Ikel taʼ Malajr għall-Insetti
● L-insetti jħobbu jieklu ikel li jinstab faċilment u li jkun fih ħafna kaloriji. Sors konvenjenti għalihom hu l-wiċċ taʼ fjura. Bħall-ħwienet li jbigħu ikel taʼ malajr, il-fjuri jirreklamaw il-preżenza tagħhom b’kuluri jgħajtu. Peress li jsibu l-fjuri attraenti, l-insetti jistrieħu fuq il-fjuri, fejn ikunu jistgħu jieklu l-polline jew jixorbu n-nektar.
Peress li jkunu partikolarment bla saħħa wara lejl kiesaħ, dawn il-ħlejjaq li għandhom demmhom kiesaħ ikollhom bżonn l-enerġija tax-xemx biex jiġu f’tagħhom. Ħafna fjuri joffru lill-insetti dak kollu li għandhom bżonn—ikel nutrittiv u post fejn ikunu jistgħu jilagħqu x-xemx. Ejja nagħtu titwila lejn eżempju familjari.
Il-margerita hija fjura komuni li tikber fil-biċċa l-kbira mill-Ewropa u l-Amerika taʼ Fuq. Forsi ma tidhirx li hi speċjali, imma jekk tieħu l-ħin biex tifliha, tara ħafna attività. Din il-margerita toffri post ideali għall-insetti biex jibdew il-ġurnata. Il-petali bojod jirriflettu s-sħana tax-xemx, u ċ-ċentru safrani joffri post tajjeb taʼ mistrieħ fejn l-insetti jkunu jistgħu jixorbu l-enerġija tax-xemx.a
Biex iż-żjara tkun saħansitra iktar appetituża, iċ-ċentru tal-margerita hu mimli polline u nektar, ikel nutrittiv li jsaħħaħ lil ħafna insetti. X’post aħjar jistaʼ jsib insett biex ikollu kolazzjon tajjeb u jgawdi x-xemx?
B’hekk, ħafna insetti differenti jistrieħu fuq il-margeriti matul il-ġurnata. Tistaʼ tara ħniefes, friefet kuluriti, spalluti, grillijiet, u dubbien taʼ kull tip. Naturalment, jekk m’intix wieħed li tosserva, forsi qatt ma tinnota dawn il-“ħwienet affaxxinanti li jbigħu ikel taʼ malajr” lill-insetti.
Għalhekk, meta terġaʼ tmur fil-kampanja, għala ma tagħmilx sforz biex teżamina xi ftit minn dawn l-ekosistemi tal-margerita li ma jagħtux fl-għajn? Jekk tagħmel hekk, l-esperjenza x’aktarx li tkabbarlek l-apprezzament tiegħek għall-Ħallieq li ddisinjahom kollha.
[Nota taʼ taħt]
a Xi xjenzati skoprew li t-temperatura fuq il-wiċċ taʼ xi fjuri tkun diversi gradi iktar sħuna mill-ambjent taʼ madwarhom.