Kapitlu 82
Ġesù Jerġaʼ Jitlaq lejn Ġerusalemm
ĠESÙ malajr jerġaʼ jibda jivvjaġġa, igħallem minn belt għal belt u minn raħal għal raħal. Biċ-ċar hu qiegħed fid-distrett taʼ Perea, in-naħa l-oħra tax-Xmara Ġordan mill-Ġudea. Imma d-destinazzjoni tiegħu hija Ġerusalemm.
Il-filosofija Lhudija li numru limitat biss se jkunu jimmeritahom is-salvazzjoni hija dik li forsi tqanqal lil wieħed raġel biex jistaqsi: “Mulej, huma ftit dawk li qed jiġu salvati?” Bit-tweġiba tiegħu, Ġesù jġiegħel lin-nies jaħsbu dwar dak li huwa meħtieġ biex wieħed isalva: “Stinkaw b’mod vigoruż [jiġifieri, issieltu, jew tqatlu] biex tidħlu minn ġol-bieb id-dejjaq.”
Sforz vigoruż bħal dan huwa urġenti “għaliex ħafna,” ikompli Ġesù, “se jfittxu biex jidħlu imma mhux se jkunu jistgħu.” Għala m’humiex se jkunu jistgħu? Hu jispjega li ‘ladarba sid id-dar ikun qam u sakkar il-bieb u xi nies ikunu barra u jħabbtu, jgħidu, “Sinjur, iftħilna,” hu se jgħid: “Ma nafx minfejn intom. Itilqu minn ħdejja, intom ilkoll ħaddiema taʼ dak li mhux sewwa!”’
Dawk li huma msakkrin barra mid-dehra jiġu f’ħin li hu konvenjenti għalihom biss. Imma f’dak il-ħin il-bieb taʼ opportunità huwa magħluq u msakkar. Biex jidħlu ġewwa, huma kellhom jiġu qabel, saħansitra jekk dan forsi ma kienx konvenjenti għalihom. Tabilħaqq, riżultat taʼ dwejjaq hemm jistenna lil dawk li ma jaqbdux u jagħmlu l-qima taʼ Jehovah l-iskop prinċipali tagħhom fil-ħajja!
Il-biċċa l-kbira tal-Lhud li lilhom Ġesù huwa mibgħut biex jimministra naqsu li jaħtfu l-opportunità meraviljuża tagħhom taʼ li jaċċettaw il-provvediment t’Alla għal salvazzjoni. Mela Ġesù jgħid li huma se jibku u jheżhżu snienhom meta jiġu mitfugħin ’il barra. Mill-banda l-oħra, nies min-“naħiet tal-Lvant u tal-Punent, u mit-Tramuntana u min-Nofs in-Nhar,” iva, mill-ġnus kollha, “se joqogħdu bil-qiegħda madwar il-mejda fis-saltna t’Alla.”
Ġesù jkompli: “Hemm dawk li huma l-aħħar [nies mibgħudin li m’humiex Lhud, kif ukoll Lhud imgħaffġin taħt is-saqajn] li se jkunu l-ewwel, u hemm dawk li huma l-ewwel [il-Lhud iffavoriti materjalment u reliġjożament] li se jkunu l-aħħar.” Li jkunu l-aħħar ifisser li wħud ingrati u għażżenin bħal dawn m’humiex se jkunu fis-Saltna t’Alla assolutament.
Xi Fariżej issa jiġu lejn Ġesù u jgħidu: “Oħroġ u itlaq minn hawn, għaliex Erodi [Antipas] jrid joqtlok.” Jistaʼ jkun li Erodi nnifsu ta bidu għal dan il-għajdut biex iġiegħel lil Ġesù jaħrab mit-territorju. Erodi setaʼ kien qed jibżaʼ li jiġi nvolut fil-mewt taʼ profeta ieħor t’Alla bħalma kien fil-qtil taʼ Ġwanni l-Għammied. Imma Ġesù jgħid lill-Fariżej: “Morru u għidu lil dak il-volpi, ‘Ħares! Jien qed inkeċċi d-demonji u nwettaq fejqan illum u għada, u fit-tielet jum se nkun spiċċajt.’”
Wara li jtemm ix-xogħol tiegħu hemmhekk, Ġesù jkompli l-vjaġġ tiegħu lejn Ġerusalemm għaliex, bħalma jispjega hu, “profeta ma jitħalliex jiġi meqrud barra Ġerusalemm.” Għala għandu jkun mistenni li Ġesù kellu jiġi maqtul f’Ġerusalemm? Għaliex Ġerusalemm hija l-belt kapitali, fejn hemm il-qorti għolja taʼ 71 membru tas-Sinedriju u fejn jiġu offruti s-sagrifiċċji tal-annimali. Għalhekk, “il-Ħaruf t’Alla” ma setaʼ jiġi maqtul imkien ħlief f’Ġerusalemm.
“Ġerusalemm, Ġerusalemm, il-qattiela tal-profeti u ħaġġara taʼ dawk mibgħutin għandha,” jilmenta Ġesù, “kemm-il darba ridt niġbor lil uliedek flimkien bħalma tiġieġa tiġbor il-boton taʼ flieles tagħha taħt ġwinħajha, imma intom ma ridtuhx dan! Ħares! Darkom hija abbandunata lilkom.” Talli m’aċċettawx lill-Iben t’Alla, il-ġens huwa kkundannat!
Hu u jkompli lejn Ġerusalemm, Ġesù jiġi mistieden fid-dar taʼ ħakkiem tal-Fariżej. Huwa jum is-Sibt, u n-nies qed igħassuh mill-qrib, ladarba hemm raġel preżenti li qed ibati minn idropsija, akkumulazzjoni taʼ ilma x’aktarx f’dirgħajh u f’riġlejh. Ġesù jindirizza lill-Fariżej u lill-esperti tal-Liġi li huma preżenti, billi jistaqsi: “Huwa legali li tfejjaq f’jum is-Sibt jew mhux?”
Ħadd ma jitniffes. Mela Ġesù jfejjaq lir-raġel u jibagħtu ’l hemm. Imbagħad hu jistaqsi: “Min minnkom, jekk ibnu jew il-barri tiegħu jaqaʼ ġo bir, mhux se jtellgħu minnufih nhar jum is-sibt?” Għal darb’oħra, ħadd ma jitniffes biex iwieġeb. Luqa 13:22–14:6; Ġwann 1:29.
▪ Ġesù juri li hija meħtieġa liema ħaġa biex wieħed isalva, u għala ħafna huma msakkrin barra?
▪ Min huma l-“aħħar” li jsiru l-ewwel, u l-“ewwel” li jsiru l-aħħar?
▪ Għala x’aktarx li ntqal li Erodi ried joqtol lil Ġesù?
▪ Profeta għala ma jitħalliex jiġi meqrud barra Ġerusalemm?