Il-5 Suġġeriment—Ħeġġeġ Lilek Innifsek u lill-Familja Tiegħek
“Kulmin hu prudenti se jaġixxi bl-għarfien.” (Proverbji 13:16) Jekk ikollok informazzjoni bażika dwar is-saħħa, tkun mgħammar u mmotivat biex tagħmel il-bidliet neċessarji, u b’hekk int u l-familja tiegħek ikollkom saħħa aħjar.
◯ Kompli tgħallem. F’ħafna pajjiżi, istituzzjonijiet pubbliċi u privati jipprovdu programmi edukattivi u pubblikazzjonijiet fuq suġġetti varji li jkollhom x’jaqsmu mas-saħħa. Ħu vantaġġ minnhom u eduka ruħek dwar modi bażiċi kif ittejjeb saħħtek u kif tevita li tagħmel ħsara lil saħħtek. Żomm moħħok miftuħ u kun lest li tagħmel bidliet sempliċi.
Id-drawwiet tajbin li titgħallem u li tapplika se jkunu ferm taʼ benefiċċju għal uliedek u għal ulied uliedek. Meta l-ġenituri jagħtu eżempju tajjeb fejn jidħol l-ikel sustanzjuż, l-indafa, id-drawwiet taʼ rqad, l-eżerċizzju, u l-prevenzjoni mill-mard, x’aktarx li uliedhom se jibbenefikaw.—Proverbji 22:6.
◯ X’iktar hemm bżonn? Jeħtieġ iktar minn sempliċi interess persunali sabiex tkun u tibqaʼ f’saħħtek bil-mod taʼ kif tgħix ħajtek. Għandek mnejn issibha bi tqila biex taqtaʼ xi vizzji li kellek għal żmien twil, u ħafna drabi tkun teħtieġ motivazzjoni qawwija biex tagħmel aġġustamenti li jkunu saħansitra sempliċi. Għandu mnejn li lanqas ir-riskju kbir taʼ mard serju jew mewt ma ġġiegħel lil xi wħud biex jagħmlu dak li hu taʼ ġid għalihom infushom. Mela x’se jġegħelhom? Bħal kull wieħed u waħda minna, huma jridu jżommu f’moħħhom skop, jew raġuni, aqwa minn hekk f’ħajjithom.
L-imseħbin fiż-żwieġ għandhom jibqgħu f’saħħithom biex ikunu taʼ għajnuna għal xulxin. Il-ġenituri jkunu jixtiequ jkomplu jappoġġaw u jħarrġu lil uliedhom. Jeħtieġ li l-ulied li jkunu saru adulti jieħdu ħsieb qrabathom li jkunu qegħdin jikbru fl-età. Biex ma nsemmux ix-xewqa nobbli li wieħed ikun taʼ ġid, u mhux taʼ piż, għall-komunità. Dan kollu jinvolvi mħabba u tħassib għal oħrajn.
Motivazzjoni saħansitra ikbar minn hekk tiġi minn gratitudni u devozzjoni lejn il-Ħallieq tagħna. Dawk li jemmnu f’Alla jixtiequ jieħdu ħsieb l-għotja prezzjuża tiegħu tal-ħajja. (Salm 36:9) Jekk inkunu f’saħħitna nkunu nistgħu naqdu lil Alla b’mod iktar attiv. Ma jistax ikun hemm motivazzjoni iktar importanti għala għandna nieħdu ħsieb saħħitna.
[Kumment f’paġna 8]
Gawdi l-benefiċċji li jiġu meta tkun f’saħħtek bil-mod kif tgħix ħajtek