LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 17 p. 139-p. 142 para. 1
  • L-Użu tal-Mikrofonu

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Użu tal-Mikrofonu
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • Leħen Adattat
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • It-Traduzzjoni għall-Konvenzjoni Reġjonali tal-2020 ‘Ifraħ Dejjem’!
    Kif Jintużaw id-Donazzjonijiet Tiegħek?
  • Għallem lil Uliedek Jikkummentaw
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2006
  • Kuntatt Viżwali
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Ara Iżjed
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 17 p. 139-p. 142 para. 1

STUDJU 17

L-​Użu tal-​Mikrofonu

X’hemm bżonn tagħmel?

Jekk jintuża mikrofonu għal iktar sawnd fil-​laqgħat, użah sewwa.

Għala importanti?

Dak li jintqal se jkun taʼ benefiċċju għal oħrajn biss jekk jinstemaʼ b’mod ċar.

ĦUTNA Kristjani jqattgħu ħafna ħin u jagħmlu ħafna sforz biex jattendu l-​laqgħat Kristjani. Sabiex jibbenefikaw minn dak li jintqal, iridu jisimgħu ċar.

Fi żmien Israel tal-​qedem ma kienx hemm sistema tas-​sawnd biex tamplifika, jiġifieri biex twassal u tgħolli l-​volum. Meta Mosè kellem lill-​ġens taʼ Israel fil-​Pjanuri taʼ Mowab qabel ma daħlu fl-​Art Imwiegħda, kif setgħu jisimgħu dawk kollha fl-​udjenza tiegħu, li kienu jgħoddu bil-​miljuni? Jistaʼ jkun li Mosè ħadem b’sistema li permezz tagħha dak li qal ġie ripetut minn irġiel li kienu mpoġġijin fost in-​nies tal-​kamp f’intervalli regulari. (Dt. 1:1; 31:1) Mhux ħafna wara li l-​Israelin bdew il-​konkwista tal-​art fil-​Punent tal-​Ġordan, Ġożwè ġabar il-​ġens quddiem il-​Muntanja Geriżim u l-​Muntanja Għebal, b’mod evidenti bil-​Leviti fil-​wied li firidhom. Hemmhekk in-​nies kollha semgħu u wieġbu għall-​barkiet u s-​saħtiet divini li ġew preżentati lilhom. (Ġoż. 8:33-​35) Huwa possibbli li anki f’din l-​okkażjoni ntużaw irġiel li għaddew l-​informazzjoni minn wieħed għall-​ieħor, iżda bla dubju l-​akustika, jiġifieri l-​istruttura eċċellenti tal-​inħawi li għenithom jisimgħu aħjar, kienet taʼ għajnuna wkoll.

Xi 1,500 sena wara meta “folla kbira ferm inġabret” ħdejn il-​Baħar tal-​Galilija biex tismaʼ lil Ġesù, hu rikeb dgħajsa, telaq minn max-​xatt, u poġġa bilqiegħda biex jitkellem mal-​folla. (Mk. 4:1, 2) Ġesù għala tkellem minn fuq dgħajsa? B’mod evidenti minħabba li l-​vuċi tal-​bniedem titwassal b’ċarezza rimarkevoli minn fuq il-​wiċċ lixx tal-​ilma.

Sa kmieni fis-​seklu 20, kemm uħud fl-​udjenza setgħu jisimgħu dak li ntqal kien jiddependi spiss minn kemm leħen il-​kelliemi jkun ċar u jwassal. Madankollu, sa mis-​snin għoxrin tas-​seklu l-​ieħor, il-​qaddejja taʼ Ġeħova kienu kapaċi jieħdu vantaġġ mis-​sawnd amplifikat b’mod elettroniku tal-​vuċi umana fil-​konvenzjonijiet tagħhom.

Apparat tas-​Sawnd. Apparat bħal dan jistaʼ jamplifika l-​volum taʼ leħen il-​kelliemi għal ħafna drabi u madankollu jżomm il-​kwalità u t-​ton taʼ leħnu. Mhuwiex meħtieġ li l-​kelliemi jisforza żżejjed il-​kordi tal-​leħen. Is-​semmiegħa m’għandhomx għalfejn ibatu biex jisimgħu dak li jintqal. Minflok, jistgħu jikkonċentraw fuq il-​messaġġ.

Sar ħafna xogħol biex żgur ikun hemm apparat tajjeb tas-​sawnd fil-​konvenzjonijiet u fl-​assembleat tax-​Xhieda taʼ Ġeħova. Iktar minn hekk, ħafna Swali tas-​Saltna jużaw apparat tas-​sawnd biex jamplifikaw l-​ilħna taʼ dawk li jagħtu t-​taħditiet, jikkonduċu l-​laqgħat, jew jaqraw minn fuq il-​platform. U xi kongregazzjonijiet għandhom ukoll mikrofoni li jintużaw mill-​udjenza meta jagħtu l-​kummenti waqt il-​laqgħat. Jekk il-​kongregazzjoni tiegħek għandha apparat bħal dan, tgħallem użah sewwa.

Xi Gwida Bażika. Sabiex tuża l-​apparat sewwa, żomm il-​punti li ġejjin f’moħħok: (1) Ġeneralment, il-​mikrofonu għandu jkun bejn għaxra u ħmistax-​il ċentimetru ’l bogħod minn ħalqek. Jekk il-​mikrofonu jkun viċin wisq, kliemek jistaʼ ma jinstemax ċar. Jekk ikun ’il bogħod wisq, leħnek mhux se jinstemaʼ sew. (2) Il-​mikrofonu għandu jkun quddiemek, mhux fil-​ġenb. Jekk iċċaqlaq rasek lejn il-​lemin jew lejn ix-​xellug, tkellem biss meta l-​mikrofonu jkun quddiemek. (3) Għolli ftit iktar leħnek u uża ftit iktar intensità milli tuża meta titkellem is-​soltu. Iżda m’hemmx għalfejn tgħajjat. L-​apparat tas-​sawnd faċilment se jwassal leħnek lil dawk l-​iktar ʼil bogħod fl-​udjenza tiegħek. (4) Jekk ikollok bżonn tqaħqaħ, tisgħol, jew tagħtas, kun żgur li ddawwar wiċċek lil hinn mill-​mikrofonu.

Meta Tagħti Taħdita. Meta tiġi quddiem l-​istand tal-​kelliemi, normalment ħu se jaġġustalek il-​mikrofonu. Oqgħod bilwieqfa b’mod naturali b’wiċċek iħares lejn l-​udjenza filwaqt li jagħmel dan. Poġġi n-​noti tiegħek fuq l-​istand tal-​kelliemi, u kun żgur li l-​mikrofonu ma jtellfekx milli tarahom sew.

Meta tibda titkellem, ismaʼ kif leħnek jinstemaʼ hekk kif joħroġ mil-​lawdspiker. Huwa leħnek għoli wisq? Jirriżulta ċertu kliem fi ħsejjes li jfaqqgħu? Forsi jkollok bżonn tersaq lura xi tliet jew ħames ċentimetri. Meta tkun qed tagħti daqqa t’għajn lin-​noti tiegħek, ftakar li għandek titkellem u taqra biss meta wiċċek ikun quddiem il-​mikrofonu jew ftit ’il fuq minnu, mhux taħtu.

Meta Taqra Minn fuq il-​“Platform.” Ikun aħjar li żżomm il-​Bibbja tiegħek jew xi pubblikazzjoni oħra ’l fuq sabiex wiċċek ikun lejn l-​udjenza. Minħabba li x’aktarx li l-​mikrofonu se jkun quddiemek, għandek mnejn ikollok bżonn iżżomm il-​materjal tal-​qari tiegħek kemm kemm fil-​ġenb. Dan ifisser li rasek għandha tkun xi ftit lejn in-​naħa l-​oħra tal-​mikrofonu. Imbagħad meta taqra, leħnek se jmur direttament fil-​mikrofonu.

Ħafna mill-​aħwa rġiel li jaqraw fl-​Istudju tat-​Torri tal-​Għassa jqumu bilwieqfa u jitkellmu f’mikrofonu bl-​istand. Din il-​pożizzjoni tippermettilhom jieħdu n-​nifs b’iktar libertà u tgħinhom ikunu iktar espressivi fil-​qari tagħhom. Żomm f’moħħok li fil-​biċċa l-​kbira tal-​laqgħa jkun hemm il-​qari tal-​paragrafi. Kemm se tibbenefika l-​udjenza jiddependi ħafna minn kemm tismaʼ sew il-​materjal li jkun qed jinqara.

Meta Tikkummenta Waqt il-​Laqgħa. Jekk il-​kongregazzjoni tiegħek tuża l-​mikrofoni għall-​parteċipazzjoni tal-​udjenza, ftakar li xorta hemm il-​bżonn li titkellem b’mod ċar u tgħolli leħnek biżżejjed. Meta tikkummenta, stinka biex iżżomm il-​pubblikazzjoni tal-​istudju jew il-​Bibbja tiegħek f’idek. Dan se jippermettilek tara l-​materjal b’mod ċar waqt li tkun qed titkellem fil-​mikrofonu.

F’xi kongregazzjonijiet, l-​aħwa rġiel jiġu inkarigati biex jieħdu l-​mikrofoni lil dawk li jintalbu jikkummentaw. Jekk dan hu l-​każ fil-​kongregazzjoni tiegħek, meta tiġi mitlub tikkummenta, żomm idek ’il fuq sabiex il-​ħu li jieħu ħsieb il-​mikrofonu jkun jistaʼ jara fejn tkun bilqiegħda u jasal ħdejk malajr. Jekk il-​mikrofonu huwa wieħed li jinżamm fl-​idejn, kun preparat biex toħroġ idek ħa tieħdu. Tibdiex tikkummenta qabel ma l-​mikrofonu jkun fil-​pożizzjoni t-​tajba. Meta tispiċċa l-​kumment, irritorna l-​mikrofonu minnufih.

Meta Tieħu Sehem f’Turija. L-​użu taʼ mikrofonu matul turija jirrikjedi ħsieb speċjali minn qabel. Jekk il-​mikrofonu huwa wieħed fuq stand, int se jkollok idejk it-​tnejn liberi biex iżżomm il-​Bibbja u n-​noti tiegħek. Jekk tuża mikrofonu li żżommu f’idek se tkun iktar liberu biex tiċċaqlaq, iżda għandek mnejn ikollok tiftiehem mal-​assistent tiegħek biex iżommhulek. B’hekk, idejk ikunu liberi biex iżżomm il-​Bibbja tiegħek. Int u l-​inkwilin tiegħek għandkom tipprattikaw dan sabiex l-​assistent tiegħek ikun jaf kif iżommu sewwa. Ftakar ukoll li meta tkun fuq il-​platform, m’għandekx tagħti dahrek lill-​udjenza, speċjalment meta tkun qed titkellem.

F’turijiet fil-​Laqgħa tas-​Servizz jistaʼ jkun hemm għadd taʼ parteċipanti, u forsi jkollhom bżonn jiċċaqalqu fuq il-​platform. B’hekk, jistaʼ jkun hemm bżonn taʼ diversi mikrofoni. Dawn għandhom jitpoġġew hemm minn qabel jew jingħataw lill-​parteċipanti meta jitilgħu fuq il-​platform. Jirrikjedi ppjanar minn qabel sabiex tkun żgur li l-​mikrofoni jkunu fil-​post it-​tajjeb fil-​ħin it-​tajjeb. Jekk tipprattika t-​turijiet qabel ma jiġu preżentati se tkun tistaʼ tgħallem lill-​parteċipanti kif jużaw il-​mikrofoni b’mod effettiv. Meta sessjoni taʼ prattika ma tkunx tistaʼ ssir fuq il-​platform, jistaʼ jkun għaqli għall-​parteċipanti li jżommu f’idhom oġġett żgħir, simili fid-​daqs għal mikrofonu, sabiex jipprattikaw il-​pożizzjoni t-​tajba. Wara t-​turija, il-​parteċipanti jridu jpoġġu l-​mikrofoni tal-​idejn lura f’posthom bil-​mod, filwaqt li joqogħdu attenti li ma jitfixklux fil-​wajers taʼ mikrofoni oħrajn hekk kif jinżlu minn fuq il-​platform.

Waħda mill-​miri prinċipali tal-​laqgħat tagħna, jiġifieri, li nagħmlu l-​ġid lil xulxin billi niddiskutu l-​Kelma taʼ Alla, hi konnessa direttament maʼ li noqogħdu attenti għall-​użu tal-​mikrofonu. (Ebr. 10:24, 25) Jekk nitgħallmu nużaw il-​mikrofoni b’mod effettiv, nistgħu nikkontribwixxu personalment għal din il-​mira importanti.

KIF TAGĦMEL DAN

  • Żomm il-​mikrofonu bejn għaxra u ħmistax-​il ċentimetru ’l bogħod minn ħalqek.

  • Kun żgur li titkellem biss meta l-​mikrofonu jkun quddiem ħalqek.

  • Għolli ftit iktar leħnek u uża ftit iktar intensità mis-​soltu meta titkellem.

  • Jekk għandek bżonn tqaħqaħ, dawwar rasek lil hinn mill-​mikrofonu.

TAĦRIĠ: Jekk jintużaw il-​mikrofoni fis-​Sala tas-​Saltna tiegħek, innota sew kif kelliema tal-​esperjenza jużaw kemm mikrofoni fissi kif ukoll mikrofoni li jinżammu fl-​idejn. Identifika x’tixtieq tuża jew tevita, flimkien mar-​raġunijiet għall-​konklużjonijiet tiegħek.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja