LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be p. 33-p. 38 para. 4
  • Kif Tagħmel Riċerka

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Tagħmel Riċerka
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Nużaw l-​Għodda Ewlenija tar-​Riċerka—Il-​Bibbja
  • Tgħallem Uża Għodod Oħrajn tar-​Riċerka
  • Libreriji Teokratiċi Oħrajn
  • Żomm Fajls Persunali
  • Tkellem man-​Nies
  • Iżen ir-​Riżultati Tiegħek
  • Għodda ġdida għar-​riċerka
    Il-Ministeru tas-Saltna—2014
  • Kif Tista’ Tkun ta’ Benefiċċju Għalina l-Librerija fis-Sala tas-Saltna?
    Min Qed Jagħmel ir-Rieda taʼ Ġeħova Llum?
  • Mistoqsijiet mill-Qarrejja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • Int Kif Tagħti Parir?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2012
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be p. 33-p. 38 para. 4

Kif Tagħmel Riċerka

IS-​SULTAN SALAMUN “immedita u għamel tiftix bir-​reqqa sabiex jirranġa f’ordni ħafna proverbji.” Għala? Minħabba li kien interessat f’li jikteb “kliem korrett u veru.” (Ekk. 12:9, 10) Luqa ‘fittex kollox mill-​bidu b’eżattezza’ sabiex jirrakkonta f’ordni loġiku l-​ġrajjiet tal-​ħajja taʼ Kristu. (Lq. 1:3) Dawn iż-​żewġ qaddejja taʼ Alla kienu qed jagħmlu riċerka.

X’inhi r-​riċerka? Hija t-​tfittxija bir-​reqqa għal informazzjoni dwar xi ħaġa partikulari. Din tinkludi l-​qari, u teħtieġ li jiġu applikati l-​istess pariri li japplikaw għall-​istudju. Tistaʼ tinvolvi wkoll li jiġu intervistati n-​nies.

Liema ċirkustanzi jeħtieġu r-​riċerka? Ħalli nagħtu ftit eżempji. L-​istudju persunali jew il-​qari tiegħek tal-​Bibbja għandu mnejn iqajjimlek mistoqsijiet li huma importanti għalik. Xi ħadd li tagħtih xhieda għandu mnejn iqajjem mistoqsija li tixtieq informazzjoni speċifika dwarha biex tagħtih tweġiba. Jew forsi ġejt inkarigat biex tagħti taħdita.

Ikkunsidra dan l-​inkarigu taʼ li tagħti taħdita. Il-​materjal li ġejt mitlub tkopri jistaʼ jidher ġenerali mhux ħażin. Kif tistaʼ tapplikah lokalment? Agħmlu iktar interessanti permezz taʼ riċerka. Meta punt ikun appoġġat minn statistika jew tnejn jew minn eżempju li jaqbel mal-​materjal tiegħek u li jeffettwa l-​ħajja taʼ dawk fl-​udjenza tiegħek, dan il-​punt li setaʼ deher ovvju jsir informattiv, u saħansitra jqanqalhom jaġixxu. Il-​materjal pubblikat li qed tuża jistaʼ jkun ġie mħejji għall-​qarrejja madwar id-​dinja, imma int għandek bżonn tispjegah fid-​dettall, tagħti eżempji, jew tapplika l-​punti li fih għal kongregazzjoni waħda jew individwu wieħed. Kif se tagħmel biex tikseb dawn ir-​riżultati?

Qabel ma tibda r-​riċerka, ikkunsidra l-​udjenza tiegħek. X’jafu diġà? X’għandhom bżonn isiru jafu? Imbagħad identifika l-​mira tiegħek. Trid tispjega? tikkonvinċi? turi li xi ħaġa mhijiex minnha? jew tqanqal għall-​azzjoni? Biex tispjega trid tipprovdi iktar informazzjoni biex tiċċara l-​kwistjoni. Għalkemm il-​fatti bażiċi jistgħu jkunu mifhumin, jistaʼ jkun meħtieġ li tispjega iktar fid-​dettall dwar meta u kif għandu jsir dak li jintqal. Biex tikkonvinċi trid tagħti raġunijiet li jenfasizzaw għala xi ħaġa hija minnha, u dan jinkludi li tippreżenta l-​evidenza. Biex turi li xi ħaġa mhijiex minnha huwa meħtieġ li jkollok għarfien profond dwar iż-​żewġ naħat taʼ kwistjoni flimkien maʼ analisi dettaljata tal-​evidenza li tintuża. M’għandniex xi ngħidu, aħna nfittxu li mhux biss ikollna argument konvinċenti imma wkoll modi kif nippreżentaw il-​fatti b’qalb tajba. Biex tqanqal għall-​azzjoni trid tilħaq il-​qalb. Dan ifisser li timmotiva lill-​udjenza tiegħek u tibnilha x-​xewqa li taġixxi fuq dak li jkun qed jiġi diskuss. Eżempji reali taʼ dawk li ħadu azzjoni bħal din, anki meta ffaċċjaw id-​diffikultajiet, jistgħu jgħinuk biex tilħaq il-​qalb.

Lest issa biex tibda? Mhux għalissa. Ikkunsidra kemm għandek bżonn informazzjoni. Il-​ħin jistaʼ jkun fattur importanti. Jekk se tippreżenta l-​informazzjoni lil oħrajn, kemm se jkollok ħin disponibbli biex tagħmel dan? Ħames minuti? Nofs siegħa? Huwa l-​ħin deċiż minn qabel, bħal f’laqgħa tal-​kongregazzjoni, jew huwa flessibbli, bħal fuq studju tal-​Bibbja jew żjara pastorali?

Finalment, liema għodod tar-​riċerka huma disponibbli għalik? Minbarra dak li għandek id-​dar, hemm iktar pubblikazzjonijiet fil-​librerija tas-​Sala tas-​Saltna li tistaʼ tużahom? Hemm xi aħwa li ilhom jaqdu lil Ġeħova għal ħafna snin u li jistgħu jkunu lesti jħalluk tuża l-​għodod tagħhom tar-​riċerka? Hemm librerija pubblika fl-​inħawi tiegħek fejn jistgħu jintużaw kotba tar-​referenza jekk ikun neċessarju?

Nużaw l-​Għodda Ewlenija tar-​Riċerka—Il-​Bibbja

Jekk il-​proġett tar-​riċerka tiegħek jinvolvi t-​tifsira taʼ skrittura, ibda billi tuża l-​Bibbja stess.

Eżamina l-​Kuntest. Staqsi lilek innifsek: ‘Lil min ġie indirizzat il-​kliem taʼ dan il-​vers? Il-​versi taʼ madwaru x’jindikaw dwar iċ-​ċirkustanzi li wasslu għall-​istqarrija jew l-​attitudni tan-​nies involuti? Dawn id-​dettalji spiss jistgħu jgħinuna nifhmu l-​vers, u jistgħu wkoll jagħtu l-​ħajja lit-​taħdita li int tistaʼ tużahom fiha.

Pereżempju, Ebrej 4:12 spiss jiġi kwotat biex juri l-​qawwa tal-​Kelma taʼ Alla li tmiss il-​qlub u tinfluwenza l-​ħajjiet. Il-​kuntest ikabbar il-​fehma tagħna dwar kemm dan jistaʼ jkun minnu. Dan jiddiskuti l-​esperjenzi tal-​Israelin matul l-​40 sena fix-​xagħri qabel ma daħlu fl-​art li Ġeħova kien wiegħed lil Abraham. (Ebr. 3:7–4:13) “Il-​kelma taʼ Alla,” il-​wegħda tiegħu li jġibhom f’post taʼ serħan fi qbil mal-​patt tiegħu maʼ Abraham, ma kinitx mejta; kienet ħajja u kienet waslet biex titwettaq. L-​Israelin kellhom kull raġun għal xiex juru fidi. Madankollu, hekk kif Ġeħova mexxiehom mill-​Eġittu lejn il-​Muntanja Sinaj u lejn l-​Art Imwiegħda, huma wrew nuqqas taʼ fidi b’mod ripetut. Għalhekk, minħabba kif irreaġixxew għall-​mod kif Alla wettaq il-​kelma tiegħu, intwera x’kellhom f’qalbhom. B’mod simili fi żmienna, il-​kelma tal-​wegħdi taʼ Alla tikxef x’hemm f’qalb in-​nies.

Iċċekkja r-​Referenzi. Xi Bibbji fihom referenzi marġinali. Tiegħek fiha? Jekk iva, dawn jistgħu jkunu taʼ għajnuna. Innota eżempju mit-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa. L-Ewwel Pietru 3:6 jirreferi għal Sara bħala eżempju li jistħoqqlu jiġi imitat min-​nisa Kristjani miżżewġin. Referenza marġinali għal Ġenesi 18:12 issaħħaħ dan il-​punt billi turi li Sara “f’qalbha” kienet tirreferi għal Abraham bħala sidha. Għalhekk, is-​sottomissjoni tagħha kienet mill-​qalb. Minbarra li jagħtuk dehen bħal dan, ir-​referenzi marġinali jistgħu jirreferuk għal versi li juru t-​twettiq taʼ profezija Biblika jew eżempju taʼ twettiq tal-​patt tal-​Liġi. Madankollu, trid tirrealizza li xi referenzi marġinali mhux qegħdin hemm biex jagħtu spjegazzjonijiet bħal dawn. Jistgħu sempliċement jirreferu għal ħsibijiet simili jew informazzjoni dwar il-​persuna jew dwar il-​post.

Fittex Permezz taʼ Konkordanza tal-​Bibbja. Konkordanza tal-​Bibbja hija indiċi alfabetiku taʼ kliem li jintuża fil-​Bibbja. Din tistaʼ tgħinek issib skritturi li huma konnessi mas-​suġġett li qed tagħmel riċerka dwaru. Int u teżaminahom, se titgħallem dettalji utli oħrajn. Se tara evidenza tal-​“mudell” tal-​verità kif jidher fil-​Kelma taʼ Alla. (2 Tim. 1:13) It-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida fiha lista bażika fil-​forma taʼ “Indiċi taʼ Kliem Bibliku.” Il-​Comprehensive Concordance fiha ħafna iktar informazzjoni. Jekk inhi disponibbli b’lingwa li tifhimha, din se tidderiġik lejn il-​versi kollha li fihom kull kelma prinċipali fil-​Bibbja.

Tgħallem Uża Għodod Oħrajn tar-​Riċerka

Il-​kaxxa f’paġna 33 fiha lista taʼ diversi għodod oħrajn tar-​riċerka li ġew provduti mill-​“ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45-​47) Ħafna minnhom fihom werrej, u oħrajn ikollhom indiċi fuq wara li huwa disinjat biex jgħinek issib eżatt l-​informazzjoni li jkollok bżonn. Fl-​aħħar taʼ kull sena, indiċi tas-​suġġetti jiġi pubblikat kemm fit-​Torri tal-​Għassa u kemm fi Stenbaħ! għall-​kollezzjoni taʼ artikli taʼ dik is-​sena partikulari.

Jekk tkun midħla tat-​tip taʼ informazzjoni li joffru dawn il-​pubblikazzjonijiet għall-​istudju tal-​Bibbja se tkun tistaʼ tħaffef iktar meta tagħmel riċerka. Pereżempju, ejja ngħidu li trid tkun taf dwar il-​profeziji, it-​tagħlim, l-​imġiba Kristjana, jew kif japplikaw ċerti prinċipji Bibliċi. It-​Torri tal-​Għassa x’aktarx li fih dak li qed tfittex. Stenbaħ! jitkellem dwar ġrajjiet kurrenti, problemi taʼ bħalissa, reliġjon, xjenza, u dwar nies minn diversi pajjiżi. Fil-​ktieb L-​Aqwa Bniedem Li Qatt Għex issib kummentarju dwar kull wieħed mill-​Evanġelji f’ordni kronoloġiku. F’kotba bħal Revelation—Its Grand Climax At Hand!, Oqgħod Attent għall-​Profezija taʼ Danjel!, u ż-​żewġ volumi tal-​Profezija taʼ Isaija—Dawl għall-​Bnedmin Kollha ssib diskussjoni vers b’vers taʼ kotba Bibliċi sħaħ. Fil-​ktieb Reasoning From the Scriptures se ssib tweġibiet sodisfaċenti għal mijiet taʼ mistoqsijiet Bibliċi li jqumu spiss fis-​servizz tal-​għalqa. Għal fehma iktar ċara taʼ reliġjonijiet oħrajn, it-​tagħlim tagħhom, u l-​isfond storiku tagħhom, ara l-​ktieb Mankind’s Search for God. Fil-​ktieb Jehovah’s Witnesses—Proclaimers of God’s Kingdom tistaʼ ssib rakkont dettaljat tal-​istorja moderna tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Tistaʼ ssib ukoll informazzjoni bħal din fil-​browxer Ix-​Xhieda taʼ Jehovah—Min Huma? X’Jemmnu? Għal rapport dwar l-​iżviluppi kurrenti fl-​ippritkar globali tal-​aħbar tajba, iċċekkja l-​aħħar Yearbook of Jehovah’s Witnesses, jew fittex fl-​aħħar Ministeru tas-​Saltna li tkun ħarġet fi Frar. L-​Insight on the Scriptures huwa enċiklopedija u atlas tal-​Bibbja. Jekk għandek bżonn dettalji dwar nies, postijiet, affarijiet, lingwi, jew ġrajjiet storiċi marbutin mal-​Bibbja, dan hu sors eċċellenti għal informazzjoni bħal din.

“Watch Tower Publications Index.” Dan l-​Index, pubblikat b’iktar minn 20 lingwa, se jidderiġik lejn informazzjoni f’varjetà kbira taʼ pubblikazzjonijiet minn tagħna. Huwa maqsum f’indiċi skont is-​suġġetti u indiċi skont l-​iskritturi. Biex tuża l-​indiċi skont is-​suġġetti, fittex kelma li tirrappreżenta s-​suġġett li tixtieq issir taf iktar dwaru. Biex tuża l-​indiċi skont l-​iskritturi, fittex fil-​lista taʼ skritturi l-​waħda li tixtieq tifhem aħjar. Jekk ġiet pubblikata xi ħaġa bil-​lingwa tiegħek dwar dan is-​suġġett jew din l-​iskrittura fis-​snin li jkopri l-​Index, se ssib lista taʼ referenzi li tistaʼ tfittixhom. Uża t-​tabella fuq quddiem tal-​Index biex tara xi jfissru t-​taqsiriet għall-​ismijiet tal-​pubblikazzjonijiet ċitati. (Pereżempju, b’din l-​għajnuna nitgħallmu li t-​taqsira w99 3/1 15 tirreferi għat-​Torri tal-​Għassa tas-​sena 1999, il-​ħarġa tal-​1 taʼ Marzu, paġna 15.) It-​titli prinċipali bħal “Field Ministry Experiences” (Esperjenzi fil-​Ministeru tal-​Għalqa) u “Life Stories of Jehovah’s Witnesses” (Bijografiji tax-​Xhieda taʼ Ġeħova) jistgħu jkunu taʼ għajnuna meta tipprepara preżentazzjonijiet li jimmotivaw lill-​kongregazzjoni.

Minħabba li tistaʼ tintilef f’li tagħmel riċerka, oqgħod attent li ma toħroġx mis-​suġġett. Ibqaʼ ffokat fuq il-​mira tiegħek li tfittex il-​materjal meħtieġ għall-​biċċa xogħol li jkollok. Jekk l-​Index jirreferik għal ċertu sors, fittex il-​paġna/paġni ċitati, imbagħad uża s-​sottitli u s-​sentenzi tal-​bidu tal-​paragrafi biex jiggwidawk lejn il-​materjal li għandek bżonn. Jekk qed tfittex it-​tifsir taʼ vers Bibliku partikulari, l-​ewwel sib il-​vers ċitat fuq il-​paġna li ġejt referut għaliha. Imbagħad eżamina l-​kummenti taʼ madwaru.

Il-​“Watchtower Library” fuq CD-​ROM. Jekk għandek aċċess għal kompjuter, tistaʼ tibbenefika mill-​użu tal-​Watchtower Library fuq CD-​ROM, li fiha kollezzjoni kbira ħafna tal-​pubblikazzjonijiet tagħna. Dan il-​programm tat-​tfittxija li hu faċli biex tużah jippermettilek tfittex kelma, grupp taʼ kliem, jew skrittura ċitata fi kwalunkwe pubblikazzjoni li tinsab fil-​Watchtower Library. Anki jekk din l-​għodda tar-​riċerka mhijiex disponibbli bil-​lingwa tiegħek, forsi tistaʼ tibbenefika minnha xorta waħda billi tfittex b’lingwa internazzjonali li tintuża ħafna u li int midħla tagħha.

Libreriji Teokratiċi Oħrajn

Fit-​tieni ittra ispirata tiegħu lil Timotju, Pawlu staqsa liż-​żagħżugħ biex iġib “ir-​rombli, speċjalment il-​parċmini,” ħalli jiħodhomlu f’Ruma. (2 Tim. 4:13) Pawlu kien jistma ċerti kitbiet u kien iżommhom. Int tistaʼ tagħmel l-​istess. Terfaʼ int il-​kopji persunali tiegħek tat-​Torri tal-​Għassa, Stenbaħ!, u Il-​Ministeru tas-​Saltna anki wara li jkunu ġew kunsidrati fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni? Jekk inhu hekk, dawn se jkunu disponibbli għalik biex tużahom bħala għodod għar-​riċerka flimkien maʼ pubblikazzjonijiet Kristjani oħrajn li ksibt. Ħafna kongregazzjonijiet iżommu kollezzjoni taʼ pubblikazzjonijiet teokratiċi f’librerija fis-​Sala tas-​Saltna. Dawn huma għall-​benefiċċju tal-​membri kollha tal-​kongregazzjoni biex l-​aħwa jużawhom waqt li jkunu fis-​Sala tas-​Saltna.

Żomm Fajls Persunali

Oqgħod attent għal artikli interessanti li tistaʼ tuża meta tkun qed titkellem u tgħallem. Jekk f’gazzetta jew f’rivista ssib xi artiklu tal-​aħbarijiet, statistika, jew eżempju li tistaʼ tuża fil-​ministeru tiegħek, qasqas jew ikkopja l-​informazzjoni. Inkludi d-​data, it-​titlu tal-​pubblikazzjoni, u forsi l-​isem tal-​awtur jew il-​pubblikatur. Fil-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, ħu nota taʼ xi rraġunar u tixbihat li jistgħu jgħinuk tispjega l-​verità lil oħrajn. Qatt ħsibt dwar tixbiha tajba imma ma kellekx iċ-​ċans tużaha mill-​ewwel? Iktibha u żommha ġo fajl. Wara li tkun ilek fl-​Iskola tal-​Ministeru Teokratiku għal xi żmien, se tkun ippreparajt għadd taʼ preżentazzjonijiet. Minflok ma tarmi n-​noti taʼ dawn it-​taħditiet, erfagħhom. Ir-​riċerka li tkun għamilt taf tkun utli iktar tard.

Tkellem man-​Nies

In-​nies huma sors għani taʼ informazzjoni. Meta Luqa kien qed jikteb ir-​rakkont tal-​Evanġelju, jidher ċar li kiseb ħafna mill-​informazzjoni billi intervista lil uħud li raw l-​affarijiet iseħħu b’għajnejhom stess. (Lq. 1:1-​4) Forsi Kristjan sieħbek jistaʼ jgħinek tifhem kwistjoni li ilek tipprova ssib informazzjoni dwarha. Skont Efesin 4:8, 11-​16, Kristu juża “rġiel bħala għotjiet” biex jgħinuna nikbru “fl-​għarfien eżatt dwar l-​Iben t’Alla.” Jekk tagħmel xi mistoqsijiet lil dawk li għandhom l-​esperjenza fis-​servizz taʼ Alla tistaʼ tikseb ideat utli. Il-​konversazzjoni man-​nies ukoll tistaʼ tgħinek tara x’inhuma jaħsbu, u dan jistaʼ jgħinek tħejji materjal li hu tassew prattiku.

Iżen ir-​Riżultati Tiegħek

Wara li l-​qamħ jinħasad, ikun hemm bżonn li titneħħa l-​karfa, jew il-​qoxra, minn mal-​qamħ. L-​istess trid tagħmel bir-​riżultat tar-​riċerka tiegħek. Qabel ma tkun tistaʼ tuża l-​informazzjoni, trid tissepara dak li hu taʼ valur minn dak li mhuwiex neċessarju.

Jekk se tuża l-​informazzjoni f’taħdita, staqsi lilek innifsek: ‘Il-​punt li qed nippjana li nuża tassew iżid xi ħaġa siewja mal-​preżentazzjoni tiegħi tas-​suġġett? Jew, avolja l-​materjal huwa interessanti, jistaʼ jkun li jtellef l-​attenzjoni mis-​suġġett li suppost qed nitkellem dwaru?’ Jekk qed taħseb biex tuża ġrajjiet kurrenti jew materjal mill-​oqsma li dejjem jinbidlu tax-​xjenza jew il-​mediċina, kun ċert li l-​informazzjoni tkun tal-​aħħar. Ukoll, irrealizza li xi punti f’pubblikazzjonijiet tagħna li huma iktar antiki setgħu ġew aġġustati, allura kkunsidra x’ġie pubblikat dan l-​aħħar fuq is-​suġġett.

Trid toqgħod attent speċjalment jekk tagħżel li tiġbor informazzjoni minn sorsi sekulari. Qatt tinsa li l-​Kelma taʼ Alla hi l-​verità. (Ġw. 17:17) Ġesù għandu rwol fundamentali fit-​twettiq tal-​iskop taʼ Alla. Għalhekk, Kolossin 2:3 jgħid: “Fih hemm moħbijin bil-​għaqal it-​teżori kollha taʼ l-​għerf u taʼ l-​għarfien.” Iżen ir-​riżultati tar-​riċerka tiegħek minn din il-​perspettiva. Rigward ir-​riċerka sekulari, staqsi lilek innifsek: ‘Huwa l-​materjal esaġerat, superfiċjali, jew fih informazzjoni li m’intix ċert minnha? Kien miktub b’motiv egoistiku jew kummerċjali? Jaqblu miegħu sorsi oħrajn taʼ awtorità? Fuq kollox, jaqbel mal-​verità tal-​Bibbja?’

Proverbji 2:1-​5 jinkuraġġina biex nibqgħu nfittxu għall-​għarfien, il-​fehma, u d-​dixxerniment “bħal fidda, u . . . bħal teżori moħbijin.” Dan jindika kemm ħidma kif ukoll premjijiet għonja. Ir-​riċerka teħtieġ sforz, imma jekk tagħmilha se tgħinek issib x’jaħseb Alla dwar l-​affarijiet, tikkoreġi ideat żbaljati, u tissoda l-​fehma tiegħek tal-​verità. Se żżid ukoll mat-​tifsir u tagħti iktar ħajja lill-​preżentazzjonijiet tiegħek, se tieħu gost tagħtihom, u se jkunu pjaċevoli għal min jismagħhom.

LIEMA GĦANDEK MINN DAWN L-​GĦODOD TAR-​RIĊERKA?

  • Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida taʼ l-​Iskrittura Mqaddsa

  • Comprehensive Concordance

  • It-​Torri tal-​Għassa u Stenbaħ!

  • Reasoning From the Scriptures

  • Jehovah’s Witnesses —Proclaimers of God’s Kingdom

  • Insight on the Scriptures

  • Watch Tower Publications Index

  • Watchtower Library fuq CD-​ROM

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja