Meta l-Ġganti Kienu Jagħmru fl-Ewropa
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FL-ITALJA
FL-1932, grupp taʼ ħaddiema li jagħmlu t-toroq kienu qed iħaffru viċin il-Kolossew f’Ruma meta wieħed mill-irġiel laqat xi ħaġa iebsa. Din kienet sinna twila bil-ponta u skutella tar-ras taʼ ljunfant. Din l-iskoperta m’hijiex unika. Matul is-snin, f’Ruma u fl-inħawi tagħha nstabu madwar 140 fdal taʼ fossili taʼ ljunfanti u l-ewwel każ konfermat imur lura għas-seklu 17.
In-nies ħasbu li l-għadam jew kien taʼ ljunfanti li ġew importati f’Ruma tal-qedem jew taʼ dawk li nġibu fl-Italja mill-Ġeneral Kartaġiniż Annibale. G. B. Pianciani, qassis u professur tas-seklu 19 tax-Xjenzi Naturali f’Viterbo, ma qabilx ma dan. Minħabba li l-biċċa l-kbira mill-għadam instab f’depożitu li sar minn ilma ġieri, hu kkonkluda li dawn jappartjenu lil annimali li mietu xi mkien ieħor u ġew imkaxkrin fil-post il-ġdid tagħhom bl-ilma taʼ dilluvju.
Ħafna fossili taʼ l-iljunfanti li nstabu fl-Italja m’humiex bħal taʼ l-iljunfanti li nafu llum. Minflok, dawn jappartjenu lil speċi estinti msejħin Elephas antiquus, jew iljunfanti tal-qedem. (Ara paġna 15.) Din il-ħlejqa kellha snien kważi dritti u kienu jikbru madwar ħames metri ’l barra mil-livell taʼ l-ispalel, u minħabba f’hekk kienet żewġ metri itwal mill-iljunfanti li nafu bihom illum.
Kemm kienu komuni dawn il-ġganti? Id-dokumentazzjoni tal-fossili tindika li dawn darba kienu jagħmru madwar l-Ewropa u l-Ingilterra, bħall-qraba mill-viċin tagħhom l-iljunfanti kbar u sufin imsejħin mammoths. Iktar minn hekk, il-fossili taʼ l-iljunfanti mhux dejjem jinstabu waħedhom imma, minflok, jinstabu f’depożiti taʼ fossili li jkun fihom fdal taʼ ħafna speċi differenti oħrajn li wħud minnhom kienu għedewwa naturali.
Minn Jeni Sa Ippopotami
Fossili li nstabu f’Lazio, reġjun f’nofs l-Italja li jinkludi lil Ruma, jissuġġerixxu li xi darba l-inħawi kellhom klima li tixbah iktar lil dik taʼ l-Afrika, minħabba li ippopotami, għażżiela, u saħansitra tigri darba kienu jagħmru f’dan ir-reġjun. Fil-fatt, fossili taʼ tigra waħda, imlaqqma l-leopard taʼ Monte Sacro, instabu eżatt fil-qalba taʼ Ruma. Fid-depożitu taʼ Polledrara barra l-belt, ġew skoperti iktar minn 9,000 fdal tal-fossili li jirrappreżentaw diversi annimali: iljunfanti tal-qedem, bufli, ċriev, xadini taʼ Barberija, rinoċeronti, u urus—barrin kbar li saru estinti madwar erba’ sekli ilu. Mużew f’dak il-post jipprovdi passaġġ għall-viżitaturi biex jaraw il-fossili fil-post oriġinali tagħhom.—Ara paġna 16.
Għar viċin Palermo, fi Sqallija, kien mimli b’tunnellati taʼ fdalijiet, inkluż l-għadam fossilizzat taʼ ċriev, barrin, iljunfanti, u ippopotami taʼ etajiet differenti—saħansitra fetus taʼ ippopotamu. Fil-fatt, 20 tunnellata taʼ fossili ġew offruti għall-bejgħ fis-sitt xhur taʼ wara li ġie skopert il-post!
Fin-Nofsinhar taʼ l-Ingilterra, il-paleontologu J. Manson Valentine skopra postijiet bil-fossili li kien fihom depożiti kbar b’għadam imkisser taʼ ħafna mill-istess annimali kif ukoll taʼ jeni u orsijiet polari. X’inhi r-raġuni għala hemm dawn id-depożiti kbar taʼ fossili f’postijiet daqstant differenti?
Xi xjenzati jemmnu li ċ-ċirkustanzi li mietu fihom dawn l-annimali huma konnessi ma’ katastrofi naturali. Kien x’kien il-kaġun jew il-kaġuni t’estinzjonijiet tal-massa bħal dawn, l-effetti tagħhom inħassu f’ħafna nħawi inkluż l-Ewropa kollha, is-Siberja, u l-Alaska.
Grazzi għad-dokumentazzjoni tal-fossili, nistgħu nimmaġinaw dinja li kienet differenti sew minn dik li nafu biha llum. Fil-fatt, fl-Italja biss, jekk tmur biżżejjed lura fiż-żmien, ma nagħtukx tort kieku taħseb li qiegħed fl-inħawi slavaġ taʼ l-Afrika.
[Kaxxa f’paġna 17]
X’INHU FOSSILI?
Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn, fossili jistaʼ jidher bħala għadma normali. Fil-fatt, huwa r-riżultat taʼ trasformazzjoni kimika—fossilizzazzjoni—li ssir qabel ma jitħassar il-fdal taʼ l-annimali mejtin.
Forma komuni taʼ fossilizzazzjoni hi l-mineralizzazzjoni, jiġifieri t-tibdil f’minerali. F’dan il-proċess, il-materjal organiku oriġinali jiġi mibdul, jew għalkollox jew parti minnu, ma’ minerali li jkunu fil-qiegħ taʼ depożiti mxarrbin. Għalhekk, biex isseħħ il-fossilizzazzjoni, kundizzjonijiet ambjentali speċifiċi huma neċessarji. Dawn jinkludu abbundanza taʼ materjal li joqgħod fil-qiegħ u li jindifen malajr dak li jibqaʼ mill-annimali, kif ukoll ir-reżistenza tagħhom għat-tmermir. F’ċirkustanzi normali, jekk il-ġisem t’annimal ma jittikilx minn annimali oħrajn jiġi spiċċut mill-batterji kif ukoll minn sustanzi mekkaniċi u kimiċi, bħar-riħ u l-ilma. Għalhekk, il-fossilizzazzjoni hija rari ħafna.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 17]
ILJUNFANTI KBAR LI JISSEJĦU MAMMOTHS FL-EMISFERU TAT-TRAMUNTANA
Id-dokumentazzjoni tal-fossili tindika li ljunfanti kbar sufin (mammoths) għamru f’ħafna nħawi li jinkludu l-Asja, l-Ewropa, u t-Tramuntana taʼ l-Amerika. Fl-Ewropa, l-Italja tidher li kienet l-iktar post imbiegħed fin-nofsinhar fejn dawn l-annimali kienu jgħixu.
L-iljunfant sufi kien madwar l-istess daqs taʼ l-iljunfanti Asjatiċi tal-lum u kellu pil li kien jikber sa 50 ċentimetru fit-tul u l-irġiel kellhom snien twal bil-ponta u milwijin li kienu jikbru sa 5 metri. Ammont partikolarment kbir t’avorju taʼ dawn l-iljunfanti instab fis-Siberja—infatti, tant kien hemm li miż-żminijiet medjevali kien jiġi esportat lejn iċ-Ċina u l-Ewropa.
[Sors]
Ritratt bil-korteżija taʼ Royal BC Museum
[Stampa f’paġna 16, 17]
Id-depożitu tal-fossili taʼ Polledrara
[Sors]
Soprintendenza Archeologica di Roma
[Sors tal-Istampa f’paġna 15]
Fuq: Museo di Paleontologia dell’Università degli Studi “La Sapienza” di Roma; taħt: © Comune di Roma - Sovraintendenza Beni Culturali (SBCAS; fald. 90, fasc. 4, n. inv. 19249)