LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • be studju 29 p. 181-p. 185 para. 3
  • Kwalità tal-​Leħen

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kwalità tal-​Leħen
  • Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Materjal Simili
  • Kliem Imlissen Ċar
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Oqogħdu Attenti mil-“Leħen Barrani”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
  • Il-​muskoli Kapulavur
    Stenbaħ!—1999
Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
be studju 29 p. 181-p. 185 para. 3

STUDJU 29

Kwalità tal-​Leħen

X’hemm bżonn tagħmel?

Tejjeb leħnek, mhux billi timita lil xi ħadd ieħor, imma billi tieħu n-​nifs sew u tirrilassa l-​muskoli ebsin.

Għala importanti?

Leħen taʼ kwalità tajba jgħin lil oħrajn jirrilassaw u jieħdu pjaċir jisimgħuk. Leħen taʼ kwalità fqira jfixkel il-​komunikazzjoni, u jistaʼ jkun taʼ frustrazzjoni kemm għall-​kelliemi u kemm għall-​udjenza.

IN-​NIES huma influwenzati bil-​kbir mhux biss minn dak li jintqal imma wkoll minn kif jintqal. Jekk persuna li tkellmek ikollha leħen pjaċevoli, kordjali, dħuli, u li juri qalb tajba, ma taħsibx li int tkun iktar inklinat li tismaʼ b’mod favorevoli milli jekk ikollha leħen bla sentiment jew aħrax?

Il-​fatt li tiżviluppa l-​kwalità tal-​leħen mixtieqa mhux marbut biss mal-​mod kif jaħdem il-​leħen. Jistaʼ jinvolvi wkoll il-​personalità taʼ dak li jkun. Hekk kif individwu jagħmel progress fl-​għarfien u l-​applikar tal-​verità tal-​Bibbja, il-​bidliet isiru evidenti mill-​mod kif jitkellem. Kwalitajiet divini bħall-​imħabba, il-​ferħ, u l-​qalb tajba huma riflessi f’leħnu. (Gal. 5:22, 23) Minn leħnu wieħed juri kemm jinteressah ġenwinament mill-​oħrajn. Meta l-​gratitudni tieħu post l-​attitudni taʼ li wieħed dejjem jilmenta, kemm il-​kliem li jiġi mlissen u kemm it-​ton tal-​leħen jagħtu evidenza taʼ dan. (Lam. 3:39-​42; 1 Tim. 1:12; Ġuda 16) Anki meta ma tifhimx il-​lingwa mitkellma, jekk individwu wieħed jinstemaʼ arroganti, intolleranti, kritiku, u aħrax u individwu ieħor jinstemaʼ umli, paċenzjuż, qalbu tajba, u kollu mħabba, ma jkunx diffiċli għalik biex tagħraf id-​differenza.

F’ċerti każi, kwalità mhix mixtieqa fil-​leħen tistaʼ tkun minħabba marda li tħassar il-​larinġi taʼ individwu jew minħabba difett fiżiku li jkun wiret. Kundizzjonijiet bħal dawn jistgħu tant ikunu gravi li ma jistgħux jiġu megħlubin għalkollox f’din is-​sistema. Madankollu, ġeneralment jekk dak li jkun jitgħallem juża kif jixraq l-​organi tat-​taħdit ikun jistaʼ jara titjib.

Mill-​bidu nett huwa importanti li nifhmu li l-​karatteristiki tal-​leħen ivarjaw minn persuna għal oħra. Il-​mira tiegħek m’għandhiex tkun li tiżviluppa leħen li jkun jixbah lil taʼ xi ħadd ieħor. Minflok, ikkultiva l-​potenzjal taʼ leħnek stess, bil-​kwalitajiet distintivi tiegħu. X’jistaʼ jgħinek tagħmel dan? Hemm żewġ affarijiet li huma prinċipalment essenzjali.

Ħu Nifs Kif Suppost. Għall-​aħjar riżultati meta tuża leħnek, irid ikollok biżżejjed nifs u trid tikkontrollah kif suppost. Mingħajr dawn l-​affarijiet, leħnek jistaʼ jinstemaʼ dgħajjef, u l-​mod kif tagħti t-​taħdita jistaʼ jkun bl-​iskossi.

L-​akbar parti tal-​pulmuni tiegħek mhijiex fil-​parti taʼ fuq taʼ sidrek; din il-​parti sempliċement tidher akbar minħabba l-​għadam tal-​ispalel. Minflok, il-​pulmuni huma l-​iktar wesgħin eżatt fuq id-​dijaframma. Imqabbda mal-​parti taʼ isfel tal-​kustilji, id-​dijaframma hija muskolu li jissepara s-​sider miż-​żaqq.

Jekk timla biss il-​parti taʼ fuq tal-​pulmuni tiegħek meta tieħu n-​nifs ’il ġewwa, malajr se taqtaʼ nifsek. Leħnek mhux se jkun qawwi biżżejjed, u se tegħja malajr. Biex tieħu n-​nifs kif suppost, trid tpoġġi jew toqgħod wieqaf dritt u żżomm spallejk lura. Agħmel sforz diliġenti biex tevita li timla biss il-​parti taʼ fuq taʼ sidrek meta tieħu n-​nifs biex titkellem. L-​ewwel imla l-​parti taʼ isfel tal-​pulmuni tiegħek. Meta din il-​parti timtela, il-​parti taʼ isfel tal-​kustilji se tespandi mill-​ġnub. Fl-​istess ħin, id-​dijaframma se tinżel ’l isfel, u bil-​mod iċċaqlaq l-​istonku u l-​imsaren, b’tali mod li int tħoss il-​pressjoni taċ-​ċinturin jew taʼ ħwejjeġ oħrajn fuq iż-​żaqq tiegħek. Imma l-​pulmuni mhumiex fiż-​żaqq tiegħek; jinsabu fil-​qafas tas-​sider. Biex tittestja lilek innifsek, poġġi id waħda fuq kull naħa tal-​parti taʼ isfel tal-​kustilji tiegħek. Issa ħu nifs fil-​fond. Jekk qed tieħu n-​nifs kif suppost, mhux se ddaħħal żaqqek ’il ġewwa u tgħolli spallejk. Minflok, se tħoss il-​kustilji jiċċaqalqu ftit ’il fuq u ’l barra.

Issa, aħdem fuq kif toħroġ in-​nifs ’il barra. Taħlix dan in-​nifs billi tħallih joħroġ bil-​ħeffa. Ħallih joħroġ bil-​mod. Tipprovax tikkontrollah billi tissikka griżmejk. Dan iġiegħel lil leħnek jinstemaʼ riġidu jew irqiq iktar min-​normal. Il-​pressjoni mill-​muskoli addominali u mill-​muskoli taʼ bejn il-​kustilji joħorġu l-​arja ’l barra, waqt li d-​dijaframma tinfluwenza kemm toħroġ malajr.

Dijagrammi fʼpaġna 183

Sewwasew bħalma ġerrej jitħarreġ għal tellieqa, hekk ukoll kelliemi jistaʼ jiżviluppa kontroll xieraq tan-​nifs bl-​eżerċizzji. Oqgħod dritt bi spallejk lura, ħu n-​nifs ħalli timla l-​parti taʼ isfel tal-​pulmuni tiegħek, u ftit ftit ħu n-​nifs ’il barra u bil-​mod għodd kemm tistaʼ f’nifs wieħed. Imbagħad ipprattika l-​qari b’leħen għoli waqt li tieħu n-​nifs bl-​istess mod.

Irrilassa l-​Muskoli Ebsin. Xi ħaġa oħra essenzjali għal kwalità tajba tal-​leħen hi din—irrilassa! Tiskanta kemm titjieb meta titgħallem tirrilassa biex titkellem. Kemm il-​moħħ kif ukoll il-​ġisem iridu jkunu rilassati, għaliex it-​tensjoni tal-​moħħ tikkaġuna tensjoni muskolari.

Irrilassa t-​tensjoni tal-​moħħ billi tikseb il-​ħarsa xierqa dwar is-​semmiegħa tiegħek. Jekk dawn huma nies li tiltaqaʼ magħhom fil-​ministeru tal-​għalqa, ftakar li anki jekk studjajt il-​Bibbja għal ftit xhur biss, int taf affarijiet taʼ valur dwar l-​iskop taʼ Ġeħova li tistaʼ taqsam magħhom. U int qed iżżurhom għax għandhom bżonn l-​għajnuna, kemm jekk jirrealizzaw dan u kemm jekk le. Mill-​banda l-​oħra, jekk qed titkellem f’Sala tas-​Saltna, ħafna minn dawk fl-​udjenza tiegħek huma n-​nies taʼ Ġeħova. Huma l-​ħbieb tiegħek u jriduk tirnexxi. Ħadd fuq l-​art ma jiffaċċja udjenza daqshekk dħulija u maħbuba bħalma niffaċċjaw aħna regolarment.

Irrilassa l-​muskoli taʼ griżmejk billi tiffoka moħħok fuq dawk il-​muskoli u toqgħod attent li tnaqqsilhom it-​tensjoni. Ftakar li l-​kordi vokali tiegħek jivvibraw meta tgħaddi l-​arja minnhom. It-​ton tal-​leħen jinbidel hekk kif il-​muskoli tal-​griżmejn jissikkaw jew jirrilassaw, sewwasew bħalma t-​ton taʼ korda taʼ kitarra jew taʼ vjolin jinbidel meta l-​korda tiġi ssikkata jew maħlula. Meta sserraħ il-​kordi vokali, it-​ton jitbaxxa. Jekk tirrilassa l-​muskoli tal-​griżmejn tgħin ukoll biex iżżomm l-​imnifsejn miftuħin, u dan żgur li jeffettwa l-​kwalità taʼ leħnek.

Irrilassa ġismek kollu—irkopptejk, idejk, spallejk, u għonqok. Dan se jgħin biex ikollok ir-​riżonanza (tip taʼ vibrazzjoni) meħtieġa ħalli leħnek iwassal. Ir-​riżonanza toħroġ meta l-​ġisem kollu jaġixxi bħala tavla li tkabbar il-​ħoss, imma t-​tensjoni ttellef din ir-​riżonanza. It-​ton tal-​leħen li hu prodott mil-​larinġi, jerġaʼ jidwi mhux biss fl-​imnifsejn imma wkoll mal-​istruttura tal-​għadam tas-​sider, is-​snien, is-​saqaf tal-​ħalq, u s-​sinus. Dawn kollha jistgħu jikkontribwixxu għall-​kwalità tar-​riżonanza. Jekk tpoġġi biċċa toqol fuq it-​tavla tal-​ħoss taʼ kitarra, il-​ħoss jitmewwet; it-​tavla ma jrid ikollha xejn xi jfixkilha milli tivvibra jekk se tagħmel riżonanza kif suppost. L-​istess huwa l-​każ bl-​istruttura tal-​għadam taʼ ġisimna, li jinżammu flimkien b’mod sod mill-​muskoli. Bir-​riżonanza int tkun tistaʼ tirregola leħnek sew u tesprimi sentimenti diversi. Se tkun tistaʼ tilħaq udjenza kbira mingħajr ma tagħmel stress fuq leħnek.

KIF JOĦROĠ ID-​DISKORS

Il-​bażi għall-​ħsejjes vokali kollha hi l-​kolonna tal-​arja li int tibgħat ’il fuq minn ġol-​pulmuni tiegħek. Il-​pulmuni jaġixxu bħala minfaħ li jimbottaw l-​arja minn ġol-​pajp tan-​nifs għal ġol-​larinġi li tinsab f’nofs il-​griżmejn. Fil-​larinġi tiegħek, faċċata taʼ xulxin, hemm żewġ saffi żgħar taʼ muskoli li jissejħu l-​kordi vokali. Dawn huma l-​produtturi prinċipali tal-​ħsejjes. Dawn is-​saffi taʼ muskoli jiftħu u jagħlqu l-​passaġġ tal-​arja minn ġol-​larinġi biex iħallu l-​arja tidħol u toħroġ kif ukoll biex iżommu affarijiet mhux mixtiqin ’il barra mill-​pulmuni. Meta tieħu n-​nifs normali ma joħroġ ebda ħoss hekk kif l-​arja toħroġ minn fuq il-​kordi vokali. Imma meta xi ħadd ikun irid jitkellem, il-​muskoli jissikkaw il-​kordi vokali, u dawn jivvibraw hekk kif l-​arja mill-​pulmuni tiġi imbottata ’l barra minn bejniethom. Dan jirriżulta fi ħsejjes.

Iktar ma jkunu mġebbdin il-​kordi vokali, iktar jivvibraw bil-​ħeffa u iktar ikunu għoljin it-​tonijiet tal-​ħsejjes li joħorġu. Mill-​banda l-​oħra, iktar ma jkunu rilassati l-​kordi, iktar ikunu baxxi t-​tonijiet. Wara li joħorġu mil-​larinġi, il-​ħsejjes jidħlu fil-​parti taʼ fuq tal-​griżmejn, imsejħa l-​farinġi. Imbagħad jgħaddu mill-​ħalq u mill-​imnifsejn. Hemmhekk jiġu prodotti tonijiet sottili li jimmodifikaw, jamplifikaw, u jsaħħu t-​ton fundamentali. Is-​saqaf tal-​ħalq kif ukoll l-​ilsien, is-​snien, ix-​xofftejn, u x-​xedaq jaġixxu flimkien biex jaqsmu l-​ħsejjes li jivvibraw. Dawn il-​ħsejjes joħorġu fil-​forma taʼ kliem li jistaʼ jinftiehem.

Il-​leħen uman hu meravilja, ma ssib ebda strument magħmul mill-​bniedem li hu versatili daqsu. Għandu l-​abbiltà li jesprimi sentimenti u emozzjonijiet li jibdew minn imħabba tenera u ġentili sa mibegħda ħarxa u vjolenti. Meta jiġi żviluppat u mħarreġ kif suppost, il-​leħen jistaʼ jkopri livelli sa tliet ottavi u jistaʼ jwassal kemm ħsejjes mużikali mill-​isbaħ kif ukoll kliem li jqanqal il-​qalb.

KIF TEGĦLEB PROBLEMI SPEĊIFIĊI

Leħen dgħajjef. Leħen ġentili mhuwiex neċessarjament wieħed dgħajjef. Jekk fih abbundanza taʼ tonalitajiet pjaċevoli, oħrajn għandhom mnejn jieħdu pjaċir jisimgħuh. Imma biex ikun effettiv, il-​leħen irid ikun għoli biżżejjed.

Biex leħnek iwassal iktar, trid ittejjeb ir-​riżonanza tiegħu. Dan jeħtieġ li titgħallem tirrilassa ġismek kollu, kif inhu deskritt f’din il-​lezzjoni. Jistaʼ jkun taʼ għajnuna li toqgħod attent li tirrilassa ġismek kif ukoll li tkanta minn taħt l-​ilsien b’ħalqek magħluq. Ix-​xofftejn għandhom kemm kemm imissu maʼ xulxin, mhux ikunu magħfusin sew flimkien. Int u tkanta minn taħt l-​ilsien, ħoss il-​vibrazzjonijiet f’rasek u f’sidrek.

Kultant leħen jinstemaʼ dgħajjef jew għajjien minħabba li persuna ma tkunx tiflaħ jew għax ma tkunx raqdet biżżejjed. Ovvjament, jekk is-​sitwazzjoni titjieb, il-​leħen jitjieb ukoll.

Leħen irqiq wisq. Jekk iżżid l-​isforz fuq il-​kordi vokali l-​leħen jirqaq. Leħen li jinstemaʼ sforzat joħloq tensjoni f’min jisimgħu. Jekk tirrilassa l-​muskoli tal-​griżmejn sabiex tnaqqas it-​tensjoni fil-​kordi vokali, int tkun tistaʼ tnaqqas l-​irquqija tal-​leħen. Oqgħod attent li tagħmel dan, billi tipprattika fil-​konversazzjoni taʼ kuljum. Anki li tieħu nifsijiet fondi hu taʼ għajnuna.

Leħen li jinstemaʼ ħiereġ mill-​imnieħer. Kultant din il-​problema hi minħabba imblokkar fl-​imnieħer, imma ġeneralment dan ma jkunx il-​każ. Kultant jekk individwu jagħmel tensjoni fuq il-​muskoli tal-​griżmejn u l-​ħalq, hu jagħlaq l-​imnifsejn u l-​arja ma tkunx tistaʼ tgħaddi bla xkiel. Dan jirriżulta f’vibrazzjoni mill-​imnieħer. Biex tevita li jsir hekk, trid tirrilassa.

Leħen oħxon. Leħen bħal dan ma jqanqalx diskussjoni dħulija bejn tnejn min-​nies. Jistaʼ jġiegħel lil oħrajn iħossuhom mheddin.

F’ċerti każi, fattur bażiku hu l-​bżonn taʼ sforz kontinwu min-​naħa tal-​individwu biex jibdel il-​personalità tiegħu. (Kol. 3:8, 12) Jekk diġà għamilt hekk, tistaʼ tiġi megħjun jekk tapplika l-​prinċipji taʼ kif jaħdem il-​leħen. Irrilassa kemm il-​griżmejn u kemm ix-​xedaq. Dan se jagħmillek leħnek iktar pjaċevoli u se jgħinek tevita li tinstemaʼ ħażin minħabba li ma tkunx qed tiftaħ ħalqek biżżejjed.

KIF TITJIEB

  • Ikkultiva l-​kwalitajiet tal-​personalità Kristjana.

  • Ipprattika li tieħu n-​nifs sew, billi timla l-​parti taʼ isfel tal-​pulmuni tiegħek.

  • Meta titkellem, irrilassa l-​muskoli tiegħek—griżmejk, għonqok, spallejk, ġismek kollu.

TAĦRIĠ: (1) Għal ftit minuti kuljum għal ġimgħa sħiħa, ipprattika li tieħu n-​nifs b’tali mod li timla l-​parti taʼ isfel tal-​pulmuni tiegħek. (2) Għallinqas darba kuljum għal ġimgħa sħiħa, oqgħod attent li tirrilassa l-​muskoli taʼ griżmejk int u titkellem.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja