Sezzjoni 7
L-Iskop t’Alla Dalwaqt Se Jiġi Rrealizzat
1, 2. Għala nistgħu nkunu żguri li Alla se jieħu azzjoni biex itemm il-ħażen u s-sofferenza?
1 Għalkemm mill-ħarsa umana Alla ppermetta l-imperfezzjoni u s-sofferenza għal żmien twil, mhux se jħalli l-kundizzjonijiet ħżiena jibqgħu sejrin indefinittivament. Il-Bibbja tgħidilna li Alla għandu perijodu taʼ żmien speċifiku biex iħalli dawn l-affarijiet jiġru.
2 “Għal kollox hemm ħin maħtur.” (Ekkleżjasti 3:1) Meta jintemm iż-żmien maħtur li fih Alla ppermetta l-ħażen u s-sofferenza, imbagħad hu se jindaħal fl-affarijiet umani. Se jġib fit-tmiem lill-ħażen u lis-sofferenza u se jwettaq l-iskop oriġinali tiegħu li jkollu l-art mimlija b’familja umana hienja u perfetta li tgawdi paċi u sigurtà ekonomika totali fost kundizzjonijiet taʼ Ġenna tal-Art.
Il-Ġudizzji t’Alla
3, 4. Il-ktieb tal-Proverbji kif jiddeskrivi r-riżultati tal-indħil minn Alla?
3 Innota ftit mill-ħafna profeziji tal-Bibbja li jistqarru x’se jfisser dalwaqt għall-familja umana l-indħil minn Alla, jiġifieri, ir-riżultati tal-ġudizzji tiegħu:
4 “Ir-retti huma dawk li se jgħammru fuq l-art, u taʼ bla ħtija huma dawk li se jitħallew jibqgħu fiha. Inkwantu għal dawk li huma mill-agħar, huma se jinqatgħu mill-istess art; u inkwantu għall-qarrieqa, huma se jiġu mqaċċtin minnha.”—Proverbji 2:21, 22.
5, 6. Salm 37 kif juri x’se jiġri meta jindaħal Alla?
5 “Dawk li jagħmlu l-ħażen infushom se jiġu maqtugħin, imma dawk li qegħdin jittamaw f’Jehovah huma dawk li se jkollhom pussess tal-art. U ftit ieħor biss, u l-wieħed mill-agħar mhux se jkun iżjed . . . Imma l-ġwejdin infushom se jkollhom pussess tal-art, u huma tabilħaqq se jsibu l-għaxqa bnina tagħhom fl-abbundanza taʼ paċi.”—Salm 37:9-11.
6 “Ittama f’Jehovah u żomm il-mogħdija tiegħu, u hu se jeżaltak biex tieħu pussess tal-art. Meta dawk li huma mill-agħar jitqaċċtu, int se tarah. Għasses lil dak li hu bla ħtija u żomm lir-rett fil-vista tiegħek, għax il-futur taʼ dak ir-raġel se jkun mimli paċi. Imma dawk infushom li jiksru l-liġi ċertament li se jinqerdu għalkollox flimkien; il-futur tan-nies li huma mill-agħar tabilħaqq li se jinqataʼ.”—Salm 37:34, 37, 38.
7. Liema parir għaqli tagħtina l-Kelma t’Alla?
7 Għalhekk, meta nqisu l-futur meraviljuż li se jiġi għal dawk li jagħrfu d-dritt tal-Ħallieq li jistaʼ kollox li jaħkem fuqna, aħna niġu mħeġġin: “Jalla qalbek tosserva l-kmandamenti tiegħi, għaliex tul taʼ jiem u snin taʼ ħajja u paċi se jiżdidulek.” Fil-fatt, il-ħajja eterna se tiżdied għal dawk li jagħżlu li jagħmlu r-rieda t’Alla! B’hekk, il-Kelma t’Alla tagħtina l-parir: “Afda f’Jehovah b’qalbek kollha u tistrieħx fuq il-fehma tiegħek stess. Fil-mogħdijiet kollha tiegħek agħti kas tiegħu, u hu nnifsu se jiddritta l-passaġġi tiegħek.”—Proverbji 3:1, 2, 5, 6.
Il-Ħakma t’Alla mis-Sema
8, 9. Permezz taʼ liema ħaġa sejjer Alla jnaddaf lil din l-art?
8 Alla se jwettaq dan it-tindif tal-art permezz tal-aqwa gvern li l-bniedem qatt jistaʼ jkollu. Huwa gvern li jirrifletti għerf tas-sema għaliex jaħkem mis-sema taħt id-direzzjoni t’Alla. U dik is-Saltna tas-sema se tneħħi kull forma taʼ ħakma umana mill-art. Il-bnedmin qatt ma se jerġgħu jkollhom il-għażla taʼ li jipprovaw jaħkmu indipendentement minn Alla.
9 F’dan ir-rigward il-profezija taʼ Danjel 2:44 tistqarr: “Fil-jiem taʼ dawk is-slaten [il-gvernijiet tal-lum] dak Alla tas-sema se jwaqqaf saltna [fis-sema] li qatt ma se tinġieb f’rovina. U s-saltna nfisha mhix se tiġi mgħoddija lil xi poplu ieħor [il-bnedmin qatt iktar ma jerġgħu jingħataw permess li jaħkmu indipendentement minn Alla]. Hi se tfarrak biċċiet u ġġib fi tmiem lil dawn is-saltniet kollha [li jeżistu issa], u hija nfisha se tieqaf għal żminijiet indefiniti.”—Ara wkoll Rivelazzjoni 19:11-21; 20:4-6.
10. Għala nistgħu nkunu ċerti li, taħt is-Saltna tas-sema t’Alla, qatt ma se jerġaʼ jkun hemm korruzzjoni fil-ħakma?
10 B’hekk, il-bnedmin qatt ma se jerġgħu jkollhom forom korrotti taʼ ħakma, għax wara li Alla jġib lil din is-sistema lejn tmiemha, il-ħakma umana indipendenti minnu qatt ma se terġaʼ teżisti. U l-ħakma tas-Saltna li taħkem mis-sema mhix se ssir korrotta, ladarba Alla hu l-Oriġinatur tagħha u Dak li jippreservaha. Minflok, se topera fl-aħjar interess tas-sudditi umani tagħha. Ir-rieda t’Alla mbagħad se ssir mal-art kollha kif inhi fis-sema. Hu għalhekk li Ġesù setaʼ jgħallem lid-dixxipli tiegħu biex jitolbu ’l Alla: “Ħa tiġi saltnatek. Ħa tintgħamel ir-rieda tiegħek, kif fis-sema, ukoll fuq l-art.”—Mattew 6:10.
Kemm Qegħdin Qrib?
11. Fejn fil-Bibbja nsibu profeziji li se jgħinuna niddeterminaw kemm qegħdin qrib it-tmiem taʼ din is-sistema?
11 Kemm aħna qrib it-tmiem taʼ din is-sistema taʼ affarijiet mhux sodisfaċenti u qrib il-bidu tad-dinja l-ġdida t’Alla? Il-profezija Biblika tagħtina t-tweġiba b’mod ċar. Per eżempju, Ġesù nnifsu bassar x’għandna nfittxu biex inkunu nistgħu niddeterminaw il-pożizzjoni tagħna f’relazzjoni maʼ dik li l-Bibbja ssejħilha “l-konklużjoni tas-sistema taʼ affarijiet.” Dan nistgħu naqrawh f’Mattew kapitli 24 u 25, Mark 13, u Luqa 21. Ukoll, bħalma nistgħu naqraw fit-2 Timotew kapitlu 3, l-appostlu Pawlu bassar li kellu jkun hemm perijodu taʼ żmien imsejjaħ “l-aħħar jiem” meta diversi ġrajjiet kellhom ikomplu juru fejn qegħdin aħna fil-medda taż-żmien.
12, 13. Ġesù u Pawlu x’qalu dwar iż-żmien tat-tmiem?
12 Ġesù qal li dan il-perijodu taʼ żmien kellu jibda b’dawn il-ġrajjiet: “Ġens se jqum kontra ġens u saltna kontra saltna, u se jkun hemm nuqqas taʼ ikel u terremoti f’post wara l-ieħor.” (Mattew 24:7) Luqa 21:11 juri li hu semma wkoll “f’post wieħed wara ieħor pesti.” U hu wissa, ukoll, dwar “[i]ż-żjieda fil-ksur tal-liġi.”—Mattew 24:12.
13 L-appostlu Pawlu bassar: “Imma kun af dan, li fl-aħħar jiem se jkun hawn żminijiet kritiċi li iebes biex issib tarfhom. Għax il-bnedmin se jkunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, faħħarin, kburin, midgħajja, ma jobdux lill-ġenituri, ma jroddux ħajr, m’humiex leali, m’għandhom ebda affezzjoni naturali, mhux lesti li jiftehmu, kalunnjaturi, mingħajr kontroll fuqhom infushom, feroċi, mingħajr imħabba lejn it-tjubija, tradituri, rashom iebsa, minfuħin bil-kburija, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu ’l Alla, għandhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla imma jagħtu prova li huma foloz għall-qawwa tagħha . . . Nies mill-agħar u imposturi se jimxu ’l quddiem mill-ħażin għall-agħar, jiżżvijaw u jiġu żvijati.”—2 Timotew 3:1-5, 13.
14, 15. Il-ġrajjiet taʼ dan is-seklu 20 kif juru li aħna tabilħaqq qegħdin fl-aħħar jiem?
14 Seħħew fi żmienna dawk l-affarijiet li Ġesù u Pawlu bassru? Iva, tabilħaqq li seħħew. L-Ewwel Gwerra Dinjija kienet bil-wisq l-agħar waħda sa dak iż-żmien. Kienet l-ewwel gwerra dinjija u kienet il-punt taʼ bidla fl-istorja moderna. Flimkien maʼ dik il-gwerra kien hemm skarsezzi tal-ikel, epidemiji taʼ mard, u gwajiet oħrajn. Dawk il-ġrajjiet mill-1914 ’il hawn kienu, bħalma poġġieha Ġesù, “bidu taʼ weġgħat taʼ hemm.” (Mattew 24:8) Taw bidu għall-perijodu mbassar taʼ żmien imsejjaħ “l-aħħar jiem,” il-bidu tal-aħħar ġenerazzjoni li fiha Alla kien se jippermetti l-ħażen u s-sofferenza.
15 X’aktarx li int familjari mal-ġrajjiet tas-seklu 20. Int taf bil-kaos li qam. Madwar 100 miljun ruħ inqatlu fil-gwerer. Mijiet taʼ miljuni oħrajn mietu bil-ġuħ u bil-mard. Terremoti ħadu ħajjiet bla għadd. In-nuqqas taʼ rispett lejn il-ħajja u lejn il-propjetà jiżdied. Il-biżaʼ mill-kriminalità sar parti mill-ħajja taʼ kuljum. Il-livelli morali twarrbu. Iż-żjieda fil-popolazzjoni qed toħloq problemi li m’humiex qed jiġu solvuti. It-tniġġis qed igħarraq il-kwalità tal-ħajja u saħansitra jipperikolaha. Verament, ilna fl-aħħar jiem mill-1914 u qegħdin noqorbu lejn il-quċċata tat-twettieq tal-profeziji tal-Bibbja li jinvolvu lil żmienna.
16. Kemm hu twil il-perijodu taʼ żmien tal-aħħar jiem?
16 Kemm se jagħtu prova li jkunu perijodu twil taʼ żmien dawn l-aħħar jiem? Ġesù qal rigward l-era li kellha ġġarrab il-“bidu taʼ weġgħat taʼ hemm” mill-1914 ’il quddiem: “Din il-ġenerazzjoni bl-ebda mod ma se tgħaddi sakemm dawn l-affarijiet kollha jseħħu.” (Mattew 24:8, 34-36) B’hekk, il-fatturi kollha tal-aħħar jiem iridu jseħħu matul il-ħajja taʼ ġenerazzjoni waħda, il-ġenerazzjoni tal-1914. Mela xi wħud li kienu ħajjin fl-1914 se jkunu għadhom ħajjin meta din is-sistema tasal fit-tmiem tagħha. Dik il-ġenerazzjoni taʼ nies hija issa avanzata ħafna fis-snin, u dan jindika li ma tantx għad baqaʼ żmien qabel ma Alla jġib fi tmiem lil din is-sistema preżenti taʼ affarijiet.
17, 18. Liema profezija turi li aħna qegħdin qrib ferm it-tmiem taʼ din id-dinja?
17 Profezija oħra li turi li t-tmiem taʼ dis-sistema hu qrib ferm ingħatat mill-appostlu Pawlu, li bassar: “Jum Jehovah ġej eżattament bħal ħalliel bil-lejl. Hu meta hu li qegħdin igħidu: ‘Paċi u sigurtà!’ imbagħad qerda f’daqqa trid tkun minnufih fuqhom . . . , u bl-ebda mod ma se jaħarbu.”—1 Tessalonkin 5:2, 3; ara wkoll Luqa 21:34, 35.
18 Illum il-Gwerra Bierda ntemmet, u gwerra internazzjonali tistaʼ ma tkunx iktar taʼ theddida kbira. Mela l-ġnus forsi jħossu li qed joqorbu sew lejn ordni dinjija ġdida. Imma meta jħossu li l-isforzi tagħhom qegħdin jirnexxu, se jkun ifisser l-oppost taʼ dak li jaħsbu huma, għax dak se jkun is-sinjal finali li l-qerda taʼ dis-sistema minn Alla hija imminenti. Ftakar, in-negozjati u t-trattati politiċi ma qegħdin iġibu l-ebda bidliet veri fin-nies. M’humiex qegħdin iġagħlu lin-nies iħobbu iktar lil xulxin. U l-mexxejja dinjin m’humiex qegħdin iwaqqfu l-kriminalità, u lanqas ma qegħdin jeliminaw il-mard u l-mewt. Mela tpoġġix il-fiduċja tiegħek fi kwalunkwe żvilupp għal paċi u sigurtà umana u taħsibx li did-dinja qiegħda fi triqtha lejn li ssolvi l-problemi tagħha. (Salm 146:3) Dak li għajta bħal din se tkun tfisser verament hu li did-dinja hija qrib ferm lejn tmiemha.
Nippridkaw l-Aħbar Tajba
19, 20. Liema profezija li tinvolvi l-ippridkar tal-aħħar jiem qegħdin narawha titwettaq?
19 Profezija oħra li turi li ilna fl-aħħar jiem mill-1914 hi waħda li ta Ġesù: “Fil-ġnus kollha l-aħbar tajba trid tiġi ppridkata l-ewwel.” (Mark 13:10) Jew bħalma jpoġġiha Mattew 24:14: “Din l-aħbar tajba tas-saltna se tkun ippridkata fl-art abitata kollha għal xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad se jiġi t-tmiem.”
20 Illum bħal qatt qabel fl-istorja, l-aħbar tajba dwar it-tmiem taʼ did-dinja u dwar id-dħul tad-dinja l-ġdida taʼ Ġenna tal-Art taħt is-Saltna t’Alla qed tkun ippridkata mal-art kollha. Minn min? Minn miljuni taʼ Xhieda taʼ Jehovah. Qegħdin jippridkaw f’kull pajjiż tal-art.
21, 22. X’inhu, b’mod speċjali, li jidentifika lix-Xhieda taʼ Jehovah bħala Kristjani veri?
21 Flimkien mal-ippridkar tagħhom dwar is-Saltna t’Alla, ix-Xhieda taʼ Jehovah qegħdin jaġixxu b’manjiera li tidentifikahom bħala l-veri segwaċi taʼ Kristu, għax hu ddikjara: “B’dan kulħadd se jkun jaf li intom dixxipli tiegħi, jekk għandkom l-imħabba bejnietkom.” B’hekk, ix-Xhieda taʼ Jehovah huma magħqudin fi fratellanza globali b’rabta taʼ mħabba li ma tinkisirx.—Ġwann 13:35; ara wkoll Isaija 2:2-4; Kolossin 3:14; Ġwann 15:12-14; 1 Ġwann 3:10-12; 4:20, 21; Rivelazzjoni 7:9, 10.
22 Ix-Xhieda taʼ Jehovah jemmnu dak li tgħid il-Bibbja: “Alla mhux parzjali, imma f’kull ġens il-bniedem li jibżaʼ minnu u jaħdem it-tjieba hu milqugħ minnu.” (Atti 10:34, 35) Huma jħarsu lejn Xhieda sħabhom f’kull pajjiż bħala aħwa spiritwali, hi x’inhi r-razza u l-kulur. (Mattew 23:8) U l-fatt li fratellanza globali bħal din teżisti fid-dinja llum iżid mal-evidenza li l-iskop t’Alla se jkun irrealizzat dalwaqt.
[Stampa f’paġna 26]
Is-Saltna perfetta tas-sema t’Alla se tkun l-unika ħakma fuq il-bniedem fid-dinja l-ġdida