Kapitlu 30
Dak Li Trid Tagħmel Int Biex Tgħix Għal Dejjem
1. (a) Liema żewġ korsi huma miftuħin għalik? (b) Kif tistaʼ tagħżel il-korsa t-tajba?
ALLA JEHOVAH qiegħed joffrilek xi ħaġa taʼ l-għaġeb—ħajja taʼ dejjem fis-sistema t’affarijiet ġdida u taʼ tjieba tiegħu. (2 Pietru 3:13) Imma li tgħix f’dak iż-żmien jiddependi milli tagħmel ir-rieda t’Alla issa. Id-dinja mill-agħar preżenti, inklużi dawk kollha li jibqgħu parti minnha, waslet biex tgħaddi, “imma dak li jagħmel ir-rieda t’Alla jibqaʼ għal dejjem.” (1 Ġwann 2:17) Mela trid tagħżel bejn żewġ korsi. Waħda twassal għall-mewt u l-oħra għall-ħajja taʼ dejjem. (Dewteronomju 30:19, 20) Liema waħda se taqbad int?
2. (a) Jekk għandek fidi vera, dwar liema ħaġa se tkun konvint? (b) Li tafda ’l Alla bħalma tifel jafda lil missier taʼ mħabba kif se jgħinek biex taqdih?
2 Kif turi int li qiegħed tagħżel il-ħajja? L-ewwelnett, irid ikollok fidi f’Jehovah u fil-wegħdi tiegħu. Konvint int b’mod sod li Alla jeżisti “u li jsir dak li jippremja lil dawk li qegħdin ifittxuh bis-serjetà”? (Ebrej 11:6) Għandek bżonn tafda f’Alla bħalma iben jew bint jafda f’missier taʼ mħabba u mimli ħniena. (Salm 103:13, 14; Proverbji 3:11, 12) Billi jkollok fidi bħal din, m’intix se tiddubita li l-parir tiegħu huwa għaqli jew li l-mogħdijiet tiegħu huma sewwa, saħansitra jekk xi drabi ma tifhimx l-affarijiet għalkollox.
3. (a) Minbarra l-fidi, x’iktar huwa meħtieġ? (b) Liema xogħlijiet huma meħtiġin biex turi li qiegħed tagħżel il-ħajja?
3 Madankollu, il-fidi biss m’hijiex biżżejjed. Irid ikun hemm ukoll xogħlijiet li juru x’inhuma s-sentimenti veri tiegħek dwar Jehovah. (Ġakbu 2:20, 26) Għamilt int affarijiet biex turi li jiddispjaċik għal kemm-il darba nqast li tagħmel dak li huwa sewwa fil-passat? Ġejt int imqanqal biex tindem jew tagħmel bidliet sabiex iġġib il-korsa taʼ ħajtek f’armonija mar-rieda taʼ Jehovah? Dort int lura, jiġifieri, ċħadt kwalunkwe korsa żbaljata li stajt kont qiegħed issegwi, u bdejt tagħmel l-affarijiet li Alla jitlob? (Atti 3:19; 17:30) Xogħlijiet bħal dawn se juru li int qiegħed tagħżel il-ħajja.
DEDIKAZZJONI U MAGĦMUDIJA
4. (a) X’għandu jqanqlek biex tagħmel ir-rieda t’Alla? (b) Meta tiddeċiedi li trid taqdi ’l Alla, x’ikun xieraq li tagħmel?
4 X’għandu jqanqlek biex tagħżel il-ħajja billi tagħmel ir-rieda t’Alla? L-apprezzament. Aħseb ftit: Jehovah għamel possibbli għalik serħan mill-mard kollu, mis-sofferenzi, u saħansitra mill-mewt! Bil-għotja prezzjuża taʼ Ibnu fetaħlek il-mogħdija għal ħajja bla tmiem f’art magħmula ġenna. (1 Korintin 6:19, 20; 7:23; Ġwann 3:16) Meta l-imħabba taʼ Jehovah tqanqlek biex int ukoll tħobbu, x’għandek tagħmel? (1 Ġwann 4:9, 10; 5:2, 3) Għandek tersaq lejn Alla f’isem Ġesù u tgħidlu permezz tat-talb li trid tkun qaddej tiegħu, li trid tappartjeni lilu. B’dan il-mod tiddedika lilek innifsek ’l Alla. Din hija kwistjoni persunali u privata. Ħadd iktar ma jistaʼ jagħmilha għalik.
5. (a) Wara li tagħmel id-dedikazzjoni tiegħek ’l Alla, hu x’jistenna li tagħmel int? (b) Liema għajnuna hija disponibbli għalik biex tgħix skond id-dedikazzjoni tiegħek?
5 Wara li tkun għamilt id-dedikazzjoni tiegħek ’l Alla, hu jistenniek li żżomm kelmtek. Mela agħti prova li int persuna taʼ kelmtek billi żżomm maʼ din id-deċiżjoni, jew dedikazzjoni, sakemm iddum ħaj. (Salm 50:14) Jekk iżżomm qrib taʼ l-organizzazzjoni viżibbli t’Alla, tistaʼ tiġi mgħejjun mill-Kristjani sħabek li bil-ferħ jagħtuk minn qalbhom inkuraġġiment u appoġġ.—1 Tessalonkin 5:11.
6. (a) Meta tiddedika ħajtek ’l Alla, liema pass imbagħad huwa neċessarju? (b) X’inhi t-tifsira tal-magħmudija?
6 Madankollu, trid tagħmel iktar milli privatament tgħid lil Jehovah li trid tappartjeni lilu. Trid turi quddiem oħrajn li għamilt dedikazzjoni biex taqdi ’l Alla. Kif tagħmlu dan? Billi titgħammed fl-ilma. Magħmudija fl-ilma bħal din hija turija pubblika li persuna ddedikat ħajjitha lil Jehovah u qiegħda tippreżenta lilha nfisha biex tagħmel ir-rieda Tiegħu.
7. (a) Ġesù liema eżempju pprovda għall-Kristjani? (b) Il-magħmudija li kkmanda Ġesù għala m’hijiex għat-trabi?
7 Li l-magħmudija fl-ilma hija ħtieġa importanti huwa muri mill-eżempju taʼ Ġesù Kristu. Ġesù ma qalx sempliċement lil Missieru li hu kien ġie biex jagħmel ir-rieda Tiegħu. (Ebrej 10:7) Meta kien wasal biex jibda s-servizz tiegħu bħala predikatur tas-saltna t’Alla, Ġesù ppreżenta lilu nnifsu lil Jehovah u ġie mgħammed fl-ilma. (Mattew 3:13-17) Ladarba Ġesù stabbilixxa l-mudell, dawk illum li jiddedikaw lilhom infushom lil Jehovah biex jagħmlu r-rieda tiegħu għandhom jitgħammdu. (1 Pietru 2:21; 3:21) Fil-fatt, Ġesù kkmanda lis-segwaċi tiegħu biex jagħmlu dixxipli min-nies tal-ġnus kollha u mbagħad biex jgħammdu lil dawn id-dixxipli ġodda. Din m’hijiex magħmudija tat-trabi. Hija magħmudija taʼ persuni li saru jemmnu, billi ddeċidew li jaqdu lil Jehovah.—Mattew 28:19; Atti 8:12.
8. Jekk trid titgħammed, lil min fil-kongregazzjoni għandek tgħarraf b’dan, u għala?
8 Jekk iddeċidejt li taqdi lil Jehovah u trid titgħammed, x’għandek tagħmel? Għandek tgħarraf bix-xewqa tiegħek lill-indokratur li jippresiedi tal-kongregazzjoni tax-Xhieda taʼ Jehovah li int assoċjat magħha. Hu, flimkien m’anzjani oħrajn fil-kongregazzjoni, bil-qalb kollha se jgħaddi miegħek it-tagħrif li għandek bżonn tkun taf sabiex taqdi ’l Alla b’mod aċċettabbli. Imbagħad ikunu jistgħu jsiru arranġamenti biex int titgħammed.
IR-RIEDA T’ALLA GĦALIK ILLUM
9. X’għamel Noè qabel id-dilluvju li hija r-rieda t’Alla għalik li tagħmel issa?
9 Qabel id-dilluvju, Jehovah uża lil Noè, “predikatur tat-tjieba,” biex iwissi dwar il-qerda li kienet riesqa u sabiex jindika l-uniku post taʼ sigurtà, l-arka. (Mattew 24:37-39; 2 Pietru 2:5; Ebrej 11:7) Ir-rieda t’Alla hija li int issa tagħmel xogħol simili taʼ ppridkar. Ġesù bassar rigward żmienna: “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata fl-art abitata kollha għal xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-tmiem.” (Mattew 24:14) Oħrajn iridu jkunu jafu l-affarijiet li int tgħallimt dwar l-iskopijiet t’Alla jekk iridu jibqgħu ħajjin wara t-tmiem taʼ din is-sistema u jgħixu għal dejjem. (Ġwann 17:3) M’hijiex imqanqla qalbek biex tieħu sehem f’li taqsam m’oħrajn dan l-għarfien li jagħti l-ħajja?
10. (a) L-imħabba għan-nies għandha tqanqalna biex nimxu wara liema eżempju taʼ Ġesù? (b) Il-parti l-kbira taʼ l-ippridkar kif isir?
10 Segwi l-eżempju taʼ Ġesù. Hu ma qagħadx jistenna li n-nies jiġu għandu, imma mar ifittex lil dawk li riedu jisimgħu l-messaġġ tas-Saltna. U struwixxa lis-segwaċi tiegħu—kollha kemm huma—biex jagħmlu l-istess. (Mattew 28:19; Atti 4:13; Rumani 10:10-15) Billi mxew wara t-tagħlim u l-eżempju taʼ Kristu, il-Kristjani bikrin żaru lin-nies fi djarhom. Marru “minn dar għal dar” bil-messaġġ tas-Saltna. (Luqa 10:1-6; Atti 20:20) Dan għadu l-mod prinċipali li bih il-veri Kristjani jwettqu l-ministeru tagħhom fi żmienna.
11. (a) Għala teħtieġ il-kuraġġ biex tippriedka dwar is-saltna t’Alla, imma għala m’għandniex għalfejn nibżgħu? (b) Jehovah kif iħares lejn ix-xogħol li nagħmlu?
11 Teħtieġ il-kuraġġ biex tagħmel dan ix-xogħol. Satana u d-dinja tiegħu żgur jipprovaw iwaqqfuk, saħansitra bħalma pprovaw iwaqqfu lis-segwaċi bikrin taʼ Kristu milli jippridkaw. (Atti 4:17-21; 5:27-29, 40-42) Imma m’għandekx għalfejn tibżaʼ. Sewwa sew bħalma Jehovah appoġġja u saħħaħ lil dawk il-Kristjani bikrin, hu se jagħmel l-istess għalik illum. (2 Timotew 4:17) Mela agħmel kuraġġ! Agħti prova li int tassew tħobb lil Jehovah u lill-bnedmin sħabek billi tieħu sehem sħiħ f’dan ix-xogħol taʼ ppridkar u tagħlim taʼ salvazzjoni. (1 Korintin 9:16; 1 Timotew 4:16) Jehovah mhux se jinsa x-xogħol tiegħek, imma se jippremjak bil-kbir.—Ebrej 6:10-12; Titus 1:2.
12. X’nistgħu nitgħallmu mill-eżempju taʼ mart Lot?
12 M’hemm xejn taʼ valur veru li din is-sistema qadima għandha x’toffri, u għalhekk qatt taħseb li qiegħed titlef xi ħaġa jekk tagħtiha dahrek. “Ftakru f’mart Lot,” qal Ġesù. (Luqa 17:32) Wara li hi u l-familja tagħha ħarbu minn Sodom, ħarset b’mod imxennaq lejn l-affarijiet li kienu ħallew warajhom. Alla ra fejn kienet qalbha, u hi saret kolonna tal-melħ. (Ġenesi 19:26) Tkunx bħall-mara taʼ Lot! Żomm għajnejk fuq dak li ġej, fuq “il-ħajja vera” fl-ordni ġdida taʼ tjieba t’Alla.—1 Timotew 6:19.
AGĦŻEL ĦAJJA ETERNA FIL-ĠENNA FUQ L-ART
13. Ġesù kif ippreżenta l-għażla li aħna lkoll irridu nagħmlu?
13 Fil-fatt, hemm biss żewġ għażliet. Kristu qabbel dan maʼ l-għażla taʼ waħda minn żewġ toroq. Triq waħda, qal hu, hija “wiesgħa u spazjuża.” Fiha dawk li jivvjaġġaw jitħallew fil-libertà biex jogħġbu lilhom infushom. It-triq l-oħra, madankollu, hija “marsusa.” Iva, dawk f’dik it-triq huma mitlubin li jobdu l-istruzzjonijiet u l-liġijiet t’Alla. Il-maġġoranza, osserva Ġesù, qegħdin jaqbdu t-triq il-wiesgħa, ftit biss id-dejqa. Int liema triq se tagħżel? Meta tagħmel l-għażla tiegħek, żomm dan f’moħħok: It-triq il-wiesgħa f’daqqa waħda se tieqaf ħabta u sabta—qerda! Mill-banda l-oħra, it-triq id-dejqa se twasslek dritt għal ġos-sistema ġdida t’Alla. Hemmhekk tistaʼ tieħu sehem f’li tagħmel l-art ġenna glorjuża, fejn tistaʼ tgħix għal dejjem fl-hena.—Mattew 7:13, 14.
14. Minn liema ħaġa trid tkun parti sabiex issalva għal ġos-sistema ġdida t’Alla?
14 Tikkonkludix li hemm toroq, jew mogħdijiet, differenti li tistaʼ ssegwi biex taqlaʼ l-ħajja fis-sistema ġdida t’Alla. Hemm biss waħda. Kien hemm biss arka waħda li salvat mid-Dilluvju, mhux għadd taʼ dgħajjes. U se jkun hemm biss organizzazzjoni waħda—l-organizzazzjoni viżibbli t’Alla—li se ssalva mit-“tribulazzjoni kbira” li riesqa bil-għaġla. Sempliċement m’huwiex veru li r-reliġjonijiet kollha jwasslu għall-istess mira. (Mattew 7:21-23; 24:21) Int trid tkun parti mill-organizzazzjoni taʼ Jehovah, billi tagħmel ir-rieda t’Alla, sabiex tirċievi l-barka tiegħu taʼ ħajja taʼ dejjem.—Salm 133:1-3.
15. (a) X’għandna bżonn nagħmlu kuljum? (b) Liema tama hija ħafna iżjed minn ħolma?
15 Mela żomm l-istampa tas-sistema ġdida t’affarijiet, imwiegħda minn Alla, ċara f’moħħok u f’qalbek. Kuljum aħseb dwar il-premju grandjuż li Alla Jehovah qiegħed joffrilek—li tgħix għal dejjem fil-Ġenna fuq l-art. Din m’hijiex xi ħolma. Hija realtà! Għax il-wegħda tal-Bibbja se titwettaq b’ċertezza: “It-twajbin infushom se jkollhom pussess taʼ l-art, u se jgħammru għal dejjem fuqha. . . . Meta dawk li huma mill-agħar jitqaċċtu, int se tarah.”—Salm 37:29, 34.
[Stampa f’paġna 251]
Iddedika lilek innifsek lil Jehovah . . . u tgħammed
[Stampa f’paġna 253]
“Ftakru f’mart Lot”
[Stampi f’paġna 254]
Żomm is-sistema ġdida t’Alla ċara f’moħħok u f’qalbek