Kapitlu 50
Tħejjija Biex Niffaċċjaw il-Persekuzzjoni
WARA li jgħallem lill-appostli tiegħu kif għandhom iwettqu x-xogħol tal-ippridkar, Ġesù jwissihom dwar dawk li jopponu. Igħid: “Ħares! Qed nibgħatkom bħala ngħaġ qalb l-ilpup . . . Għassu kontra l-bnedmin; għax se jtellgħukom fil-qrati lokali, u se jifflaġellawkom fis-sinagogi tagħhom. Tabilħaqq, se tiġu msejħin quddiem gvernaturi u slaten minħabba fija.”
Minkejja l-persekuzzjoni ħarxa li s-segwaċi tiegħu se jiffaċċjaw, Ġesù jwiegħed b’ċertezza: “Meta jtellgħukom, issirux anzjużi dwar kif jew x’għandkom tgħidu; għax dak li għandkom tgħidu se jingħata lilkom f’dik is-siegħa; għax mhux intom li qed titkellmu, imma hu l-ispirtu taʼ Missierkom li jitkellem bikom.”
“Iktar minn hekk,” ikompli Ġesù, “ħu se jtellaʼ lil ħuh għall-mewt, u missier lil ibnu, u wlied se jqumu kontra ġenituri u se joqtluhom.” Hu jżid: “Se tkunu oġġetti taʼ mibgħeda min-nies kollha minħabba f’ismi; imma dak li ssaporta sat-tmiem hu dak li se jkun salvat.”
L-ippridkar huwa taʼ importanza primarja. Għal din ir-raġuni Ġesù jenfasizza l-bżonn taʼ għaqal sabiex jibqgħu ħielsa biex iwettqu x-xogħol. “Meta jippersegwitawkom f’belt waħda, aħarbu lejn oħra,” igħid hu, “għax verament ingħidilkom, Bl-ebda mod m’intom se tlestu d-dawra tal-ibliet taʼ Iżrael sa ma jasal Bin il-Bniedem.”
Huwa veru li Ġesù ta dan it-tagħlim, din it-twissija, u dan l-inkuraġġiment lit-12-il appostlu tiegħu, imma dawn kellhom igħoddu wkoll għal dawk li kellhom jieħdu sehem fl-ippridkar mad-dinja kollha wara l-mewt u l-irxoxt tiegħu. Dan jidher minn dak li qal li d-dixxipli tiegħu kellhom ikunu ‘mibgħuda min-nies kollha,’ mhux biss mill-Iżraeliti li lilhom l-appostli kienu mibgħutin jippridkaw. Iktar minn hekk, l-appostli evidentement ma kinux imsejħin quddiem gvernaturi u slaten meta Ġesù bagħathom fuq il-kampanja qasira taʼ ppridkar tagħhom. Barra minn hekk, dawk li kienu jemmnu ma kinux mogħtijin il-mewt minn membri tal-familja.
Mela meta qal li d-dixxipli tiegħu ma kellhomx ilestu d-dawra tagħhom taʼ ppridkar “sa ma jasal Bin il-bniedem,” Ġesù kien qed igħidilna b’mod profetiku li d-dixxipli tiegħu ma kellhomx ilestu d-dawra tal-art abitata kollha bl-ippridkar dwar is-Saltna stabbilita t’Alla qabel ma Ġesù Kristu, is-Sultan igglorifikat, kellu jasal bħala l-uffiċjal esekuzzjonali taʼ Jehovah f’Armageddon.
Billi jkompli bl-istruzzjonijiet tiegħu dwar l-ippridkar, Ġesù jgħid: “Dixxiplu mhux ogħla mill-għalliem tiegħu lanqas l-irsir ogħla mill-mulej tiegħu.” Mela s-segwaċi taʼ Ġesù jridu jistennew li jirċievu l-istess trattament ħażin u persekuzzjoni bħalma rċieva hu talli ppriedka s-Saltna t’Alla. Biss hu jwissi: “U ssirux beżagħna minn dawk li joqtlu l-ġisem imma ma jistgħux joqtlu r-ruħ; imma minflok ibżgħu minn dak li jistaʼ jeqred kemm lir-ruħ u kemm lill-ġisem f’Geħenna.”
Ġesù kellu jagħti l-eżempju f’din il-kwistjoni. Hu kellu mingħajr biżaʼ jissaporti l-mewt minflok ma jagħmel kompromess fil-lejaltà tiegħu lejn Dak li jistaʼ kollox, Alla Jehovah. Iva, huwa Jehovah li jistaʼ jeqred ir-“ruħ” (li tfisser, f’dan il-każ, il-prospetti futuri taʼ dak li jkun bħala ruħ ħajja) jew jistaʼ minflok jirxoxta lil persuna biex tgawdi ħajja taʼ dejjem. X’Missier tas-sema li jħobb u li jagħder huwa Jehovah!
Ġesù mbagħad jinkuraġġixxi lid-dixxipli tiegħu b’tixbieha li tenfasizza kemm Jehovah jieħu ħsiebhom bl-imħabba. “Ma jinbigħux żewġ agħsafar tal-bejt għal munita taʼ valur żgħir?” jistaqsi hu. “Iżda lanqas wieħed minnhom ma se jaqaʼ fl-art mingħajr il-għarfien taʼ Missierkom. Imma l-istess xagħar taʼ raskom kollu magħdud. Għalhekk tibżgħux: intom tiswew iktar minn ħafna agħasafar tal-bejt.”
Il-messaġġ tas-Saltna li Ġesù jinkariga lid-dixxipli tiegħu biex ixandru se jifred djar sħaħ, għax ċerti membri tal-familja jaċċettawh u oħrajn ma jaċċettawhx. “Taħsbux li jien ġejt biex inqiegħed il-paċi fuq l-art,” jispjega hu. “Jien ġejt biex inqiegħed, mhux il-paċi, imma sejf.” B’hekk, biex membru tal-familja jħaddan il-verità tal-Bibbja għandu bżonn il-kuraġġ. “Min għandu affezzjoni akbar lejn missier jew omm milli lejja ma jistħoqqlux ikun tiegħi,” josserva Ġesù, “u min għandu affezzjoni akbar lejn iben jew bint milli lejja ma jistħoqqlux ikun tiegħi.”
Waqt li jikkonkludi l-istruzzjonijiet tiegħu, Ġesù jispjega li dawk li jilqgħu lid-dixxipli tiegħu jilqgħu lilu wkoll. “U kulmin jagħti lil wieħed minn dawn iċ-ċkejknin kies biss taʼ ilma kiesaħ x’jixrob għaliex hu dixxiplu, ingħidilkom verament, b’ebda mod ma se jitlef ir-rigal tiegħu.” Mattew 10:16-42.
▪ Ġesù liema twissijiet jipprovdilhom lid-dixxipli tiegħu?
▪ Liema inkuraġġiment u faraġ jagħtihom?
▪ L-istruzzjonijiet taʼ Ġesù għala japplikaw ukoll għall-Kristjani tal-lum?
▪ Dixxiplu taʼ Ġesù b’liema mod m’huwiex ogħla mill-għalliem tiegħu?