Kapitlu 110
Ministeru fit-Tempju Komplut
ĠESÙ qed jagħmel l-aħħar dehra tiegħu fit-tempju. Fil-fatt, qed iġib fi tmiem il-ministeru pubbliku tiegħu fuq l-art barra mill-ġrajjiet tal-ġuri u l-qatla tiegħu, li huma tlett ijiem fil-futur. Issa jissokta biċ-ċanfir tiegħu lill-iskribi u l-Fariżej.
Tliet darbiet oħra jesklama: “Gwaj għalikom, skribi u Fariżej, ipokriti!” L-ewwel, jipproklama gwaj fuqhom għaliex huma jnaddfu “n-naħa taʼ barra tal-kies u tad-dixx, imma minn ġewwa huma mimlijin ħtif u nuqqas taʼ moderazzjoni.” Mela jwissi: “Naddaf l-ewwel in-naħa taʼ ġewwa tal-kies u tad-dixx, biex in-naħa taʼ barra tiegħu wkoll tistaʼ ssir nadifa.”
Imbagħad jippronunzja gwaj fuq l-iskribi u l-Fariżej għat-tnawwir u t-tmermir ġewwieni li huma jittantaw jaħbu permezz taʼ tjubija minn barra. “Tixbhu oqbra mbajda,” jgħid hu, “li minn barra tabilħaqq jidhru sbieħ imma minn ġewwa mimlijin għadam tan-nies mejta u taʼ kull xorta taʼ nuqqas taʼ ndafa.”
Fl-aħħarnett, l-ipokrezija tagħhom hija murija fil-ħeġġa tagħhom biex jibnu oqbra għall-profeti u jżejnuhom biex jiġbdu l-attenzjoni lejn l-egħmejjel karitattivi tagħhom. Iżda, bħalma Ġesù jikxef, huma “ulied dawk li qatlu lill-profeti.” Tabilħaqq, kwalunkwe wieħed li jazzarda jikxef l-ipokrezija tagħhom huwa fil-periklu!
Billi jissokta, Ġesù jesprimi l-iktar kliem qawwi tiegħu taʼ denunzja. “Serpenti, nisel il-lifgħat,” igħid hu, “kif sejrin taħarbu mill-ġudizzju taʼ Geħenna?” Geħenna huwa wied użat bħala l-miżbla taʼ Ġerusalemm. Mela Ġesù qed igħid li talli segwew il-korsa mill-agħar tagħhom, l-iskribi u l-Fariżej se jsofru qerda taʼ dejjem.
Rigward dawk li kellu jibgħat bħala r-rappreżentanti tiegħu, Ġesù jgħid: “Xi wħud minnhom se toqtluhom u ddendluhom maʼ zokk, u xi wħud minnhom se tifflaġellawhom fis-sinagogi tagħkom u tippersegwitawhom minn belt għal belt; biex jistaʼ jiġi fuqkom id-demm twajjeb kollu mxerred fuq l-art, mid-demm tat-twajjeb Abel sad-demm taʼ Żakkarija bin Barakija [imsejjaħ Ġeħojada fit-Tieni Kronaki], li lilu qtiltu bejn is-santwarju u l-artal. Verament ingħidilkom, Dawn l-affarijiet kollha se jiġu fuq din il-ġenerazzjoni.”
Minħabba li Żakkarija ċanfar lill-mexxejja Iżraeliti, “huma kkonfoffaw kontra tiegħu u garawlu l-ġebel fuq il-kmandament tas-sultan fil-bitħa tad-dar taʼ Jehovah.” Imma, bħalma jbassar Ġesù, Iżrael se jħallas għal dak id-demm innoċenti li xxerred. Huma jħallsu 37 sena wara, fis-sena 70 E.K., meta l-armati Rumani jeqirdu lil Ġerusalemm u iktar minn miljun Lhudi jgħibu.
Waqt li Ġesù jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-biżaʼ, hu jinsab imnikket. “Ġerusalemm, Ġerusalemm,” jipproklama darb’oħra, “kemm-il darba ridt niġbor lit-tfal tiegħek flimkien, bil-mod li qroqqa tiġbor il-flieles tagħha flimkien taħt ġwenħajha! Imma intom ma ridtuhiex. Ħares! Darkom hi abbandunata għalikom.”
Ġesù mbagħad iżid: “Intom bl-ebda mod ma se tarawni minn issa ’l quddiem sa ma tgħidu, ‘Imbierek hu dak li jiġi f’isem Jehovah!’” Dak il-jum se jkun fil-preżenza taʼ Kristu meta jidħol fis-Saltna tas-sema u n-nies jarawh b’għajnejn tal-fidi.
Ġesù issa jersaq lejn post fejn jistaʼ jara s-sniedaq tat-teżori fit-tempju u l-folol jitfgħu l-flus fihom. Is-sinjuri jitfgħu ħafna muniti. Imma mbagħad waħda armla fqira tersaq u tixħet żewġ muniti taʼ valur ċkejken ħafna.
Billi jsejjaħ lid-dixxipli tiegħu ħdejh, Ġesù jgħid: “Verament ingħidilkom li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li qed jitfgħu l-flus fis-sniedaq tat-teżor.” Huma żgur jitħassbu kif dan jistaʼ jkun. Mela Ġesù jispjega: “Huma lkoll tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, min-nieqes tagħha, tefgħet dak kollu li kellha, l-għixien kollu tagħha.” Wara li jgħid dawn l-affarijiet, Ġesù jitbiegħed mit-tempju għall-aħħar darba.
Imgħaġġbin bil-kobor u s-sbuħija tat-tempju, wieħed mid-dixxipli jesklama: “Għalliem, ara! liema xorta taʼ ġebel u liema xorta taʼ bini!” Tassew, il-ġebel jingħad li huma iktar minn 35 pied twal, iktar minn 15-il pied wesgħin, u iżjed minn 10 piedi għoljin!
“Tilmħu int dan il-bini kbir?” iwieġeb Ġesù. “Bl-ebda mod ma se titħalla ġebla fuq ġebla hawn u ma tiġix mitfugħa ’l isfel.”
Wara li jgħid dawn l-affarijiet, Ġesù u l-appostli tiegħu jaqsmu l-Wied taʼ Kidron u jitilgħu fuq il-Muntanja taż-Żebbuġ. Minn hawn jistgħu jħarsu ’l isfel lejn it-tempju meraviljuż. Mattew 23:25–24:3; Mark 12:41–13:3; Luqa 21:1-6; 2 Kronaki 24:20-22.
▪ Ġesù x’jagħmel matul l-aħħar żjara tiegħu fit-tempju?
▪ L-ipokrezija tal-iskribi u tal-Fariżej kif inhi murija?
▪ X’inhu mifhum bil-“ġudizzju taʼ Geħenna”?
▪ Ġesù għala qal li l-armla kkontribwiet iktar mill-għonja?