Sezzjoni 2
Min Jistaʼ Jgħidilna?
1, 2. X’inhu l-aħjar mod biex issib l-iskop taʼ xi ħaġa li hi ddisinnjata?
1 Min jistaʼ jgħidilna x’inhu tassew l-iskop tal-ħajja? Sewwa, kieku kellek iżżur lil disinnjatur taʼ magna u tarah jaħdem fuq biċċa makkinarju kkomplikata li ma tagħrafhiex, kif tistaʼ ssib għalxiex inhi? L-aħjar mod kieku jkun li tistaqsi lid-disinnjatur.
2 Xi ngħidu, allura, dwar id-disinn tal-għaġeb li naraw madwarna fuq l-art, bħal fl-affarijiet ħajjin kollha, sal-iċken ċellola ħajja? Saħansitra l-molekuli u l-atomi ferm iżgħar ġewwa ċ-ċellola huma ddisinnjati b’mod tal-għaġeb u qegħdin f’ordni. Xi ngħidu, ukoll, dwar il-moħħ tal-bniedem iddisinnjat b’mod meraviljuż? U xi ngħidu dwar is-sistema solari tagħna, u l-galassja tagħna l-Mogħdija tal-Ħalib, u l-univers? Dawn id-disinnji kollha tal-għaġeb ferm ma kinux jeħtieġu Disinnjatur? Żgur li hu jistaʼ jgħidilna għala ddisinnja affarijiet bħal dawn.
Oriġinat il-Ħajja b’Kumbinazzjoni?
3, 4. X’ċans hemm li l-ħajja ġiet b’kumbinazzjoni?
3 The Encyclopedia Americana nnotat “il-grad straordinarju tal-komplessità u tal-organizzazzjoni fi ħlejjaq ħajjin” u stqarret: “Eżami mill-qrib taʼ fjuri, insetti, jew mammali juri arranġament preċiż kważi inkredibbli taʼ partijiet.” L-astronomu Britanniku Sir Bernard Lovell, waqt li rrefera għall-kompożizzjoni kimika tal-organiżmi ħajjin, kiteb: “Il-probabbiltà li . . . ġrajja b’kumbinazzjoni twassal għall-formazzjoni taʼ waħda mill-iżgħar molekuli tal-proteini hija żgħira b’mod li ma jistax jiġi mmaġinat. . . . Hija effettivament żero.”
4 Bl-istess mod, l-astronomu Fred Hoyle qal: “L-istruttura kollha kemm hi tal-bijoloġija ortodossa għadha ssostni li l-ħajja ġiet bl-addoċċ. Madankollu hekk kif xi bijokemisti jiskopru iktar u iktar dwar il-komplessità tal-għaġeb tal-ħajja, huwa ovvju li ċ-ċansijiet taʼ li tiġi oriġinata b’kumbinazzjoni huma tant ċkejknin li jistgħu jiġu injorati kompletament. Il-ħajja ma jistax ikun li ġiet b’kumbinazzjoni.”
5-7. Il-bijoloġija molekulari kif tivverifika li affarijiet ħajjin ma jistgħux jiġu b’kumbinazzjoni?
5 Il-bijoloġija molekulari, waħda mill-oqsma l-iktar riċenti tax-xjenza, hija l-istudju taʼ affarijiet ħajjin fil-livell taʼ ġeni, molekuli, u atomi. Il-bijoloġista molekulari Michael Denton jikkummenta dwar dak li nstab: “Il-komplessità tat-tip taʼ ċellola l-iktar sempliċi li hija magħrufa tant hi kbira li huwa impossibbli li wieħed jaċċetta li oġġett bħal dan setaʼ ġie magħmul f’daqqa waħda b’xi xorta taʼ ġrajja mhix normali, ferm improbabbli.” “Imma mhix biss il-komplessità taʼ sistemi ħajjin li hi taʼ sfida daqshekk profonda, hemm ukoll il-għaqal inkredibbli li jidher tant spiss fid-disinn tagħhom.” “Huwa f’livell molekulari fejn . . . il-ġenju taʼ disinn bijoloġiku u l-perfezzjoni tal-miri mwettqin jidhru l-iktar.”
6 Denton jistqarr ukoll: “Kulfejn inħarsu, inħarsu kemm inħarsu fil-fond, insibu eleganza u għaqal taʼ kwalità assolutament tranxendenti, li tant idgħajfu lill-idea tal-kumbinazzjoni. Jitwemmen verament li proċessi bl-addoċċ setgħu bnew realtà, li l-iżgħar element tagħha—proteina jew ġene funzjonali—huwa kompless lil hinn mill-kapaċitajiet taʼ ħolqien tagħna stess, realtà li hi eżattament l-oppost tal-kumbinazzjoni, liema realtà tisboq f’kull sens lil kulma ġie prodott bl-intelliġenza tal-bniedem?” Hu jistqarr ukoll: “Bejn ċellola ħajja u s-sistema mhix bijoloġika bil-wisq l-iktar ordinata, bħal kristalla tas-silġ jew borra, hemm abbiss vast u assolut daqskemm huwa possibbli li wieħed jimmaġina.” U professur tal-fiżika, Chet Raymo, jistqarr: “Jien impressjonat ferm . . . Kull molekula tidher ipproġettata b’mod mirakoluż għall-biċċa xogħol tagħha.”
7 Il-bijoloġista molekulari Denton jikkonkludi li “dawk li għadhom isostnu b’mod dommatiku li din ir-realtà ġdida kollha hija r-riżultat taʼ kumbinazzjoni assoluta” qegħdin jemmnu ħrafa. Fil-fatt, hu jsejjaħ it-twemmin taʼ Darwin rigward il-fatt li affarijiet ħajjin jiġu b’kumbinazzjoni “l-ħrafa kbira kosmoġenika tas-seklu għoxrin.”
Id-Disinn Jitlob Disinnjatur
8, 9. Agħti tixbieha li turi li kulma hu ddisinnjat bil-fors li għandu disinnjatur.
8 Il-possibiltà li affarijiet li m’humiex ħajjin jistgħu jieħdu l-ħajja b’kumbinazzjoni, b’xi inċident bl-addoċċ, hi tant remota li hi impossibbli. Le, l-affarijiet ħajjin kollha fuq l-art li huma ddisinnjati b’mod superlattiv ma setgħux ġew b’kumbinazzjoni, ladarba kulma hu ddisinnjat irid ikollu disinnjatur. Taf b’xi eċċezzjonijiet? M’hemm ebda waħda. U iktar ma jkun ikkomplikat id-disinn, iktar irid ikun kapaċi d-disinnjatur.
9 Aħna nistgħu wkoll nagħtu stampa tal-kwistjoni b’dan il-mod: Meta naraw xi pittura, naċċettawha bħala evidenza li jeżisti pittur. Meta naqraw xi ktieb, naċċettaw li jeżisti awtur. Meta naraw dar, naċċettaw li jeżisti bennej. Meta naraw dawl tat-traffiku, nafu li teżisti ġemgħa li tagħmel il-liġijiet. Dawk l-affarijiet kollha kienu magħmulin bi skop minn dawk li għamluhom. U waqt li jistaʼ jkun li ma nifhmux kollox dwar in-nies li ddisinnjawhom, aħna ma niddubitawx li n-nies jeżistu.
10. Liema evidenza taʼ Disinnjatur Suprem tistaʼ tidher?
10 Bl-istess mod, l-evidenza tal-eżistenza taʼ Disinnjatur Suprem tistaʼ tidher fid-disinn, fl-ordni, u fil-komplessità taʼ affarijiet ħajjin fuq l-art. Kollha għandhom il-marka taʼ Intelliġenza Suprema. Dan huwa veru wkoll dwar id-disinn, l-ordni, u l-komplessità tal-univers bil-biljuni taʼ galassi tiegħu, li kull waħda fiha biljuni taʼ kwiekeb. U l-pjaneti kollha huma kkontrollati minn liġijiet preċiżi, bħal dawk għal moviment, sħana, dawl, ħoss, elettromanjetiżmu, u gravità. Jistaʼ jkun hemm liġijiet mingħajr leġiżlatur? Ix-xjenzat tar-rockets Dr. Wernher von Braun stqarr: “Il-liġijiet naturali tal-univers huma tant preċiżi li m’għandna l-ebda diffikultà li nibnu vettura spazzjali biex ittir lejn il-qamar u nistgħu nżommu l-ħin tat-titjira bil-preċiżjoni taʼ farka taʼ sekonda. Dawn il-liġijiet bil-fors li saru minn xi ħadd.”
11. Għala m’għandniex niċħdu l-eżistenza taʼ Disinnjatur Suprem sempliċement għaliex ma nistgħux narawh?
11 Veru, aħna ma nistgħux naraw lid-Disinnjatur Suprem u l-Leġiżlatur bil-għajnejn litterali tagħna. Imma niċħdu aħna l-eżistenza taʼ affarijiet bħalma huma l-gravità, il-manjetiżmu, l-elettriku, jew il-frekwenzi tar-radju sempliċement għaliex ma nistgħux narawhom? Le, ma niċħduhomx, għax nistgħu nosservaw l-effetti tagħhom. Allura għala għandna niċħdu l-eżistenza taʼ Disinnjatur Suprem u Leġiżlatur sempliċement għaliex ma nistgħux narawh, meta nistgħu nosservaw ir-riżultati tax-xogħol tal-għaġeb taʼ jdejh?
12, 13. L-evidenza xi tgħid dwar l-eżistenza tal-Ħallieq?
12 Paul Davies, professur tal-fiżika, jikkonkludi li l-eżistenza tal-bniedem mhix sempliċi skerz tad-destin. Hu jistqarr: “Aħna verament konna magħmulin biex inkunu hawn.” U jgħid rigward l-univers: “Permezz tax-xogħol xjentifiku tiegħi, ġejt li nemmen iktar u iktar b’mod sod li l-univers fiżiku huwa miġbur flimkien b’għaqal tant tal-għaġeb li ma nistax naċċettah sempliċement bħala fatt bla raġuni. Bil-fors li hemm, jidhirli jien, livell iktar profond taʼ spjegazzjoni.”
13 B’hekk, l-evidenza tgħidilna li l-univers, l-art, u l-affarijiet ħajjin fuq l-art ma setgħux ġew sempliċement b’kumbinazzjoni. Kollha jagħtu testimonjanza siekta dwar Ħallieq potenti u intelliġenti ferm.
Dak li Tgħid il-Bibbja
14. Il-Bibbja x’tikkonkludi dwar il-Ħallieq?
14 Il-Bibbja, l-eqdem ktieb tal-umanità, tiġbed l-istess konklużjoni. Per eżempju, fil-ktieb Bibliku taʼ Ebrej, miktub mill-appostlu Pawlu, jintqalilna: “M’għandniex xi ngħidu, kull dar hija mibnija minn xi ħadd, imma dak li bena kollox hu Alla.” (Ebrej 3:4) L-aħħar ktieb tal-Bibbja, miktub mill-appostlu Ġwanni, igħid ukoll: “Int jistħoqqlok, Jehovah, saħansitra Alla tagħna, li tirċievi l-glorja u l-unur u l-qawwa, għaliex inti ħlaqt l-affarijiet kollha, u minħabba fir-rieda tiegħek eżistew u kienu maħluqin.”—Rivelazzjoni 4:11.
15. Kif nistgħu nsiru konxji dwar xi wħud mill-attributi t’Alla?
15 Il-Bibbja turi li waqt li lil Alla ma nistgħux narawh, ix-xorta taʼ Alla li hu tistaʼ tiġi magħrufa permezz taʼ dak li għamel. Tistqarr: “L-attributi inviżibbli [tal-Ħallieq], jiġifieri l-qawwa u d-divinità taʼ dejjem tiegħu, kienu viżibbli, minn mindu bdiet id-dinja, għall-għajn tar-raġuni, fl-affarijiet li għamel.”—Rumani 1:20, The New English Bible.
16. Għala għandna nkunu henjin li l-bnedmin ma jistgħux jaraw lil Alla?
16 Mela l-Bibbja teħodna mill-kawża għall-effett. L-effett—l-affarijiet tal-għaġeb magħmulin—huwa evidenza tal-Kawża intelliġenti u potenti: Alla. Ukoll, nistgħu nkunu grati li huwa inviżibbli, ladarba bħala l-Ħallieq tal-univers kollu, hu bla dubju għandu qawwa tant enormi li bnedmin tad-demm u l-laħam ma jistgħux jistennew li jarawh u jibqgħu ħajjin. U dak huwa preċiż dak li tgħid il-Bibbja: “Ebda bniedem ma jistaʼ jara [lil Alla] u madankollu jgħix.”—Eżodu 33:20.
17, 18. Il-kunċett taʼ Ħallieq għala għandu jkun importanti għalina?
17 Il-kunċett taʼ Disinnjatur Kbir, Esseri Suprem—Alla—għandu jkun importanti ferm għalina. Jekk konna magħmulin minn Ħallieq, allura żgur li kellu raġuni, skop, f’li joħloqna. Jekk konna maħluqin biex ikollna skop fil-ħajja, allura hemm raġuni biex nittamaw li l-affarijiet se jkunu aħjar għalina fil-futur. Inkella, sempliċement ingħixu u mmutu mingħajr tama. Mela huwa importanti ferm li nsibu l-iskop t’Alla għalina. Imbagħad nistgħu nagħżlu jekk irridux ingħixu f’armonija mal-iskop t’Alla jew le.
18 Ukoll, il-Bibbja tistqarr li l-Ħallieq huwa Alla taʼ mħabba li jimpurtah ferm minna. L-appostlu Pietru stqarr: “Hu jimpurtah minnkom.” (1 Pietru 5:7; ara wkoll Ġwann 3:16 u 1 Ġwann 4:8, 16.) Mod wieħed kif nistgħu naraw kemm Alla jimpurtah huwa billi nikkunsidraw il-mod tal-għaġeb kif għamilna, mentalment u fiżikament.
“Magħmul b’Mod tal-Għaġeb”
19. Is-salmista David liema verità jiġbed għall-attenzjoni tagħna?
19 Fil-Bibbja s-salmista David irrikonoxxa: “B’mod li jnebbaħ il-biżaʼ jien magħmul b’mod tal-għaġeb.” (Salm 139:14) Żgur li dik hi l-verità, għax il-moħħ u l-ġisem tal-bniedem kienu ddisinnjati b’mod meraviljuż mid-Disinnjatur Suprem.
20. Enċiklopedija waħda kif tiddeskrivi l-moħħ tal-bniedem?
20 Per eżempju, moħħok huwa ferm iktar kompless minn kwalunkwe kompjuter. The New Encyclopœdia Britannica tinnota: “It-trażmissjoni taʼ informazzjoni ġewwa s-sistema nervuża hi iktar komplessa mill-akbar stazzjonijiet tat-telefon; li problema tiġi solvuta minn moħħ uman jisboq bil-wisq il-kapaċità tal-kompjuters l-iktar potenti.”
21. Meta naraw dak li jagħmel il-moħħ, x’għandna nikkonkludu?
21 Mijiet taʼ miljuni taʼ fatti u stampi mentali huma maħżunin fil-moħħ tiegħek, imma dan m’huwiex sempliċement maħżen tal-fatti. Bih tistaʼ titgħallem kif issaffar, taħmi l-ħobż, titkellem b’lingwi barranin, tuża kompjuter, jew ittajjar ajruplan. Tistaʼ timmaġina vaganza kif se tkun jew frotta kemm se jkollha togħma bnina. Tistaʼ tanalizza u tagħmel affarijiet. Tistaʼ wkoll tippjana, tapprezza, tħobb, u tassoċja l-ħsibijiet tiegħek mal-passat, mal-preżent, u mal-futur. Ladarba aħna l-bnedmin ma nistgħux niddisinnjaw xi ħaġa bħall-moħħ tal-għaġeb tal-bniedem, allura Dak li ddisinnjah ovvjament għandu għerf u abbiltà bil-wisq akbar minn dawk taʼ kwalunkwe bniedem.
22. Ix-xjenzati x’jammettu dwar il-moħħ tal-bniedem?
22 Rigward il-moħħ, ix-xjenzati jammettu: “Kif dawn il-funzjonijiet jiġu mwettqin minn din il-biċċa makkinarju mmudellata b’mod tal-għaġeb, ordinata u komplessa b’mod fantastiku huwa pjuttost vag. . . . L-esseri umani jistgħu qatt ma jsolvu l-problemi individwali u separati kollha li l-moħħ jippreżenta.” (Scientific American) U l-professur tal-fiżika Raymo jgħid: “Biex ingħidu l-verità, aħna għadna ma nafux ħafna dwar kif il-moħħ tal-bniedem jaħżen l-informazzjoni, jew kif għandu l-ħila jtellaʼ memorji meta jrid. . . . Hemm daqs mitt biljun ċellola tan-nervituri fil-moħħ tal-bniedem. Kull ċellola qiegħda tikkomunika, permezz taʼ arranġament bl-ordni taʼ sinapsi bħal siġar, maʼ eluf taʼ ċelloli oħrajn. Il-possibiltajiet taʼ konnessjoni minn waħda għall-oħra huma kkomplikati b’mod tal-għaġeb.”
23, 24. Semmi xi partijiet tal-ġisem iddisinnjati b’mod tal-għaġeb, u wieħed inġinier liema kumment għamel?
23 Għajnejk huma iktar preċiżi u addattabbli minn kwalunkwe kamera tar-ritratti; fil-fatt, huma bħal kamera tal-films bil-kulur awtomatika għalkollox, li tiffoka lilha nfisha. Widnejk jistgħu jaqbdu varjetà taʼ ħsejjes u jagħtuk sens taʼ direzzjoni u bilanċ. Qalbek hija pompa b’kapaċitajiet li l-aqwa inġiniera ma kellhomx il-ħila jidduplikawha. Ukoll tal-għaġeb huma partijiet oħrajn tal-ġisem: imnieħrek, ilsienek, u jdejk, kif ukoll is-sistemi ċirkolatorji u diġestivi tiegħek, biex insemmu ftit.
24 B’hekk, inġinier li kien mikri biex jiddisinnja u jibni kompjuter kbir ħafna rraġuna: “Jekk il-kompjuter tiegħi kellu bżonn disinnjatur, kemm iktar kellha bżonn dik il-magna komplessa fiżjo-kemikali-bijoloġika li hi l-ġisem uman tiegħi—li mill-banda l-oħra hija biss parti ċkejkna b’mod estrem mill-univers kważi infinit?”
25, 26. Id-Disinnjatur il-Kbir x’għandu l-ħila jgħidilna?
25 Sewwa sew bħalma n-nies ikollhom skop f’moħħhom meta jagħmlu l-ajruplani, il-kompjuters, ir-roti, u makkinarju ieħor, hekk ukoll id-Disinnjatur tal-moħħ u l-ġisem tal-bnedmin bil-fors li kellu skop f’li jiddisinnja lilna. U dan id-Disinnjatur irid ikollu għerf superjuri għal dak tal-bnedmin, ladarba ħadd minna ma jistaʼ jidduplika d-disinnji tiegħu. Huwa loġiku, allura, li huwa l-Wieħed li jistaʼ jgħidilna għala ddisinnjana, għala poġġiena fuq l-art, u fejn sejrin.
26 Meta nitgħallmu dawk l-affarijiet, imbagħad il-moħħ u l-ġisem tal-għaġeb li Alla tana jistgħu jintużaw biex inwettqu l-iskop tagħna fil-ħajja. Imma fejn nistgħu nitgħallmu dwar l-iskopijiet tiegħu? Fejn jagħtina dik l-informazzjoni?
[Stampa f’paġna 7]
L-aħjar mod biex issib għala xi ħaġa kienet iddisinnjata huwa li tistaqsi lid-disinnjatur
[Stampa f’paġna 8]
Il-komplessità u d-disinn taʼ affarijiet ħajjin jistgħu jidhru fil-molekula DNA
[Stampa f’paġna 9]
“Li problema tiġi solvuta minn moħħ uman jisboq bil-wisq il-kapaċità tal-kompjuters l-iktar potenti”