Tajjeb li Tiċċijtja Biex Iġġib Marki Tajbin?
INT student? Jekk int, probabbilment taf lil xi wħud fil-klassi li jiċċijtjaw biex iġibu marki tajbin. Fil-fatt, il-problema hi mifruxa mhux ħażin. Fl-2008, l-Istitut Josephson għamel stħarriġ fuq kważi 30,000 student minn skejjel sekondarji fl-Istati Uniti, u 64 fil-mija ammettew li ċċijtjaw f’xi test dik is-sena. Però, hemm oħrajn li jaħsbu li din il-figura fil-fatt hi saħansitra ogħla, iktar minn 75 fil-mija.
Fl-Ewropa wkoll, l-iċċijtjar sar problema serja, speċjalment il-plaġjariżmu. “Websajts li jbigħu esejs taʼ studenti, teżijiet tal-masters u dissertazzjonijiet tad-dottorat li wieħed jistaʼ jippreżentahom bħallikieku għamilhom hu stess huma problema ġdida u li dejjem qed tikkaġuna iktar inkwiet,” jgħid artiklu ppubblikat fil-ġurnal elettroniku Digithum.
L-iċċijtjar għala sar problema daqstant kbira? L-iċċijtjar verament se jgħin lil dawk li jagħmluh? L-onestà—anki jekk din tfisser inqas marki—għadha l-aħjar ħaġa li tistaʼ tagħmel?
L-Iċċijtjar Għala Qed Jinfirex Daqshekk?
Tkissir tal-morali. Ħafna għalliema jgħidu li ż-żieda fl-iċċijtjar hi minħabba li llum in-nies jaħsbu biss fihom infushom u allura m’għadx għandhom prinċipji għoljin, tgħid gazzetta. (American School Board Journal) Rigward dawk tal-klassi tagħha li suppost kienu taʼ livell ogħla, studenta ammettiet: “Ilkoll . . . konna niċċijtjaw; kellna bżonn il-marki biex nikkwalifikaw għal skejjel tajbin. Konna studenti tajbin, b’morali tajbin; ma konniex bħal dawk bla etika . . . Kulma kellna bżonn kien li nikkwalifikaw biex nidħlu f’universitajiet mill-aħjar.” Anki xi ġenituri adottaw dan it-tip taʼ raġunar. Minħabba li jkunu ansjużi biex jaraw ’l uliedhom “jirnexxu,” huma jew japprovaw l-iċċijtjar jew jagħlqu għajn waħda għal dan, u b’hekk jgħarrqu iktar il-morali taʼ wliedhom.
Il-pressjoni biex tirnexxi. Skont Donald McCabe, fundatur taċ-Ċentru Internazzjonali għall-Integrità Akkademika, l-istudenti li jiċċijtjaw jemmnu li l-onestà tiżvantaġġahom meta jitqabblu m’oħrajn li jiċċijtjaw u jkun qisu ma ġara xejn.
L-għajnuna tat-teknoloġija. It-teknoloġija moderna tagħmilha eħfef għall-istudenti biex jiċċijtjaw b’mezzi iktar sofistikati. Karti tal-eżamijiet u t-tweġibiet għal ħowmwerk tagħhom jistgħu jitniżżlu minn fuq l-Internet u jitqassmu lil oħrajn. Spiss ikun persentaġġ żgħir biss li jinqabad, u dan jinkuraġġixxi lil ħaddieħor.
L-influwenza t’eżempji ħżiena. L-iċċijtjar sar xi ħaġa komuni fost l-adulti—fil-kumpaniji tan-negozju kbar, fil-politika, fl-isports, u spiss saħansitra fid-dar, fejn il-ġenituri jqarrqu fil-formola tat-taxxa jew biex jitħallsu mill-assikurazzjoni. “Jekk in-nies f’pożizzjonijiet t’awtorità jew dawk li huma taʼ min jimitahom u jammirahom qed jiċċijtjaw, mela allura naħseb li dan qed jibgħat messaġġ liż-żgħażagħ li l-iċċijtjar hu tajjeb,” jgħid l-awtur David Callahan. (The Cheating Culture) Imma huwa hekk? Li jkollok gradi aħjar verament jiġġustifika l-iċċijtjar?
Għala Għandek Tagħżel li Ma Tiċċijtjax?
Staqsi lilek innifsek, ‘X’inhu l-iskop taʼ edukazzjoni tajba?’ Mhux biex tipprepara lill-istudenti għal ħafna responsabbiltajiet tal-ħajja, bħal li janalizzaw il-problemi fuq il-post tax-xogħol u jsolvuhom? L-istudenti li jagħmluha drawwa li jiċċijtjaw għandhom mnejn ma jitgħallmux dawn l-abbiltajiet taʼ valur. B’hekk, dawk li spiss jiċċijtjaw ikunu qed jaħbu n-nuqqasijiet tagħhom u jċekknu l-probabbiltà taʼ kemm jirnexxu f’diversi oqsma tal-ħajja.
Barra minn hekk, “in-nies li jaqtgħu għad-dritt minn kmieni fil-ħajja—bħal li jiċċijtjaw ħafna fl-iskola—jistgħu jġibu magħhom din id-drawwa fuq il-post tax-xogħol,” jgħid Callahan. Sa ċertu punt, uħud bħal dawn huma bħal flokk li taparsi jkun tad-ditta jew bħal arloġġ li jidher ġenwin imma fl-aħħar mill-aħħar ma jkunx.
Naturalment, dawk li jiċċijtjaw jirriskjaw ukoll li jinqabdu u li jbatu l-konsegwenzi. Minn tal-inqas, dan jistaʼ jinvolvi mistħija u diżunur. Imma jistaʼ jwassal ukoll għal tkeċċija mill-iskola jew saħansitra dixxiplina iktar ħarxa. Il-Bibbja twissina ċar u tond: “Dak li bniedem jiżraʼ, dak ukoll jaħsad.” (Galatin 6:7) Madankollu, ir-raġuni prinċipali biex tkun onest m’għandhiex tkun il-biżaʼ li tinqabad. Hemm ħafna iktar raġunijiet nobbli.
L-Onestà—Iċ-Ċavetta Vera għas-Suċċess
Żgħażagħ għaqlin jagħmlu ħilithom biex jiżviluppaw kwalitajiet li se jiswewlhom taʼ ġid, mhux biss għall-eżamijiet imma għall-kumplament taʼ ħajjithom. Allura, huma jaħdmu iebes l-iskola u jħabirku biex jiżviluppaw valuri li jinkuraġġuhom jirrispettaw lilhom infushom, li jiksbulhom il-gratitudni taʼ min iħaddimhom fil-futur, u li jwassluhom għal ferħ dejjiemi.
Dawn il-valuri jistgħu jinstabu fil-Bibbja, u żgħażagħ li jimxu magħhom mhumiex żvantaġġati. Għall-kuntrarju, bħalma jgħid it-2 Timotju 3:16, 17, huma jsiru ‘kapaċi għalkollox, armati bis-sħiħ għal kull għemil tajjeb.’ Żagħżugħ jismu Jorge jgħid: “Dawk tal-klassi tiegħi jiċċijtjaw għax iridu jġibu marki tajbin mingħajr ebda sforz. Imma jien irrid nogħġob ’l Alla. Fi Proverbji 14:2, il-Bibbja tgħid li ‘min jimxi b’mod rett jibżaʼ minn Ġeħova, imma min jgħawweġ triqatu għandu stmerrija Lejh.’ Naf li ma nistgħu naħbu xejn minn Alla. Allura ma niċċijtjax, u ma ngħinx lil ħaddieħor jiċċijtja.”
L-istudenti li jagħmlu ħilithom biex jgħixu fi qbil mal-prinċipji tal-Bibbja jistgħu ma jkunux dejjem l-iktar studenti intelliġenti fil-klassi. Iżda huma l-iktar għaqlin, għax qed jibnu pedament sod daqs il-blat għal ħajja li tirnexxi b’mod dejjiemi. (Salm 1:1-3; Mattew 7:24, 25) Apparti minn hekk, jistgħu jkunu ċerti mill-approvazzjoni u l-appoġġ tal-Ħallieq.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 22]
PRINĊIPJI BIEX TAĦSEB DWARHOM
● “Ix-xoffa tal-verità se tiġi stabbilita fis-sod għal dejjem, imma l-ilsien giddieb se jkun twil biss daqs mument.”—Proverbji 12:19.
● “Bniedem li jaġixxi bil-fedeltà se jikseb ħafna barkiet.”—Proverbji 28:20.
● “L-Alla l-veru se jiġġudika kull tip t’għemil, anki kulma hu moħbi, jekk hux tajjeb jew ħażin.”—Ekkleżjasti 12:14.
● “Nixtiequ nġibu ruħna bl-onestà f’kollox.”—Ebrej 13:18.
[Stampa f’paġna 21]
It-teknoloġija moderna tagħmilha eħfef għall-istudenti biex jiċċijtjaw b’mezzi iktar sofistikati
[Stampa f’paġna 22]
Studenti li jiċċijtjaw huma bħal arloġġ li jidher li hu tad-ditta, imma minn barra biss