Kapitlu 48
Jitlaq mid-Dar taʼ Ġajru u Jerġaʼ Jżur Nazzaret
KIEN jum li fih Ġesù kellu ħafna x’jagħmel—ivvjaġġa bil-baħar mid-Dekapolis, fejjaq lill-mara li kienet tnixxi d-demm, u rxoxta lil bint Ġajru. Imma l-jum għadu ma spiċċax. Milli jidher malli Ġesù jitlaq mid-dar taʼ Ġajru, żewġt irġiel għomja jibdew mexjin warajh u jgħajtu: “Ikollok ħniena minna, Bin David.”
Billi qed jindirizzawh bħala “Bin David,” dawn l-irġiel qegħdin b’hekk jesprimu t-twemmin tagħhom li Ġesù hu l-eredi tat-tron taʼ David, jiġifieri li hu l-Messija mwiegħed. Ġesù, madankollu, donnu li jinjora l-għajjat tagħhom għall-għajnuna, forsi biex jara kemm huma persistenti. Imma l-irġiel ma jaqtgħux qalbhom. Huma jsegwu lil Ġesù sa fejn joqgħod, u meta hu jidħol fid-dar, huma jidħlu ġewwa warajh.
Hemm Ġesù jistaqsi: “Għandkom fidi li jien nistaʼ nagħmel dan?”
“Iva, Mulej,” iwieġbu huma b’mod fiduċjuż.
Mela, waqt li jmissilhom għajnejhom, Ġesù jgħid: “Skond il-fidi tagħkom ħa jseħħilkom.” F’daqqa waħda jistgħu jaraw! Ġesù mbagħad iwissihom serjament: “Araw li ħadd ma jsir jaf b’dan.” Imma mimlijin bil-ferħ, huma jinjoraw il-kmand taʼ Ġesù u jitkellmu dwaru mal-kampanja kollha.
Hekk kif jitilqu dawn l-irġiel, in-nies iġibu raġel ippossessat minn demonju li mmutah. Ġesù jkeċċi lid-demonju, u minnufih ir-raġel jibda jitkellem. Il-folol jibqgħu ċċassati b’dawn il-mirakli u jgħidu: “Qatt ma dehret ħaġa bħal din f’Iżrael.”
Il-Fariżej ukoll huma preżenti. Huma ma jistgħux jiċħdu l-mirakli, imma fin-nuqqas taʼ twemmin tagħhom, taʼ nies ħżiena li huma, jirrepetu l-akkuża dwar is-sors taʼ xogħlijiet setgħana taʼ Ġesù billi jgħidu: “Huwa permezz tal-ħakem tad-demonji li hu jkeċċi d-demonji.”
Ftit wara dawn il-ġrajjiet, Ġesù jerġaʼ lura lejn il-belt taʼ Nazzaret fejn trabba, din id-darba akkumpanjat mid-dixxipli tiegħu. Xi sena qabel, hu kien żar is-sinagoga u għallem hemmhekk. Għalkemm in-nies għall-ewwel iċċassaw bil-kliem sabiħ tiegħu, iktar tard huma ħassewhom offiżi mit-tagħlim tiegħu u ppruvaw joqtluh. Issa, b’att taʼ ħniena, Ġesù jagħmel attentat ieħor biex igħin lill-ġirien taʼ qabel tiegħu.
Waqt li f’postijiet oħra n-nies imorru bi ħġarhom għand Ġesù, hawnhekk milli jidher ma jagħmlux hekk. Mela, f’jum is-Sibt, hu jmur fis-sinagoga biex igħallem. Il-biċċa l-kbira taʼ dawk li jisimgħuh jistagħġbu. “Dar-raġel minfejn ġab dan il-għerf u dawn ix-xogħlijiet taʼ qawwa?” huma jistaqsu. “Dan mhux bin il-mastrudaxxa? Ommu mhux Marija jisimha, u ħutu Ġakbu u Ġużeppi u Xmun u Ġuda? U ħutu l-bniet, mhux kollha qegħdin magħna? Minfejn, mela, ġab dar-raġel dawn l-affarijiet kollha?”
‘Ġesù hu sempliċi bniedem bħalna li trabba fostna,’ huma jirraġunaw. ‘Rajnieh jikber, u nafu l-familja tiegħu. Kif jistaʼ hu jkun il-Messija?’ Mela minkejja l-evidenza kollha—il-għerf kbir tiegħu u l-mirakli—huma jiċħduh. Minħabba l-familjarità intima tagħhom, saħansitra qrabatu stess jieħdu gambetta fih, tant li Ġesù jikkonkludi: “Profeta mhux bla unur ħlief fit-territorju tiegħu u fost qrabatu u f’daru stess.”
Tabilħaqq, Ġesù jistagħġeb bin-nuqqas taʼ fidi tagħhom. Mela ma jwettaq ebda mirakli hemm ħlief li jmidd idu fuq xi ftit nies morda u jfejjaqhom. Mattew 9:27-34; 13:54-58; Mark 6:1-6; Isaija 9:7.
▪ Billi jindirizzawh bħala “Bin David,” l-irġiel għomja x’juru li jemmnu?
▪ Il-Fariżej liema spjegazzjoni għall-mirakli taʼ Ġesù għażlu li jemmnu?
▪ Għala hu att taʼ ħniena minn Ġesù li jerġaʼ lura biex igħin lil dawk f’Nazzaret?
▪ Ġesù kif jintlaqaʼ f’Nazzaret, u għala?