LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g 10/10 pp. 27-29
  • L-Osteoporożi—Marda Siekta

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Osteoporożi—Marda Siekta
  • Stenbaħ!—2010
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Theddida Serja għas-​Saħħa
  • Qiegħed Int f’Riskju?
  • Prevenzjoni mill-​Osteoporożi
  • Osteoporosi—Il-​Marda Taʼ L-​‘Għadam Fraġli’
    Stenbaħ!—1997
  • Ħarsa Lejn Id-Dinja
    Stenbaħ!—2002
  • Issa Sirna Ħaġa Waħda
    Għannu lil Ġeħova
  • Issa sirna ħaġa waħda
    Kanta mill-qalb lil Ġeħova
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2010
g 10/10 pp. 27-29

L-​Osteoporożi—Marda Siekta

Taʼ 19-​il sena, Anna kienet qed tirkupra ġmielha minn marda konnessa mal-​ikel, l-​anoreksja nervosa, meta f’salt wieħed instabtet mal-​art b’uġigħ kbir f’daharha. Kienet kisret iż-​żewġ irkiekel tas-​sinsla taʼ daharha u qsaret b’żewġ pulzieri. Kollu minħabba l-​osteoporożi.

“L-​OSTEOPOROŻI” letteralment tfisser “għadam poruż.” Tissejjaħ marda siekta għax spiss ma jkun jidher l-​ebda sintomu li l-​għadam ikun qed jirqaq, sakemm l-​għadam tant isir dgħajjef li jekk f’daqqa waħda tistrapazza, taħbat maʼ xi mkien, jew taqaʼ, tistaʼ tikkaġuna ksur fl-​għadam. Dan il-​ksur ġeneralment ikun fil-​ġenbejn, fil-​kustilji, fl-​irkiekel tas-​sinsla tad-​dahar, jew fil-​polz. In-​nies għandhom it-​tendenza li jassoċjaw l-​osteoporożi man-​nisa anzjani li jkunu xipli. Madankollu, bħalma juri l-​każ taʼ Anna, l-​osteoporożi tistaʼ tolqot ukoll liż-​żgħażagħ.

Theddida Serja għas-​Saħħa

Il-​Fondazzjoni Internazzjonali tal-​Osteoporożi tirrapporta li “kull 30 sekonda, fl-​Unjoni Ewropea, ikun hemm xi ħadd li jsofri minn ksur minħabba l-​osteoporożi.” Fl-​Istati Uniti, 10 miljun ruħ ibatu mill-​osteoporożi, u 34 miljun ruħ oħra qegħdin f’riskju minħabba li għandhom il-​massa tal-​għadam baxxa. Barra minn hekk, skont rapport mill-​Istituti Nazzjonali tas-​Saħħa “waħda minn kull żewġ nisa u wieħed minn kull erbaʼ rġiel li għandhom minn 50 sena ’l fuq se jsofru minn ksur kaġunat mill-​osteoporożi matul ħajjithom.” U l-​affarijiet ma jidhrux li sejrin għall-​aħjar.

Il-​Bulletin of the World Health Organization jistqarr li n-​numru taʼ ksur kaġunat mill-​osteoporożi hu mistenni li jirdoppja mad-​dinja kollha matul il-​50 sena li ġejjin. Din l-​ipotesi x’aktarx hi bbażata fuq iż-​żieda li hu mistenni li jkun hemm fil-​popolazzjoni tal-​anzjani. Xorta waħda, il-​konsegwenzi huma tal-​biżaʼ. L-​osteoporożi tikkaġuna rata għolja taʼ diżabilità, u saħansitra taʼ mwiet. Kważi 25 fil-​mija mill-​pazjenti li għandhom 50 sena jew iktar, u li jsofru minn ksur fil-​ġenbejn, imutu minħabba komplikazzjonijiet mediċi matul is-​sena taʼ wara l-​ksur.

Qiegħed Int f’Riskju?

Studji reċenti juru li l-​mard ereditarju huwa fattur taʼ riskju sinifikanti. Meta fil-​familja tal-​ġenituri jkun hemm ksur tal-​ġenbejn, ir-​riskju li anki wliedhom isofru minn dan it-​tip taʼ ksur jistaʼ saħansitra jirdoppja. Fattur ieħor taʼ riskju hu meta l-​fetus ibati minn malnutrizzjoni li tirriżulta f’densità tal-​għadam iktar baxxa matul it-​tfulija. Imbagħad hemm il-​fattur tal-​età. Ġeneralment, iktar ma n-​nies jikbru fl-​età iktar l-​għadam tagħhom isir fraġli. Ċerti kundizzjonijiet mediċi, bħall-​marda Cushing, id-​dijabete, u t-​tirojde li taħdem b’rata iktar mgħaġġla min-​normal, jistgħu wkoll iwasslu biex tiżviluppa l-​osteoporożi.

Il-​menopawsa fin-​nisa ġġib tnaqqis fl-​estroġenu. Dan jipproteġi l-​massa tal-​għadam. Din hi r-​raġuni għala l-​għadd taʼ nisa li jbatu mill-​osteoporożi huwa kważi erbaʼ darbiet iktar minn dak tal-​irġiel. In-​nuqqas taʼ estroġenu, li jiġi minħabba t-​tneħħija tal-​għanqud tal-​bajd taʼ mara permezz taʼ operazzjoni, jistaʼ jirriżulta f’menopawsa qabel iż-​żmien.

Hemm fatturi taʼ riskju li jwasslu għall-​osteoporożi li individwu jistaʼ jbiddel hu stess. Dawn jinkludu d-​drawwiet tal-​ikel tiegħu u l-​istil taʼ ħajja li jgħix. Dieta nieqsa mill-​kalċju u mill-​vitamina D hi fattur li jwassal biex l-​għadam jiddeterjora. L-​użu eċċessiv tal-​melħ fl-​ikel jistaʼ jżid ir-​riskju għax dan iġiegħel lill-​ġisem jelimina iżjed kalċjum. Anki x-​xorb alkoħoliku eċċessiv, li spiss ikun akkumpanjat minn nuqqas taʼ ikel sustanzjuż, iġiegħel l-​għadam jirqaq.

Bħalma ssemma fil-​bidu, Anna kienet tbati mill-​osteoporożi b’konsegwenza taʼ marda konnessa mal-​ikel. Din il-​marda wasslet biex ikollha nuqqas taʼ nutriment, piż baxx, u saħansitra ma baqax ikollha l-​mestrwazzjoni. B’hekk, ġisimha waqaf jipproduċi l-​estroġenu, u dan ġiegħel l-​għadam tagħha jiddgħajjef.

Fattur ieħor li jwassal biex tiżviluppa l-​osteoporożi hu stil taʼ ħajja nieqsa mill-​attività fiżika. Anki t-​tipjip hu fattur sinifikanti ieħor taʼ riskju għax dan jistaʼ jnaqqas id-​densità minerali tal-​għadam. Skont l-​Organizzazzjoni Dinjija tas-​Saħħa, madwar ksur wieħed tal-​ġenbejn minn kull tmienja hu kaġunat mit-​tipjip. Madankollu, xi studji juru li meta individwu jieqaf ipejjep, l-​għadam ma jibqax jirqaq daqs qabel u jonqos ukoll ir-​riskju li jkun hemm xi ksur fl-​għadam.

Prevenzjoni mill-​Osteoporożi

Il-​prevenzjoni mill-​osteoporożi għandha tibda mit-​tfulija u l-​adoloxxenza. F’dan iż-​żmien, il-​massa totali tal-​għadam taʼ bniedem tilħaq id-​90 fil-​mija. Il-​kalċju, li hu nutrijent essenzjali biex l-​għadam skeletali jkun b’saħħtu, jiġi maħżun primarjament fl-​għadam. Xi wħud mis-​sorsi prinċipali tal-​kalċju huma l-​ħalib u l-​prodotti magħmulin mill-​ħalib, bħalma huma l-​jogurt u l-​ġobon; is-​sardin u s-​salamun tal-​bott (li jittieklu bix-​xewk b’kollox); il-​lewż; id-​dqiq tal-​ħafur; iż-​żerriegħa tal-​ġulġlien; it-​tofu; u l-​ħaxix li jkollu l-​weraq aħdar skur.

Sabiex il-​kalċju jiġi assorbit mill-​ġisem, il-​vitamina D hija essenzjali. Din il-​vitamina tiġi prodotta fil-​ġilda meta tiġi esposta għad-​dawl tax-​xemx. Manuel Mirassou Ortega, tabib tal-​mediċina tal-​intern u membru tal-​Assoċjazzjoni Messikana tal-​Metaboliżmu tal-​Għadam u tal-​Minerali, spjega: “Jekk tixxemmex għal 10 minuti kuljum tkun qed tgħin biex tipprevieni l-​iżvilupp tal-​osteoporożi peress li x-​xemx tipprovdi madwar 600 junit taʼ vitamina D.” Din il-​vitamina tistaʼ tinstab ukoll f’ikel bħall-​isfar tal-​bajd, il-​ħut tal-​ilma baħar, u l-​fwied.

L-​eżerċizzju huwa ferm importanti għall-​prevenzjoni mill-​osteoporożi. Matul it-​tfulija u l-​adoloxxenza, l-​eżerċizzju jgħin biex iżid il-​massa tal-​għadam, u fix-​xjuħija jgħin biex jipprevieni t-​tnaqqis fil-​massa tal-​għadam. L-​iktar eżerċizzji rikkmandati huma dawk li jgħinuk tikkontrolla l-​piż u ttejjeb ir-​reżistenza tal-​ġisem—dawk l-​eżerċizzji li fihom il-​muskoli jaħdmu kontra l-​gravità jew xi forzi oħrajn mingħajr ma jkun hemm stress żejjed fuq l-​għadam u l-​ġogi. Il-​mixi, it-​taraġ, u saħansitra ż-​żfin huma eżerċizzji sempliċi imma effettivi li jgħinuk tikkontrolla l-​piż.a

Il-​prevenzjoni tistaʼ bla dubju tgħin ħafna biex tikkumbatti din il-​marda siekta. Bħalma rajna, dan jistaʼ jinkludi li tbiddel id-​dieta tiegħek u l-​istil taʼ ħajja li tkun qed tgħix biex iżżomm il-​massa tal-​għadam f’kundizzjoni tajba u ssaħħaħ iktar l-​għadam. Huwa minnu li jistaʼ jkun diffiċli ħafna għall-​biċċa l-​kbira minn dawk in-​nies li jkollhom ħajja sedentarja sabiex ibiddlu l-​istil taʼ ħajja li jgħixu. Imma dawk li jagħmlu l-​isforz meħtieġ verament jibbenefikaw! Waħda mill-​affarijiet li għandhom mnejn jevitaw hi li jkunu fost il-​ħafna miljuni taʼ nies mad-​dinja kollha li jbatu mill-​osteoporożi.

[Nota taʼ taħt]

a L-​eżerċizzju estrem, sal-​punt li jwaqqaf il-​mestrwazzjoni fin-​nisa, jistaʼ jwassal biex l-​għadam jiddgħajjef minħabba li jkun hemm nuqqas taʼ estroġenu. Hu rikkmandat li n-​nisa li jkollhom iktar minn 65 sena jagħmlu t-​test tad-​densità tal-​għadam biex jiġi determinat jekk l-​għadam tagħhom ikunx qed jirqaq u kemm ikun qed jirqaq. Jekk ikun qed jirqaq ħafna, jistaʼ jkun hemm mediċini disponibbli għall-​prevenzjoni u l-​kura tal-​osteoporożi. Madankollu, qabel ma tinbeda xi kura għandhom jiġu kunsidrati kemm ir-​riskji u kemm il-​benefiċċji.

[Kumment f’paġna 29]

Il-​prevenzjoni tistaʼ tinkludi li tbiddel id-​dieta tiegħek u l-​istil taʼ ħajja li tkun qed tgħix biex iżżomm il-​massa tal-​għadam f’kundizzjoni tajba u ssaħħaħ iktar l-​għadam

[Kaxxa/Stampi f’paġna 27]

L-​osteoporożi hija kundizzjoni tal-​għadam karatterizzata minn densità baxxa tal-​għadam u deterjorazzjoni tas-​saħħa tal-​għadam. Din twassal biex l-​għadam isir fraġli u jkun suxxettibbli għall-​ksur. Id-​dijanjosi tagħha tistaʼ ssir permezz taʼ scan b’livell baxx taʼ radjazzjoni li jkejjel id-​densità minerali tal-​għadam.

[Stampi]

Għadma f’saħħitha

L-​osteoporożi

[Sors]

© BSIP/Photo Researchers, Inc.

[Stampa f’paġna 28]

L-​eżerċizzji li jgħinuk tikkontrolla l-​piż u ttejjeb ir-​reżistenza tal-​ġisem jgħinu biex tipprevieni t-​tnaqqis fil-​massa tal-​għadam

[Stampi f’paġna 28]

Il-​lewż u l-​prodotti magħmulin mill-​ħalib huma sorsi eċċellenti tal-​kalċju

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja