Sezzjoni 5
Il-Ħajja Għandha Skop Grandjuż
1, 2. Kif nistgħu ngħidu li Alla jimpurtah minna, u fejn għandna nduru biex inwieġbu l-mistoqsijiet tal-ħajja?
1 Il-mod li bih inħalqet l-art u kull ħaġa ħajja fuqha juri li l-Ħallieq tagħhom hu Alla taʼ mħabba li tassew jimpurtah. U l-Kelma tiegħu, il-Bibbja, turi li hu jimpurtah; tagħtina l-aħjar tweġiba possibbli rigward il-mistoqsijiet: Għala qegħdin hawn fuq l-art? u, Fejn sejrin?
2 Għandna bżonn li nfittxu fil-Bibbja għal dawn it-tweġibiet. Il-Kelma t’Alla tgħid: “Jekk tfittxuh, hu se jħalli lilu nnifsu jinstab minnkom, imma jekk titilquh hu se jitlaqkom.” (2 Kronaki 15:2) Mela allura, tfittxija fil-Kelma t’Alla x’tikxef dwar l-iskop tiegħu għalina?
Għala Alla Ħalaq lill-Bnedmin
3. Alla għala ħalaqha l-art?
3 Il-Bibbja turi li Alla ħejja lill-art b’mod speċjali bil-bnedmin fi ħsiebu. Isaija 45:18 igħid rigward l-art li Alla “ma ħalaqhiex sempliċement għal xejn [imma] sawwarha saħansitra biex tkun abitata.” U lill-art għammarha b’dak kollu li n-nies ikollhom bżonn, mhux biss biex jeżistu, imma biex igawdu l-ħajja bis-sħiħ.—Ġenesi, kapitli 1 u 2.
4. Alla għala ħalaqhom lill-ewwel bnedmin?
4 Fil-Kelma tiegħu, Alla jgħidilna dwar il-ħolqien tal-ewwel bnedmin, Adam u Eva, u jikxef x’kellu f’moħħu għall-familja umana. Qal: “Ħa nagħmlu l-bniedem fix-xbiha tagħna, skond ix-xebh tagħna, u ħa jkollhom suġġetti lejhom il-ħut tal-baħar u l-ħlejjaq li jtiru tas-smewwiet u l-annimali domestiċi u l-art kollha u kull annimal li jiċċaqlaq u li qiegħed jiċċaqlaq fuq l-art.” (Ġenesi 1:26) Il-bnedmin kollha jieħdu ħsieb taʼ “l-art kollha” u tal-annimali maħluqin fuqha.
5. Fejn tqiegħdu l-ewwel bnedmin?
5 Alla għamel ġnien kbir, bħal park, f’qasam tal-art imsejjaħ Għeden, li jinsab fil-Lvant Nofsani. Imbagħad “issokta jieħu lir-raġel u jqiegħdu fil-ġnien taʼ Għeden biex jikkultivah u biex jieħu ħsiebu.” Kienet ġenna tal-art fejn kien hemm dak kollu li l-ewwel bnedmin kellhom bżonn biex jieklu. U inkludiet “kull siġra li tpaxxi l-għajn u tajba għall-ikel,” flimkien maʼ ħxejjex oħrajn u ħafna tipi interessanti taʼ annimali.—Ġenesi 2:7-9, 15.
6. B’liema kwalitajiet mentali u fiżiċi nħalqu l-bnedmin?
6 L-iġsma tal-ewwel bnedmin inħalqu perfetti, u għalhekk ma kellhomx jimirdu, jixjieħu, jew imutu. Kienu wkoll imgħonijin bi kwalitajiet oħrajn, bħal dik tal-libertà tal-għażla. Il-mod kif intgħamlu hu spjegat f’Ġenesi 1:27: “Alla ssokta joħloq lir-raġel fix-xbiha tiegħu, fix-xbiha t’Alla ħalqu; maskil u femminil ħalaqhom.” Ladarba aħna maħluqin fix-xbiha t’Alla, ingħatajna mhux attributi fiżiċi u mentali biss imma wkoll aspetti morali u spiritwali, u dawn iridu jkunu ssodisfati jekk se nkunu verament henjin. Alla kien se jipprovdi l-mezz biex jimtlew dawn il-bżonnijiet flimkien mal-ħtieġa għall-ikel, għax-xorb, u għall-arja. Bħalma qal Ġesù Kristu, “il-bniedem irid igħix, mhux fuq il-ħobż biss, imma fuq kull ħaġa mitkellma li toħroġ minn fomm Jehovah.”—Mattew 4:4.
7. Liema inkarigu ngħata lill-ewwel koppja?
7 Iktar minn hekk, Alla ta inkarigu tal-għaġeb lill-ewwel koppja waqt li kienu f’Għeden: “Agħtu l-frott u siru ħafna u imlew l-art.” (Ġenesi 1:28) Mela kienu se jkunu jistgħu jirriproduċu u jġibu tfal perfetti. U hekk kif il-popolazzjoni umana tiżdied, kien ikollhom ix-xogħol pjaċevoli taʼ li jespandu l-fruntieri tal-qasam oriġinali tal-ġenna tal-art bħal park f’Għeden. Sa fl-aħħar, l-art kollha kemm hi kellha tiġi żviluppata f’ġenna tal-art, li fiha jkunu joqogħdu nies ferħanin u perfetti li jkunu jistgħu jgħixu għal dejjem. Il-Bibbja tinformana li wara li ta bidu għal dan kollu, “Alla ra kull ħaġa li kien għamel u, ħares! kienet tajba ħafna.”—Ġenesi 1:31; ara wkoll Salm 118:17.
8. Il-bnedmin kif kellhom jieħdu ħsieb tal-art?
8 Jidher ċar li l-bnedmin kellhom jużaw l-art imrażżna għall-ġid tagħhom. Imma dan kellu jsir b’mod responsabbli. Il-bnedmin kellhom ikunu prokuraturi rispettabbli tal-art, mhux dawk li jħarbtuha. Il-qerda tal-art li qed naraw b’għajnejna llum hi kontra r-rieda t’Alla, u dawk li jieħdu sehem fiha qegħdin imorru kontra l-iskop tal-ħajja fuq l-art. Se jkollhom iħallsu l-konsegwenzi għal dan, għax il-Bibbja tgħid li Alla se ‘jġib f’rovina lil dawk li qegħdin jirrovinaw l-art.’—Rivelazzjoni 11:18.
Għadu l-Iskop t’Alla
9. Għala aħna fiduċjużi li l-iskop t’Alla se jitwettaq?
9 B’hekk, mill-bidu kien l-iskop t’Alla li jkollu familja umana perfetta tgħammar fuq l-art għal dejjem f’ġenna tal-art. U għadu l-iskop tiegħu! Bla ma jfalli, dak l-iskop se jitwettaq. Il-Bibbja tistqarr: “Jehovah tal-armati ħalef, billi qal: ‘Żgur li bħalma stħajjilt jien, hekk irid jiġri; u sewwa sew bħalma tajt parir jien, dak hu li se jseħħ.’” “Jien saħansitra għedtu; jien ukoll se ndaħħlu. Jien sawwartu, jien ukoll se nagħmlu.”—Isaija 14:24; 46:11.
10, 11. Ġesù, Pietru, u s-salmista David kif tkellmu dwar il-Ġenna tal-Art?
10 Ġesù Kristu tkellem dwar l-iskop t’Alla li jirrestawra l-ġenna fuq l-art meta qal lil wieħed raġel li ried tama għall-futur: “Int se tkun miegħi fil-Ġenna.” (Luqa 23:43) L-appostlu Pietru wkoll tkellem dwar id-dinja l-ġdida li ġejja meta bassar: “Hemm smewwiet ġodda [arranġament governattiv ġdid li jaħkem mis-sema] u art ġdida [soċjetà ġdida fuq l-art] li aħna qegħdin nistennew skond il-wegħda [t’Alla], u f’dawn it-tjieba għandha tgħammar.”—2 Pietru 3:13.
11 Is-salmista David ukoll kiteb dwar id-dinja l-ġdida li ġejja u dwar kemm se ddum teżisti. Hu bassar: “It-twajbin infushom se jkollhom pussess tal-art, u se jgħammru għal dejjem fuqha.” (Salm 37:29) Kien għalhekk li Ġesù wiegħed: “Henjin il-kalmi, ladarba se jirtu l-art.”—Mattew 5:5.
12, 13. Għid fil-qosor x’inhu l-iskop grandjuż t’Alla għall-bniedem.
12 Xi prospett grandjuż hu dak, li tgħix għal dejjem fuq art ġenna ħieles minn kull ħażen, kriminalità, mard, niket, u wġigħ! Fl-aħħar ktieb tal-Bibbja, il-Kelma profetika t’Alla tiġbor fil-qosor dan l-iskop grandjuż billi tiddikjara: “[Alla] se jimsaħ kull demgħa minn għajnejhom, u l-mewt mhix se tkun iżjed, u la l-għali u la l-biki u lanqas l-uġigħ ma jkunu iżjed. L-affarijiet taʼ qabel għaddew.” Iżżid: “U Dak bil-qiegħda fuq it-tron qal: ‘Ħares! Qed nagħmel l-affarijiet kollha ġodda.’ Ukoll, hu jgħid: ‘Ikteb, għaliex dawn il-kelmiet huma fidili u veri.’”—Rivelazzjoni 21:4, 5.
13 Iva, Alla għandu skop grandjuż f’moħħu. Se tkun dinja ġdida taʼ tjieba, ġenna tal-art eterna, imbassra minn Dak li jistaʼ u jrid jagħmel dak li jwiegħed, għax “il-kelmiet [tiegħu] huma fidili u veri.”
[Stampi f’paġna 20, 21]
Kien l-iskop t’Alla li l-bnedmin igħixu għal dejjem f’ġenna tal-art. Dak għadu l-iskop tiegħu
[Stampa f’paġna 22]
Is-sid jistaʼ jitlob kont mill-inkwilini li jirrovinawlu daru