L-Idea Tidħol fil-Ġudaiżmu, fil-Kristjaneżmu, u fl-Islam
“Ir-reliġjon hija fost affarijiet oħrajn mod kif in-nies jiġu rrikonċiljati mal-fatt li xi darba jridu jmutu, kemm jekk bil-wegħda taʼ ħajja aħjar lil hinn mill-qabar, twelid mill-ġdid, jew it-tnejn.”—GERHARD HERM, AWTUR ĠERMANIŻ.
1. Il-biċċa l-kbira mir-reliġjonijiet fuq liema twemmin bażiku jibbażaw il-wegħda tagħhom taʼ ħajja wara l-mewt?
BIEX tagħmel wegħda taʼ ħajja wara l-mewt, tistaʼ tgħid li kull reliġjon tiddependi mit-twemmin li bniedem għandu ruħ li hija immortali u li mal-mewt din tivvjaġġa lejn dominju ieħor jew tgħaddi permezz taʼ trasmigrazzjoni għal ġo ħlejqa oħra. Bħalma nnotajna fis-sezzjoni preċedenti, it-twemmin fl-immortalità umana kien u għadu parti integrali mir-reliġjonijiet tal-Lvant sa mill-bidu tagħhom. Iżda xi ngħidu dwar il-Ġudaiżmu, il-Kristjaneżmu, u l-Islam? Dan it-tagħlim kif sar ċentrali għal dawn ir-reliġjonijiet?
Il-Ġudaiżmu Jassorbi Konċetti Griegi
2, 3. Skond l-Encyclopaedia Judaica, kienu l-kitbiet sagri Ebrajċi jgħallmu l-immortalità tar-ruħ?
2 L-għeruq tal-Ġudaiżmu jmorru lura xi 4,000 sena għal żmien Abraham. Il-kitbiet sagri Ebrajċi bdew jinkitbu fis-seklu 16 Q.E.K. u tlestew saż-żmien meta Sokrate u Platone fformaw it-teorija taʼ l-immortalità tar-ruħ. Kienet din l-Iskrittura tgħallem l-immortalità tar-ruħ?
3 Twieġeb l-Encyclopaedia Judaica: “Kien biss wara l-perijodu bibliku, li ġie stabbilit twemmin ċar u sod fl-immortalità tar-ruħ . . . u sar wieħed mill-pedamenti tar-reliġjonijiet Lhud u Kristjani.” Din tgħid ukoll: “Il-persuna kienet meqjusa bħala ħaġa sħiħa fil-perijodu bibliku. B’hekk, ir-ruħ ma kinitx distinta b’mod assolut mill-ġisem.” Il-Lhud bikrin kienu jemmnu fl-irxoxt tal-mejtin, u dan “irid jiġi distint mit-twemmin . . . fl-immortalità tar-ruħ,” tindika dik l-enċiklopedija.
4-6. Id-duttrina taʼ l-immortalità tar-ruħ kif saret “waħda mill-pedamenti” tal-Ġudaiżmu?
4 Allura, din id-duttrina kif saret waħda “mill-pedamenti” tal-Ġudaiżmu? Ir-rakkont storiku jipprovdi t-tweġiba. Fis-sena 332 Q.E.K., Alessandru l-Kbir ikkonkwista ħafna mil-Lvant Nofsani f’leħħa taʼ berqa. Mal-wasla tiegħu f’Ġerusalemm, il-Lhud laqgħuh b’dirgħajhom miftuħin. Skond l-istorjografu Lhudi taʼ l-ewwel seklu Flavjus Josefus, huma saħansitra wrewh il-profezija mill-ktieb taʼ Danjel, miktuba ’l fuq minn 200 sena qabel, li kienet tiddeskrivi b’mod ċar il-konkwisti taʼ Alessandru fl-irwol tas-“sultan tal-Greċja.” (Danjel 8:5-8, 21) Is-suċċessuri taʼ Alessandru ssoktaw bil-pjan tiegħu taʼ Ellenizzazzjoni, billi daħħlu fil-partijiet kollha taʼ l-Imperu l-lingwa, il-kultura, u l-filosofija Griega. Taħlita taż-żewġ kulturi—dik Griega u dik Lhudija—kienet inevitabbli.
5 Kmieni fit-tielet seklu Q.E.K., inbdiet l-ewwel traduzzjoni taʼ l-Iskrittura Ebrajka għall-Grieg, imsejħa s-Settanta. Permezz tagħha ħafna Ġentili bdew jirrispettaw ir-reliġjon Lhudija u saru familjari magħha, waqt li xi wħud saħansitra kkonvertew għaliha. Il-Lhud, mill-banda l-oħra, kienu qed isiru midħla tal-ħsieb Grieg, u xi wħud saru filosfi, xi ħaġa ġdida għalkollox għalihom. Filo taʼ Lixandra, taʼ l-ewwel seklu E.K., kien wieħed minn dawn il-filosfi Lhud.
6 Filo kellu stima kbira għal Platone u pprova jispjega l-Ġudaiżmu f’termini tal-filosofija Griega. “Billi ħoloq sintesi uniku taʼ filosofija Platonika u tradizzjoni biblika,” jgħid il-ktieb Heaven—A History, “Filo witta t-triq għal filosfi Kristjani [kif ukoll Lhud] li ġew warajh.” U x’kien it-twemmin taʼ Filo dwar ir-ruħ? Il-ktieb jissokta: “Għalih, il-mewt tirrestawra r-ruħ għall-istat oriġinali tagħha, taʼ qabel it-twelid. Ladarba r-ruħ tappartjeni lid-dinja spiritwali, il-ħajja fil-ġisem ma ssir xejn għajr episodju qasir, taʼ spiss sfortunat.” Filosfi Lhud oħrajn li kienu jemmnu fl-immortalità tar-ruħ jinkludu lil Isaac Israeli, it-tabib Lhudi magħruf ħafna tas-seklu 10, u Moses Mendelssohn, filosfu Lhudi Ġermaniż tas-seklu 18.
7, 8. (a) It-Talmud kif jagħti stampa tar-ruħ? (b) Letteratura mistika Lhudija li nkitbet wara x’tgħid dwar ir-ruħ?
7 Ktieb li influwenza wkoll il-ħsieb u l-ħajja Lhudija b’mod profond huwa t-Talmud—is-sommarju miktub taʼ l-hekk imsejħa liġi orali, b’kummentarji u spjegazzjonijiet taʼ din il-liġi li saru wara, miġburin minn rabbini mit-tieni seklu E.K. sal-Medju Evu. “Ir-rabbini tat-Talmud,” tgħid l-Encyclopaedia Judaica, “kienu jemmnu li r-ruħ tkompli teżisti wara l-mewt.” It-Talmud saħansitra jitkellem dwar il-mejtin li jikkuntattjaw lill-ħajjin. “Probabbli minħabba l-influwenza tal-Platoniżmu,” tgħid l-Encyclopædia of Religion and Ethics, “[ir-rabbini] kienu jemmnu fl-eżistenza minn qabel taʼ l-erwieħ.”
8 Letteratura mistika Lhudija li nkitbet wara, il-Kabala, saħansitra tmur sal-punt li tgħallem ir-riinkarnazzjoni. Rigward dan it-twemmin, The New Standard Jewish Encyclopedia tgħid: “L-idea tidher li oriġinat fl-Indja. . . . Fil-Kabbalah din tidher l-ewwel darba fil-ktieb Bahir, u mbagħad, miż-Żoħar ’il quddiem, ġiet aċċettata ġeneralment mill-mistiċi, u b’hekk kellha rwol importanti fit-twemmin u l-letteratura Ħasidika.” F’Iżrael illum, ir-riinkarnazzjoni hija aċċettata sewwa bħala tagħlim Lhudi.
9. Il-biċċa l-kbira mis-setturi tal-Ġudaiżmu tal-lum kif jaħsbuha dwar l-immortalità tar-ruħ?
9 L-idea taʼ l-immortalità tar-ruħ, għalhekk, daħlet fil-Ġudaiżmu permezz taʼ l-influwenza tal-filosofija Griega, u l-konċett huwa aċċettat illum mill-biċċa l-kbira mis-setturi tiegħu. X’jistaʼ jingħad dwar id-dħul taʼ dan it-tagħlim fil-Kristjaneżmu?
Il-Kristjaneżmu Jadotta l-Ħsibijiet taʼ Platone
10. Studjuż prominenti Spanjol x’ikkonkluda rigward it-twemmin taʼ Ġesù fl-immortalità tar-ruħ?
10 Il-Kristjanità ġenwina bdiet minn Kristu Ġesù. Rigward Ġesù, Miguel de Unamuno, studjuż prominenti Spanjol tas-seklu 20, kiteb: “Hu kien jemmen pjuttost fl-irxoxt tal-laħam, skond il-manjiera Lhudija, mhux fl-immortalità tar-ruħ, skond il-manjiera Platonika [Griega]. . . . L-evidenzi taʼ dan jistgħu jidhru fi kwalunkwe ktieb ġenwin taʼ interpretazzjoni.” Hu kkonkluda: “L-immortalità tar-ruħ . . . hija domma filosofika pagana.”
11. Il-filosofija Griega meta bdiet tippenetra fil-Kristjanità?
11 Din id-“domma filosofika pagana” meta u kif infiltrat fil-Kristjanità? In-New Encyclopædia Britannica tindika: “Minn nofs it-tieni seklu AD Kristjani li kellhom xi taħriġ fil-filosofija Griega bdew iħossu l-bżonn li jesprimu l-fidi tagħhom fit-termini tagħha, kemm għas-sodisfazzjon intellettwali tagħhom stess u kemm biex jikkonvertu lil pagani taʼ skola. Il-filosofija li l-iktar daqqet għal widnejhom kienet il-Platoniżmu.”
12-14. Oriġene u Wistin liema rwoli kellhom fit-taħlit tal-filosofija Platonika mal-Kristjanità?
12 Tnejn minn dawn il-filosfi bikrin eżerċitaw influwenza kbira fuq id-duttrini tal-Kristjaneżmu. Wieħed kien Oriġene taʼ Lixandra (ċ. 185-254 E.K.), u l-ieħor, Wistin taʼ Ħippo (354-430 E.K.). Dwarhom, in-New Catholic Encyclopedia tgħid: “Kien biss b’Oriġene fil-Lvant u Santu Wistin fil-Punent li r-ruħ ġiet stabbilita bħala sustanza spiritwali u li n-natura tagħha ġiet ifformata f’konċett filosofiku.” Oriġene u Wistin fuq liema bażi fformaw il-konċetti tagħhom dwar ir-ruħ?
13 Oriġene kien student taʼ Klement taʼ Lixandra, li kien “l-ewwel mill-Missirijiet il-Knisja li ssellef b’mod espliċitu mit-tradizzjoni Griega dwar ir-ruħ,” tgħid in-New Catholic Encyclopedia. L-ideat taʼ Platone dwar ir-ruħ żgur li influwenzaw lil Oriġene b’mod profond. “[Oriġene] bena fid-duttrina Kristjana serje estensiva taʼ tagħlim dwar ir-ruħ, li kien ħa mingħand Platone,” innota t-teologu Werner Jaeger f’The Harvard Theological Review.
14 Wistin hu meqjus minn xi wħud fil-Kristjaneżmu bħala l-akbar filosfu tal-qedem. Qabel ikkonverta għall-“Kristjanità” fl-età taʼ 33 sena, Wistin kellu interess profond fil-filosofija u kien sar Neoplatonist.a Wara li kkonverta, baqaʼ Neoplatoniku fil-mentalità tiegħu. “Moħħu kien il-griġjol fejn ir-reliġjon tat-Testment il-Ġdid ġiet imħallta bl-iktar mod komplet mat-tradizzjoni Platonika tal-filosofija Griega,” tgħid The New Encyclopædia Britannica. In-New Catholic Encyclopedia tammetti li d-“duttrina [dwar ir-ruħ],” taʼ Wistin, “li kienet saret livell stabbilit fil-Punent sa tard fis-seklu 12, kienet taf ħafna mis-suċċess tagħha . . . lin-Neoplatoniżmu.”
15, 16. Fis-seklu 13, interess fit-tagħlim taʼ Aristotele biddel il-fehma tal-knisja dwar it-tagħlim taʼ l-immortalità tar-ruħ?
15 Fis-seklu 13, it-tagħlim taʼ Aristotele kien qed iżid fil-popolarità fl-Ewropa, speċjalment minħabba li x-xogħlijiet taʼ studjużi Għarab, li kienu kkummentaw b’mod estensiv fuq il-kitbiet taʼ Aristotele, kienu disponibbli bil-Latin. Studjuż Kattoliku li kien jismu Tumas taʼ Aquino kien impressjonat profondament bil-mentalità Aristotelika. Minħabba l-kitbiet taʼ Aquino, il-fehmiet taʼ Aristotele kellhom influwenza akbar fuq it-tagħlim tal-knisja milli kellhom dawk taʼ Platone. Madankollu, din ix-xejra m’effettwatx it-tagħlim dwar l-immortalità tar-ruħ.
16 Aristotele għallem li r-ruħ kienet magħquda mal-ġisem b’mod inseparabbli u ma kellhiex eżistenza individwali wara l-mewt u li jekk kien hemm xi ħaġa eterna teżisti fil-bniedem, din kienet intellett astratt u impersonali. Dan il-mod taʼ kif wieħed iħares lejn ir-ruħ ma kienx f’armonija mat-twemmin tal-knisja taʼ erwieħ persunali li jibqgħu ħajjin wara l-mewt. Għalhekk, Aquino mmodifika l-fehma taʼ Aristotele dwar ir-ruħ, billi sostna li l-immortalità tar-ruħ tistaʼ tiġi pprovata bir-raġuni. B’hekk, it-twemmin tal-knisja fl-immortalità tar-ruħ baqaʼ intatt.
17, 18. (a) Ir-Riforma tas-seklu 16 introduċiet riforma fit-tagħlim dwar ir-ruħ? (b) Liema hi l-pożizzjoni tal-biċċa l-kbira mid-denominazzjonijiet tal-Kristjaneżmu dwar l-immortalità tar-ruħ?
17 Matul is-sekli 14 u 15, il-parti bikrija tar-Rinaxximent, kien hemm qawmien mill-ġdid taʼ interess fi Platone. Il-famuża familja Medici fl-Italja saħansitra għenet biex tiġi stabbilita akkademja ġewwa Firenze biex tippromwovi l-istudju tal-filosofija taʼ Platone. Matul is-sekli 16 u 17, l-interess f’Aristotele batta. U r-Riforma tas-seklu 16 ma introduċietx riforma fit-tagħlim dwar ir-ruħ. Għalkemm Riformisti Protestanti argumentaw kontra t-tagħlim tal-purgatorju, huma aċċettaw l-idea taʼ kastig jew premju etern.
18 It-tagħlim dwar l-immortalità tar-ruħ b’hekk jiddomina fil-biċċa l-kbira mid-denominazzjonijiet tal-Kristjaneżmu. Waqt li nnota dan, wieħed studjuż Amerikan kiteb: “Fil-fatt, ir-reliġjon għall-maġġuranza tan-nies fid-dinja tal-Punent, tfisser immortalità, u xejn iżjed. Alla hu l-produttur taʼ l-immortalità.”
L-Immortalità u l-Islam
19. Meta twaqqaf l-Islam, u minn min?
19 L-Islam beda bis-sejħa taʼ Mawmettu biex isir profeta meta dan kellu madwar 40 sena. Huwa ġeneralment emmnut mill-Musulmani li hu beda jkollu r-rivelazzjonijiet matul perijodu taʼ xi 20 jew 23 sena, minn madwar is-sena 610 E.K. sa mewtu fis-sena 632 E.K. Dawn ir-rivelazzjonijiet huma miktubin fil-Koran, il-ktieb qaddis Musulman. Saż-żmien meta beda jeżisti l-Islam, il-Ġudaiżmu u l-Kristjaneżmu kienu infiltrati bil-konċett Platoniku tar-ruħ.
20, 21. X’jemmnu l-Musulmani dwar id-Dinja l-oħra?
20 Il-Musulmani jemmnu li r-reliġjon tagħhom hija l-għeluq tar-rivelazzjonijiet mogħtijin lill-Ebrej u ’l-Kristjani leali tal-qedem. Il-Koran jirreferi kemm għall-Iskrittura Ebrajka u kemm għall-Griega. Imma fuq it-tagħlim taʼ l-immortalità tar-ruħ, il-Koran jiżvija minn dawn il-kitbiet. Il-Koran jgħallem li l-bniedem għandu ruħ li tibqaʼ tgħix wara l-mewt. Dan jitkellem ukoll dwar l-irxoxt tal-mejtin, jum taʼ ġudizzju, u d-destin finali tar-ruħ—jew ħajja fil-ġnien ġenna tas-sema jew kastig f’infern jaqbad.
21 Il-Musulmani jsostnu li r-ruħ taʼ bniedem mejjet tmur lejn il-Barzakh, jew “Taqsima,” “il-post jew stat fejn in-nies se jkunu wara l-mewt u qabel il-Ġudizzju.” (Sura 23:99, 100, The Holy Qur-an, nota taʼ taħt) Ir-ruħ hija konxja, waqt li tesperjenza hemmhekk dak li jissejjaħ il-“Kastig tal-Qabar” jekk l-individwu kien mill-agħar jew tgawdi l-hena jekk hu kien leali. Imma dawk leali jridu wkoll jesperjenzaw xi turment minħabba l-ftit dnubiet li kkommettew meta kienu ħajjin. F’jum il-ġudizzju, kull wieħed jiffaċċja d-destin etern tiegħu, u jintemm dak l-istat intermedju.
22. Xi filosfi Għarab liema teoriji konfliġġenti rigward id-destin tar-ruħ ippreżentaw?
22 L-idea taʼ l-immortalità tar-ruħ fil-Ġudaiżmu u l-Kristjaneżmu feġġet minħabba influwenza Platonika, imma l-konċett ġie msawwar fl-Islam mill-bidu tiegħu. Dan ma jfissirx li studjużi Għarab ma pprovawx jgħaqqdu flimkien it-tagħlim Islamiku u l-filosofija Griega. Fil-fatt, id-dinja Għarbija ġiet influwenzata bil-kbir mix-xogħol taʼ Aristotele. U studjużi magħrufin Għarab, bħal Avicenna u Averroës, spjegaw bir-reqqa u elaboraw fuq il-mentalità Aristotelika. Madankollu, fl-attentati tagħhom biex iġibu l-ħsieb Grieg f’armonija mat-tagħlim Musulman dwar ir-ruħ, dawn żviluppaw teoriji konfliġġenti. Per eżempju, Avicenna ddikjara li r-ruħ persunali hija immortali. Averroës, mill-banda l-oħra argumenta kontra dik il-fehma. Minkejja dawn l-opinjonijiet, l-immortalità tar-ruħ tibqaʼ t-twemmin tal-Musulmani.
23. Il-Ġudaiżmu, il-Kristjaneżmu, u l-Islam, kif jaħsbuha dwar il-kwistjoni taʼ l-immortalità tar-ruħ?
23 Jidher ċar allura, li l-Ġudaiżmu, il-Kristjaneżmu, u l-Islam kollha jgħallmu d-duttrina taʼ l-immortalità tar-ruħ.
[Nota taʼ taħt]
a Wieħed li jikkonforma man-Neoplatoniżmu, verżjoni ġdida tal-filosofija taʼ Platone żviluppata minn Plotinus f’Ruma tat-tielet seklu.
[Stampa f’paġna 14]
Il-konkwista minn Alessandru l-Kbir wasslet biex il-kultura Griega titħallat maʼ dik Lhudija
[Stampi f’paġna 15]
Oriġene, fuq, u Wistin ipprovaw iħalltu flimkien il-filosofija Platonika mal-Kristjanità
[Stampi f’paġna 16]
Avicenna, fuq, iddikjara li r-ruħ persunali hija immortali. Averroës argumenta kontra dik il-fehma