Kapitlu 108
Ifallu f’li Jonsbu Lil Ġesù
PERESS li Ġesù kien qed igħallem fit-tempju u kien għadu kif qal lill-egħdewwa reliġjużi tiegħu tliet tixbihat li jikxfu l-ħażen tagħhom, il-Fariżej jinsabu mgħaddbin u jikkonfoffaw biex jonsbuh f’li jgħid xi ħaġa li għaliha jkunu jistgħu jġiegħlu li jiġi arrestat. Huma jħawru konġura u jibagħtu lid-dixxipli tagħhom, flimkien maʼ segwaċi tal-partit taʼ Erodi, biex jippruvaw iwaqqgħuh.
“Għalliem,” dawn l-irġiel igħidu, “aħna nafu li int tgħid il-verità u tgħallem il-mod t’Alla fil-verità, u ma jimpurtak minn ħadd, għax int ma tħarisx lejn id-dehra tal-bnedmin minn barra. Għidilna, għalhekk, x’taħseb int? Huwa skond il-liġi li tħallas it-taxxa tar-ras lil Ċesri jew le?”
Ġesù mhux imqarraq mit-tifħir tagħhom. Hu jirrealizza li jekk jgħid, ‘Le, m’huwiex legali jew sewwa li tħallsu dit-taxxa,’ hu se jkun ħati taʼ sedizzjoni kontra Ruma. Iżda, jekk igħid, ‘Iva, għandkom tħallsu dit-taxxa,’ il-Lhud, li jobogħdu s-sottomissjoni tagħhom lejn Ruma, se jobogħduh. Mela jwieġeb: “Għala tpoġġuni fi prova, ipokriti? Uruni l-munita tat-taxxa tar-ras.”
Meta jġibulu waħda, hu jistaqsi: “L-immaġni u l-iskrizzjoni taʼ min hi din?”
“Taʼ Ċesri,” iweġbuh.
“Ħallsu lura, għalhekk, l-affarijiet taʼ Ċesri lil Ċesri, imma l-affarijiet t’Alla lil Alla.” Tajjeb, meta dawn l-irġiel jisimgħu din it-tweġiba minn Ġesù taʼ vera mgħallem, jiskantaw. U jmorru u jerħulu waħdu.
Meta jaraw id-disfatta tal-Fariżej f’li jġibu xi ħaġa kontra Ġesù, is-Sadduċej, li jgħidu li m’hemmx irxoxt, jersqu lejh u jistaqsu: “Għalliem, Mosè qal, ‘Jekk xi raġel imut mingħajr tfal, ħuh irid jieħu lil martu fiż-żwieġ u jtellaʼ nisel għal ħuh.’ Issa kien hemm sebat aħwa magħna; u l-ewwel wieħed iżżewweġ u miet, u, billi ma kellux nisel, ħalla lil martu għal ħuh. Ġara l-istess ukoll mat-tieni u t-tielet, sas-sebaʼ wieħed. Fl-aħħarnett il-mara mietet. Għaldaqstant, fl-irxoxt, mart liema wieħed mis-sebgħa se tkun hi? Għax kollha ħaduha.”
Bi tweġiba Ġesù jgħid: “Mhux għalhekk intom żballjati intom, għax la tafu l-Iskrittura u lanqas il-qawwa t’Alla? Għax meta jqumu mill-imwiet, la l-irġiel ma jiżżewġu u lanqas in-nisa ma jingħataw fiż-żwieġ, imma huma bħal anġli fis-smewwiet. Imma dwar il-mejtin, li huma jiġu mqajmin, ma qrajtux fil-ktieb taʼ Mosè, fir-rakkont dwar il-pjanta tax-xewk, kif Alla qallu, ‘Jien dak Alla taʼ Abraham u Alla taʼ Iżakk u Alla taʼ Ġakobb’? Huwa Alla, mhux tal-mejtin, imma tal-ħajjin. Intom żballjati ferm.”
Għal darb’oħra l-folol huma mistagħġba bit-tweġiba taʼ Ġesù. Saħansitra wħud mill-iskribi jammettu: “Għalliem, int tkellimt sewwa.”
Meta l-Fariżej jaraw li Ġesù sikket lis-Sadduċej, jiġu għandu fi grupp wieħed. Biex iġarrbuh iżjed, wieħed Skrib fosthom jistaqsi: “Għalliem, liema hu l-akbar kmandament fil-Liġi?”
Ġesù jwieġeb: “L-ewwel hu, ‘Ismaʼ, O Iżrael, Jehovah Alla tagħna huwa Jehovah wieħed, u int trid tħobb lil Jehovah Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu u b’saħħtek kollha.’ It-tieni hu dan, ‘Int trid tħobb lil ġarek bħalek innifsek.’ M’hemm ebda kmandament ieħor akbar minn dawn.” Fil-fatt, Ġesù jżid: “Fuq dawn iż-żewġ kmandamenti hi mdendla l-Liġi sħiħa, u l-Profeti.”
“Għalliem, int sewwa għedt fi qbil mal-verità,” jaqbel miegħu l-iskrib. “‘Huwa Wieħed, u m’hemm ebda ieħor għajrU’; u din li wieħed iħobbu b’qalbu kollha u bil-fehma kollha tiegħu u bis-saħħa kollha tiegħu u din li wieħed iħobb lil ġaru bħalu nnifsu tiswa ferm iktar mill-offerti maħruqa kollha u mis-sagrifiċċji kollha.”
Billi jara li l-iskrib wieġeb b’intelliġenza, Ġesù jgħidlu: “M’intix ’il bogħod mis-saltna t’Alla.”
Għal tlett ijiem issa—il-Ħadd, it-Tnejn, u t-Tlieta—Ġesù kien qed igħallem fit-tempju. In-nies semgħuh bil-ferħ, iżda l-mexxejja reliġjużi jridu joqtluh, imma s’issa l-attentati tagħhom ma rnexxewx. Mattew 22:15-40; Mark 12:13-34; Luqa 20:20-40.
▪ Liema konfoffa jħawru l-Fariżej biex jonsbu lil Ġesù, u x’kien jirriżulta kieku kellu jagħti iva jew le bħala tweġiba?
▪ Ġesù kif iħarbat l-attentati tas-Sadduċej biex jonsbuh?
▪ Il-Fariżej liema attentat ieħor jagħmlu biex iġarrbu lil Ġesù, u x’inhu r-riżultat?
▪ Matul il-ministeru finali tiegħu f’Ġerusalemm, Ġesù għal kemm-il ġurnata jgħallem fit-tempju, u b’liema effett?