LEZZJONI NRU. 10
Kif Issib il-Vera Reliġjon
Jekk trid tkun ħabib t’Alla, trid tipprattika r-reliġjon li għandha l-approvazzjoni t’Alla. Ġesù qal li “l-veri adoraturi” (NW) għandhom jaduraw lil Alla fi qbil mal-“verità.” (Ġwann 4:23, 24) Hemm biss triq waħda kif tadura lil Alla b’mod korrett. (Efesin 4:4-6) Il-vera reliġjon twassal għall-ħajja ta’ dejjem, u r-reliġjon falza twassal għall-qerda.—Mattew 7:13, 14.
Tista’ tirrikonoxxi l-vera reliġjon billi tosserva lin-nies li jipprattikawha. Ladarba Jehovah hu tajjeb, dawk li huma l-veri adoraturi tiegħu għandhom ikunu nies tajbin. Sewwa sew bħalma siġra tajba tal-larinġ tipproduċi larinġ mill-aħjar, il-vera reliġjon tipproduċi nies mill-aħjar. Mattew 7:15-20.
Il-ħbieb ta’ Jehovah għandhom rispett profond għall-Bibbja. Huma jafu li l-Bibbja ġejja mingħand Alla. B’hekk iħallu dak li tgħid il-Bibbja jiggwidalhom ħajjithom, isolvilhom il-problemi, u jgħinhom jitgħallmu dwar Alla. (2 Timotju 3:16) Huma jipprovaw jipprattikaw dak li jgħidu.
Il-ħbieb ta’ Jehovah juru mħabba lejn xulxin. Ġesù wera mħabba lejn in-nies billi għallimhom dwar Alla u fejjaq lill-morda. Dawk li jipprattikaw il-vera reliġjon juru wkoll imħabba lejn oħrajn. Bħal Ġesù, huma ma jqisux lill-foqra, jew lil dawk ta’ razez u kulturi differenti, bħala inferjuri. Ġesù qal li n-nies se jagħrfu lid-dixxipli tiegħu mill-imħabba ta’ bejniethom.—Ġwann 13:35.
Il-ħbieb t’Alla jonoraw l-isem t’Alla, Jehovah. Jekk xi ħadd jirrifjuta li juża ismek, ikun dak tassew ħabib intimu tiegħek? Le! Meta jkollna ħabib, nużaw ismu u ngħidu affarijiet tajbin dwaru m’oħrajn. Għalhekk, dawk li jixtiequ jkunu ħbieb t’Alla għandhom jużaw ismu u jitkellmu dwaru m’oħrajn. Jehovah jridna nagħmlu dan.— Mattew 6:9; Rumani 10:13, 14.
Bħal Ġesù, il-ħbieb t’Alla jgħallmu lin-nies dwar is-Saltna t’Alla. Is-Saltna t’Alla hija l-gvern tas-sema li se jagħmel l-art ġenna. Il-ħbieb t’Alla jaqsmu din l-aħbar tajba dwar is-Saltna t’Alla m’oħrajn.—Mattew 24:14.
Ix-Xhieda ta’ Jehovah jipprovaw ikunu l-ħbieb t’Alla. Huma jirrispettaw il-Bibbja u għandhom imħabba bejniethom. Huma jużaw u jonoraw ukoll l-isem t’Alla u jgħallmu lil oħrajn dwar is-Saltna t’Alla. Ix-Xhieda ta’ Jehovah jipprattikaw il-vera reliġjon fuq l-art illum.