Kapitlu 70
Ifejjaq Raġel Imwieled Agħma
META l-Lhud jippruvaw iħaġġru lil Ġesù, hu ma jitlaqx minn Ġerusalemm. Iktar tard, f’jum is-Sibt, hu u d-dixxipli tiegħu qegħdin jimxu fil-belt meta jaraw raġel li ilu agħma minn twelidu. Id-dixxipli jistaqsu lil Ġesù: “Rabbi, min dineb, dan ir-raġel jew il-ġenituri tiegħu, biex twieled agħma?”
Forsi d-dixxipli jemmnu, bħalma jagħmlu xi rabbini, li wieħed jistaʼ jidneb f’ġuf ommu. Imma Ġesù jwieġeb: “La dan ir-raġel ma dineb u lanqas il-ġenituri tiegħu, imma kien sabiex ix-xogħlijiet t’Alla jistgħu jintgħamlu jidhru fil-każ tiegħu.” In-nuqqas taʼ dawl tar-raġel m’huwiex il-konsegwenza taʼ xi żball jew dnub speċifiku magħmul mir-raġel jew mill-ġenituri tiegħu. Id-dnub taʼ l-ewwel raġel Adam irriżulta f’li l-bnedmin kollha jkunu imperfetti, u b’hekk suġġetti għal difetti bħal li wieħed jitwieled agħma. Dan id-difett fir-raġel issa jagħti opportunità lil Ġesù biex jagħmel jidhru x-xogħlijiet t’Alla.
Ġesù jenfasizza li hemm urġenza f’li jagħmel dawn ix-xogħlijiet. “Aħna rridu naħdmu x-xogħlijiet taʼ dak li bagħatni waqt li hu bi nhar,” hu jgħid. “Il-lejl ġej meta ebda bniedem ma jistaʼ jaħdem. Sakemm qiegħed fid-dinja, jien hu d-dawl tad-dinja.” Dalwaqt il-mewt taʼ Ġesù se titfgħu ġod-dlam tal-qabar fejn ma jistaʼ jagħmel xejn iktar. Sadanittant, hu sors taʼ tidwil għad-dinja.
Wara li jgħid dawn l-affarijiet, Ġesù jobżoq fl-art u bil-bżieq jagħmel ftit tafal. Hu jpoġġi dan fuq għajnejn ir-raġel agħma u jgħid: “Mur inħasel fil-menqa taʼ Siloam.” Ir-raġel jobdi. U meta jinħasel, jistaʼ jara! Kemm jifraħ hu u ġej lura, billi qed jara għall-ewwel darba f’ħajtu!
Il-ġirien u nies oħra li jafuh jibqgħu skantati. “Dan hu r-raġel li kien joqgħod bil-qiegħda u jittallab, hux hekk?” huma jistaqsu. “Dan hu,” jwieġbu xi wħud. Imma oħrajn ma jistgħux jemmnuh dan: “Lanqas xejn, imma jixbhu.” Iżda r-raġel igħid: “Jien hu.”
“Kif, mela, ġew miftuħin għajnejk?” in-nies iridu jkunu jafu.
“Ir-raġel imsejjaħ Ġesù għamel naqra tafal u dellku fuq għajnejja u qalli, ‘Mur Siloam u inħasel.’ Jien għalhekk mort u nħsilt u ksibt il-vista.”
“Fejn hu dak ir-raġel?” huma jistaqsu.
“Ma nafx,” hu jwieġeb.
In-nies issa jieħdu lir-raġel li darba kien agħma għand il-mexxejja reliġjużi tagħhom, il-Fariżej. Dawn ukoll jaqbdu jistaqsuh kif kiseb il-vista. “Poġġa naqra tafal fuq għajnejja, u jien inħsilt u għandi l-vista,” jispjega r-raġel.
Ċertament, il-Fariżej għandhom jifirħu bit-tallab imfejjaq! Imma minflok, huma jakkużaw lil Ġesù. “Dan m’huwiex raġel mingħand Alla,” huma jgħidu. Għala jgħiduh dan? “Għaliex ma josservax is-Sibt.” U madankollu Fariżej oħra jistagħġbu: “Kif jistaʼ raġel li huwa midneb iwettaq sinjali taʼ dik ix-xorta?” Mela hemm firda bejniethom.
Għalhekk, huma jistaqsu lir-raġel: “Xi tgħid int dwaru, peress li fetaħlek għajnejk?”
“Huwa profeta,” hu jwieġeb.
Il-Fariżej ma jemmnuhx dan. Huma konvinti li bil-fors li hemm xi qbil sigriet bejn Ġesù u dan ir-raġel biex jidħqu bin-nies. Mela biex jaqtgħu l-kwistjoni, huma jsejħu lill-ġenituri tat-tallab sabiex jistaqsu lilhom. Ġwann 8:59; 9:1-18.
▪ Liema ħaġa hi responsabbli għal li r-raġel hu agħma, u liema ħaġa mhix?
▪ X’inhu l-lejl meta ebda bniedem ma jistaʼ jaħdem?
▪ Meta r-raġel jiġi mfejjaq, kif jirreaġixxu dawk li jafuh?
▪ Il-Fariżej kif inhuma mifrudin minħabba l-fejqan tar-raġel?