
Tnejn mill-iktar siġar tal-bowab magħrufin huma l-hekk imsejħin Siġar taʼ Derby Prison u Wyndham Prison, it-tnejn imsemmijin għal żewġt ibliet fil-qrib. Ħafna nies jemmnu li dawn is-siġar ġganti mħaffrin, kull waħda minnhom kbira biżżejjed biex tipprovdi kenn għal diversi rġiel, kienu jservu bħala ħabsijiet fis-seklu 19. Madankollu, xi studjużi taʼ l-istorja moderna jiddubitaw dwar dan. Xorta waħda, is-siġar huma kampjuni impressjonanti u huma popolari mat-turisti.
L-Arti tal-Bowab
Xi darba n-nies kienu jnaqqxu stampi u messaġġi fuq iz-zkuk tal-bowab. Però, illum il-pitturi tal-ġungla ma jużawx is-siġar imma minflok jużaw l-arti tagħhom fuq il-ġewż tas-siġar tal-bowab, li hu forma taʼ bajda u li jistaʼ jkun twil 25 ċentimetru u b’dijametru taʼ 15-il ċentimetru.
Wara li jaqtaʼ ġewża adattata minn siġra, artist lokali juża mus u jnaqqax stampi dettaljati fuq il-qoxra kannella. Suġġetti popolari jinkludu l-annimali tal-post, xeni tal-kaċċa taʼ l-Aboriġini, u wċuħ u figuri umani. Xi nies jikkollezzjonaw bħala passatemp dawn il-prodotti lesti. Xerrejja oħrajn jinkludu t-turisti u s-sidien tal-ħwienet lokali.
Veru, forsi s-siġra tal-bowab m’hijiex grandjuża daqs is-seqoja, impressjonanti daqs is-siġra tal-luq, jew kulurita daqs l-aġġru (maple) fil-ħarifa. Però, bil-mod uniku tagħha din il-pjanta b’saħħitha u dejjiema hija taʼ valur fil-ġungla, tagħti ġieħ lill-Ħallieq, u forsi tindika li Hu jaf jiċċajta.
[Nota taʼ taħt]
a Siġra tiġi mħażżma meta saff jiġi mqaxxar minn madwar iz-zokk tagħha. Dan ma jippermettix li l-għeruq jieħdu s-sugu, u l-maġġuranza mis-siġar imutu.
[Stampa f’paġna 17]
Il-fjuri jiftħu bil-lejl u jidbielu ftit sigħat wara
[Stampa f’paġna 18]
Stampa taʼ tip taʼ gremxula mnaqqxa fuq il-ġewż tal-bowab