Programm Biex Tiżviluppa l-Abbiltà Bħala Kelliemi u Għalliem
SEW jekk int żagħżugħ u sew jekk int imdaħħal fiż-żmien, sew jekk int raġel u sew jekk int mara, dan il-kors jistaʼ jgħinek tesprimi ruħek b’mod iktar effettiv u jgħinek ukoll tkun iktar kwalifikat bħala għalliem tal-Kelma taʼ Alla.
L-inkarigi għal dawk li huma miktubin fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku jingħataw mill-indokratur tal-iskola. Fit-tliet paġni li jmiss, se ssib il-formola tal-pariri tiegħek. In-numri maġenb id-diversi punti jaqblu mal-istudji fil-paġni li jiġu wara. F’dawn l-istudji se ssib spjegazzjoni taʼ x’jinvolvi li tkun tas-sengħa f’dawn l-aspetti tat-taħdit u tat-tagħlim u għala kull wieħed minnhom huwa importanti. Se ssib ukoll direzzjoni siewja dwar kif twettaq dak li jkun qed jiġi suġġerit.
Il-kuluri fuq il-formola tal-pariri jindikaw liema punti japplikaw għall-inkarigi li jinvolvu (1) qari lill-udjenza, (2) turija bi tnejn min-nies jew iktar, jew (3) taħdita lill-kongregazzjoni. L-indokratur tal-iskola jagħtik il-punt li għandek taħdem fuqu. Ikun aħjar li taħdem fuq il-punti wieħed wieħed. Int se tibbenefika jekk tagħmel it-taħriġ suġġerit fl-aħħar tal-istudju li jkun ngħatalek. Jekk turi li rnexxielek tapplika l-parir fl-istudju li ngħatalek, il-ħu li jagħti l-pariri se jagħtik punt ieħor fuqiex taħdem.
Jekk l-inkarigu tiegħek huwa turija, int se jkollok bżonn toħloq sitwazzjoni. F’paġna 82 hemm lista taʼ diversi sitwazzjonijiet, iżda m’intix marbut maʼ din il-lista. Il-ħu li jagħti l-pariri jistaʼ jissuġġerilek li tipprova tuża sitwazzjoni partikulari sabiex tikseb l-esperjenza, jew għandu mnejn iħalli l-għażla f’idejk.
Il-qari taʼ dan il-ktieb flimkien maʼ li tagħmel it-taħriġ li fih jistgħu jgħinuk bil-kbir biex tagħmel progress, anki meta ma tkunx qed tipprepara xi inkarigu tal-iskola. Forsi tistaʼ tkopri studju differenti kull ġimgħa, bejn wieħed u ieħor.
Ilek kemm ilek tieħu sehem fl-iskola jew fil-ministeru tal-għalqa, dejjem hemm lok għal titjib. Jalla tibbenefika bis-sħiħ mill-edukazzjoni li toffri l-Iskola tal-Ministeru Teokratiku.