LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 7/10 pp. 26-28
  • Is-Sess se Jsaħħaħha r-Relazzjoni Tagħna?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Is-Sess se Jsaħħaħha r-Relazzjoni Tagħna?
  • Stenbaħ!—2010
  • Materjal Simili
  • Is-Sess Se Jsaħħaħha r-Relazzjoni Tagħna?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, L-1 Volum
  • Kif nistaʼ nkampa mal-​pressjoni biex nagħmel is-​sess?
    Tweġibiet għal 10 mistoqsijiet li ż-żgħażagħ jistaqsu
  • Kif nista’ nispjega t-twemmin tiegħi dwar is-sess?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
  • Kif Nistaʼ Ma Nċedix Biex Nagħmel is-​Sess?
    Iż-Żgħażagħ Jistaqsu
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2010
g 7/10 pp. 26-28

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu

Is-​Sess se Jsaħħaħha r-​Relazzjoni Tagħna?

Heather ilha xahrejn biss toħroġ maʼ Mike, imma tħossha bħallikieku ilha tafu ħajjitha kollha. Huma l-​ħin kollu jibagħtu l-​messaġġi lil xulxin, jitkellmu għal sigħat sħaħ fuq it-​telefon, u saħansitra jaħsbu u jitkellmu bl-​istess mod! Imma issa, waqt li qegħdin f’karozza pparkjata għad-​dawl tal-​qamar, Mike jrid iktar milli sempliċement jitkellem.

F’dawn l-​aħħar xahrejn, Mike u Heather m’għamlu xejn iktar ħlief li joqogħdu id f’id u jbusu lil xulxin ħafif ħafif. Heather ma trid tagħmel xejn iżjed minn hekk. Imma lanqas ma trid titlef lil Mike. Ħadd ħliefu ma jġegħelha tħossha daqshekk sabiħa u speċjali. Bejnha u bejn ruħha, hi tirraġuna: “Hekk jew b’hekk jien u Mike ninħabbu, . . . mhux hekk?

X’AKTARX tistaʼ tobsor fejn se twassal din is-​sitwazzjoni. Imma dak li forsi ma tobsorx hu kemm is-​sess jistaʼ jbiddel b’mod drastiku r-​relazzjoni bejn Mike u Heather—u mhux għall-​aħjar. Ikkunsidra dan:

Jekk tikser xi liġi tal-​fiżika, bħalma hi l-​liġi tal-​gravità, se tbati l-​konsegwenzi. L-​istess jistaʼ jingħad jekk tikser xi liġi morali, bħal-​liġi li tgħid: ‘Tbiegħdu miż-​żína.’a (1 Tessalonikin 4:3) X’konsegwenzi se tbati meta ma tobdix dan il-​kmand? Il-​Bibbja tgħid: “Min jipprattika ż-​żína qed jidneb kontra ġismu stess.” (1 Korintin 6:18) Dan kif inhu minnu? Ara jekk tistax tikteb hawn taħt tliet konsegwenzi koroh li jistgħu jbatu dawk li jagħmlu s-​sess qabel iż-​żwieġ.

1. ․․․․․

2. ․․․․․

3. ․․․․․

Issa ħares lejn dak li ktibt. Inkludejt affarijiet bħal mard trasmess sesswalment, tqala mhix mixtieqa, jew id-​diżapprovazzjoni t’Alla? Ċertament, dawn huma konsegwenzi devastanti li jistgħu jbatu dawk li jiksru l-​liġi morali t’Alla dwar iż-​żína.

Xorta waħda għandha mnejn tiġik it-​tentazzjoni. Forsi tirraġuna u tgħid, ‘Jien mhu se jiġrili xejn.’ Wara kollox, mhux kulħadd qed ikollu relazzjonijiet sesswali? Dawk tamparek fl-​iskola jiftaħru dwar l-​esperjenzi sesswali li jkollhom, u huma ma jidhrux li qed ibatu l-​konsegwenzi. Forsi bħal Heather, li ssemmiet fil-​bidu, anki int tħoss li s-​sess se jressqek eqreb tas-​sieħeb jew is-​sieħba tiegħek. Wara kollox, min jieħu gost jiġi mwaqqaʼ għaċ-​ċajt għax ikun għadu verġni? Ma jkunx aħjar tagħmel bħalhom?

Ieqaf ftit u aħseb! L-​ewwel nett mhux kulħadd qed ikollu relazzjonijiet sesswali. Veru, forsi taqra xi statistiki li juru li numru allarmanti taʼ żgħażagħ qed ikollhom relazzjonijiet sesswali. Pereżempju, riċerka fl-​Istati Uniti wriet li sakemm jiġu biex jispiċċaw l-​iskola sekondarja, 2 minn kull 3 żgħażagħ f’dan il-​pajjiż ikunu attivi sesswalment. Imma dan ifisser ukoll li 1 minn kull 3—numru ġmielu—mhumiex qed ikollhom relazzjonijiet sesswali. Imma xi ngħidu dwar dawk li qed ikollhom relazzjonijiet sesswali? Xi riċerkaturi sabu li ħafna minn dawn iż-​żgħażagħ jesperjenzaw waħda jew iktar mill-​konsegwenzi xejn pjaċevoli li ġejjin.

Konsegwenza Xejn Pjaċevoli #1: NIKET. Ħafna miż-​żgħażagħ li għamlu s-​sess qabel iż-​żwieġ jgħidu li wara ddispjaċiehom.

Konsegwenza Xejn Pjaċevoli #2: NUQQAS TAʼ FIDUĊJA. Wara li jkollhom relazzjoni sesswali, kull wieħed mill-​imseħbin jgħid bejnu u bejn ruħu, ‘Min jaf maʼ min iktar għamel/għamlet is-​sess?ʼ

Konsegwenza Xejn Pjaċevoli #3: NUQQAS TAʼ FEDELTÀ. Wara li jkollu relazzjoni sesswali, hemm iktar ċans li ġuvni jitlaq lit-​tfajla tiegħu u jsib oħra.

Konsegwenza Xejn Pjaċevoli #4: DIŻAPPUNT. Fil-​fond taʼ qalbha, tfajla tippreferi lil xi ħadd li jipproteġiha, mhux li jużaha.

Barra minn hekk, ikkunsidra dan: Ħafna ġuvintur qalu li qatt ma jaslu biex jiżżewġu tfajla li kellhom relazzjoni sesswali magħha. Għala? Għax jippreferu lil xi ħadd li għandu morali iktar għoljin dwar is-​sess!

Jissorprendik dan—forsi saħansitra jirrabjak? Jekk inhu hekk, sew jekk int tfajla u sew jekk int ġuvni, ftakar dan: Ir-​realtà dwar is-​sess qabel iż-​żwieġ hija ferm differenti minn dak li jintwera fil-​films jew fuq it-​televixin. L-​industrija tad-​divertiment tpinġi s-​sess bejn l-​adoloxxenti bħala xi ħaġa sabiħa u tagħmlu jidher bħallikieku hu mħabba vera. Imma tħallihomx iqarrqu bik! Dawk li jipprovaw iħajruk biex tagħmel is-​sess qabel iż-​żwieġ, sempliċement qed ifittxu biss dak li jaqbel lilhom. (1 Korintin 13:4, 5) Wara kollox, taħseb li xi ħadd li verament iħobbok se jipperikola l-​ispiritwalità u l-​emozzjonijiet tiegħek? (Proverbji 5:3, 4) Ukoll, taħseb li xi ħadd li verament jimpurtah minnek se jipperikola r-​relazzjoni tiegħek m’Alla?—Ebrej 13:4.

Il-​fatt hu li jekk iċċedi għas-​sess qabel iż-​żwieġ tkun qed tbaxxi lilek innifsek billi tarmi xi ħaġa prezzjuża. (Rumani 1:24) Mhux taʼ b’xejn li wara, ħafna jħossu vojt kbir u li ma jiswew għal xejn. Ikun bħallikieku bi traskuraġni ħallew parti prezzjuża minnhom tiġi misruqa! Tħallix dan jiġri lilek. Jekk xi ħadd jipprova jħajrek biex ikollok relazzjoni sesswali billi jgħidlek, “Kieku tħobbni taċċetta,” b’mod sod wieġeb, “Kieku tħobbni lanqas biss tistaqsini!”

Ġismek hu prezzjuż wisq biex tarmih kif ġieb u laħaq. Uri li għandek karattru sod biżżejjed ħalli tobdi l-​kmand t’Alla biex titbiegħed miż-​żína. Imbagħad, jekk xi darba tiżżewweġ, tkun tistaʼ tagħmel l-​att sesswali. U tkun tistaʼ tgawdih bis-​sħiħ, mingħajr ebda inkwiet, dispjaċir, u inċertezza li spiss huma r-​riżultat taʼ relazzjoni sesswali qabel iż-​żwieġ.—Proverbji 7:22, 23; 1 Korintin 7:3.

Iktar artikli mis-​sensiela taʼ kotba “Young People Ask” jistgħu jinstabu fil-​Web site www.watchtower.org/ype

[Nota taʼ taħt]

a Il-​kelma “żína” użata fil-​Bibbja ma tinkludix biss l-​att sesswali imma anki atti oħrajn bejn uħud mhux miżżewġin, bħal pereżempju tmesmis tal-​organi ġenitali taʼ persuna oħra, sess orali, jew sess anali. Għal iktar informazzjoni ara Questions Young People Ask—Answers That Work, Volume 2, paġni 42-​47.

AĦSEB DWAR DAN

● Għalkemm is-​sess qabel iż-​żwieġ jistaʼ jidher bħala xi ħaġa sabiħa, għala hu taʼ ħsara għalik?

● X’se tagħmel jekk xi ħadd jistiednek biex tagħmel l-​att sesswali?

[Kaxxa/Stampi f’paġna 27]

DAK LI JGĦIDU DAWK TAMPAREK

“Li sempliċement tgħid le ma jżommx lil persuna milli terġaʼ tipprova. Il-​mod kif tirrifjuta jgħodd. Jekk tgħid le b’mod li tinstemaʼ indeċiż, se jkun ovvju. Jeħtieġ tkun sod!”

“Li sempliċement tgħid le mhux dejjem taħdem. Anki jekk saħansitra tispjega t-​twemmin tiegħek mhux bilfors taħdem. Kont naf xi wħud li jiftaħru li huma kapaċi ‘jwaqqgħu’ Kristjan fl-​immoralità. Xi drabi jkollok twarrab. Ikun diffiċli imma taħdem.”

“Bħala Kristjan, int għandek kwalitajiet li se jiġbdu lil oħrajn lejk. Għalhekk jeħtieġ toqgħod attent u tirrifjuta meta tiġi mistieden tagħmel xi ħaġa immorali. Irrispetta dawn il-​kwalitajiet. Tmurx kontra l-​prinċipji tiegħek stess!”

[Stampi]

Diana

James

Joshua

[Kaxxa f’paġna 28]

KUN L-​EROJ TAGĦHA!

Tassew jimpurtak mit-​tfajla, li qed toħroġ magħha? Mela uriha li għandek . . .

● is-​saħħa biex tobdi l-​liġijiet t’Alla

● l-​għerf biex tevita ċirkustanzi taʼ tentazzjoni

● l-​imħabba biex tfittex l-​interessi tagħha

Jekk għandek dawn il-​kwalitajiet, x’aktarx li s-​sentimenti tat-​tfajla tiegħek se jkunu bħal dawk tas-​Sulamija, li qalet: “L-​għażiż taʼ qalbi hu tiegħi u jien tiegħu.” (L-​Għanja taʼ Salamun 2:16) Fi ftit kliem, int se tkun l-​eroj tagħha!

Ara Proverbji 22:3; 1 Korintin 6:18; 13:4-​8.

[Kaxxa f’paġna 28]

SUĠĠERIMENT

Fejn tidħol il-​kondotta tiegħek maʼ xi ħadd tas-​sess oppost, regola tajba li għandek issegwi hi: Jekk qed tagħmel xi ħaġa li ma tridx li l-​ġenituri tiegħek jarawk tagħmilha, mela mhux suppost qed tagħmilha.

[Caption f’paġna 28]

Meta tagħmel is-​sess qabel iż-​żwieġ tkun qed tabbuża mill-​għotja li tak Alla. Ikun bħallikieku għandek pittura sabiħa li tahielek xi ħadd u tużaha bħala tapit quddiem il-​bieb

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja