Ġie Disinjat?
Il-Ġewnaħ tal-Ħlejjaq li Jtiru tan-Natura
◼ Liema minn dawn taħseb li jtiru l-aħjar fl-ajru? L-ajruplani jew ħlejjaq bħall-friefet il-lejl, l-insetti, u l-għasafar? Forsi lanqas temminha, imma l-ajruplan lanqas biss jistaʼ jitqabbel mal-meravilji ċkejknin tan-natura li “għandhom kapaċitajiet li jispikkaw biex jibqgħu jtiru fil-buffuri tar-riħ, fix-xita, u fil-borra,” jgħid Wei Shyy, professur taʼ l-inġinerija taʼ l-ajru u l-ispazju fl-Università taʼ Michigan.a X’inhu s-sigriet tagħhom? Ġwienaħ li jperpru—l-għira tal-piloti taʼ l-ajruplani minn mindu l-bniedem beda jipprova jtir u rnexxielu jogħla mill-art għall-ewwel darba.
Ikkunsidra dan: Waqt li xi għasafar u insetti jkunu qed itiru, ġwinħajhom jibdlu l-forma l-ħin kollu sabiex jadattaw għall-ambjent. Dan jippermettilhom jittajru u jwettqu manuvri eżatti. Ir-rivista Science News tirrapporta x’ġie osservat dwar il-friefet il-lejl: “Meta kienu qed itiru bil-mod, xi metru u nofs fis-sekonda, il-friefet il-lejl dawru l-ponta taʼ ġwinħajhom taʼ taħt fuq u malajr malajr dawruhom lura waqt li taw daqqa waħda ’l fuq. Ix-xjenzati jissopponu li din it-teknika . . . żżommhom mgħollijin fl-arja u tagħtihom spinta.”
Ovvjament, għad hemm ħafna x’nitgħallmu dwar il-ħlejjaq li jtiru tan-natura. “Fiżikament, x’qed jagħmlulha l-arja biex jirnexxilhom jibqgħu mgħollijin b’mod daqshekk effettiv?” jistaqsi Peter Ifju, professur tal-mekkanika u l-inġinerija taʼ l-ajru u l-ispazju fl-Università taʼ Florida. Hu jżid: “Hemm ħafna aspetti dwar it-titjir li sempliċement ma nifhmuhomx. Nistgħu naraw x’inhuma jagħmlu [l-għasafar u l-insetti], imma ma nistgħux nifhmu kif dak li jagħmlu jaħdem mal-kurrent taʼ l-arja.”
X’taħseb? Ġie b’kumbinazzjoni l-ġewnaħ versatili tal-ħlejjaq li jtiru tan-natura? Jew ġie disinjat?
[Nota taʼ taħt]
a Għalkemm ħafna ħlejjaq bil-ġwienaħ jistgħu jtiru fix-xita, ħafna minnhom ifittxu fejn jistkennu.
[Stampa f’paġna 24]
“Hummingbird” bil-munqar wiesaʼ
[Sors]
Laurie Excell/Fogstock/age fotostock
[Stampa f’paġna 24]
Farfett il-lejl b’widnejn bħal tal-ġurdien
[Sors]
© Delpho, M/age fotostock