STUDJU 39
Konklużjoni Effettiva
GĦANDEK mnejn tkun għamilt riċerka bir-reqqa u organizzajt il-materjal għall-parti prinċipali tat-taħdita tiegħek. Forsi tkun ippreparajt ukoll introduzzjoni li tqanqal l-interess. Xorta waħda, hemm bżonn xi ħaġa oħra—konklużjoni effettiva. Tnaqqasx l-importanza tagħha. Dak li tgħid l-aħħar spiss jibqaʼ l-iktar f’moħħ dak li jkun. Jekk il-konklużjoni tkun batuta, anki dak li ntqal qabilha jistaʼ jitlef ħafna mill-effettività tiegħu.
Ikkunsidra dan li ġej: Lejn tmiem ħajtu, Ġożwè ta taħdita memorabbli lill-irġiel ixjeħ tal-ġens taʼ Israel. Wara li rrakkonta l-mod kif Ġeħova ttratta maʼ Israel sa minn żmien Abraham, tenna Ġożwè sempliċement il-punti prinċipali fil-forma taʼ sommarju? Le. Minflok, b’sentiment profond hu ħeġġeġ lin-nies: “Ibżgħu minn Ġeħova u aqduh mingħajr nuqqas u bil-verità.” Aqra għalik innifsek il-konklużjoni taʼ Ġożwè, kif imniżżla f’Ġożwè 24:14, 15.
Taħdita oħra taʼ min jinnotaha, misjuba f’Atti 2:14-36, ngħatat mill-appostlu Pietru lil folla f’Ġerusalemm fil-Festa taʼ Pentekoste tas-sena 33 E.K. L-ewwel hu spjega li huma kienu xhieda tat-twettiq tal-profezija taʼ Ġoel rigward it-tferrigħ tal-ispirtu taʼ Alla. Imbagħad wera kif dan kien konness mal-profeziji Messjaniċi fis-Salmi li bassru l-irxoxt taʼ Ġesù Kristu u l-fatt li tgħolla għal fuq il-lemin taʼ Alla. Imbagħad, fil-konklużjoni tiegħu, Pietru semma biċ-ċar il-kwistjoni li kulħadd fl-udjenza tiegħu kellu bżonn jiffaċċja. Hu qal: “Għalhekk, ħa tkun taf fiċ-ċert id-dar kollha taʼ Israel li lil dan Ġesù, li intom sammartuh maʼ zokk, Alla għamlu kemm Mulej u kemm Kristu.” Dawk preżenti staqsew: “Irġiel, aħwa, x’għandna nagħmlu?” Pietru wieġeb: “Indmu, u ħa jitgħammed kull wieħed minnkom f’isem Ġesù Kristu.” (Atti 2:37, 38) Dakinhar madwar 3,000 ruħ fl-udjenza li kellu, imqanqlin bil-kbir b’dak li kienu semgħu, ħaddnu l-verità dwar Ġesù Kristu.
Punti li Trid Iżżomm f’Moħħok. Dak li tgħid fil-konklużjoni tiegħek għandu jkun relatat direttament mat-tema tat-taħdita tiegħek. Għandu jkun bħala konklużjoni loġika tal-punti prinċipali li tkun żviluppajt. Għalkemm forsi tkun trid tinkludi xi kliem importanti mit-tema tiegħek, m’hemmx għalfejn terġaʼ ssemmiha kelma b’kelma.
Normalment, l-iskop tiegħek meta titkellem hu li tinkuraġġixxi lill-oħrajn biex jieħdu xi tip taʼ azzjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni li tippreżenta. Wieħed mill-iskopijiet prinċipali tal-konklużjoni hu li turihom x’għandhom jagħmlu. Meta għażilt it-tema tiegħek u l-punti prinċipali, ikkunsidrajt bir-reqqa għala l-materjal se jkun importanti għall-udjenza tiegħek u x’se jkun l-iskop tiegħek meta tagħti t-taħdita? Jekk iva, int taf l-azzjoni li tridhom jieħdu. Issa trid tispjega x’inhi dik l-azzjoni u forsi kif jistgħu jwettquha.
Flimkien maʼ li turi lill-udjenza tiegħek x’għandha tagħmel, il-konklużjoni tiegħek għandha tipprovdi motivazzjoni. Għandha tinkludi raġunijiet validi għala trid tittieħed azzjoni u forsi l-benefiċċji li jistgħu jirriżultaw milli wieħed jagħmel dan. Jekk is-sentenza finali hi maħsuba bir-reqqa u mpoġġija tajjeb, din se ssaħħaħ it-taħdita tiegħek kollha kemm hi.
Żomm f’moħħok li t-taħdita waslet fi tmiemha. Dak li tgħid għandu jindika dan. Il-pass tiegħek ukoll għandu jkun xieraq. Titkellimx bl-għaġla sat-tmiem u mbagħad tieqaf ħesrem. Mill-banda l-oħra, tħallix leħnek sempliċement jispiċċa fix-xejn. Leħnek għandu jkun għoli biżżejjed iżda mhux jgħajjat. L-aħħar ftit sentenzi għandhom juru li wasalt biex tispiċċa. Int u tgħidhom trid turi ħeġġa u konvinzjoni. Meta tipprepara kif se tagħti t-taħdita tiegħek, kun żgur li tipprattika l-konklużjoni tiegħek.
Kemm għandha tkun twila l-konklużjoni? Din mhix xi ħaġa li trid tiġi determinata biss mill-ħin. Il-konklużjoni m’għandhiex tkarkar. Tistaʼ tinduna jekk hijiex taʼ tul xieraq minn kif tirreaġixxi l-udjenza. Konklużjoni sempliċi, diretta, u pożittiva dejjem tkun apprezzata. Konklużjoni pjuttost itwal li tinkludi tixbiha qasira tistaʼ wkoll tkun effettiva jekk tkun pjanata bir-reqqa. Qabbel il-konklużjoni qasira tal-ktieb kollu kemm hu taʼ Ekkleżjasti, li nsibu f’Ekkleżjasti 12:13, 14, mal-konklużjoni tal-prietka ħafna iqsar taʼ fuq il-muntanja, imniżżla f’Mattew 7:24-27.
Fil-Ministeru tal-Għalqa. L-iktar post fejn ikollok bżonn tagħmel konklużjonijiet hu fil-ministeru tal-għalqa. Bil-preparazzjoni u l-interess kollu mħabba fin-nies, int tistaʼ twettaq ħafna ġid. Il-parir imniżżel fil-paġni taʼ qabel jistaʼ jkun taʼ benefiċċju meta jiġi applikat anki jekk tadattah għal konversazzjoni bejn tnejn min-nies.
Konversazzjoni tistaʼ tkun tassew qasira. Il-persuna jistaʼ jkollha ħafna x’tagħmel. Iż-żjara tiegħek kollha kemm hi tistaʼ tieħu biss minuta b’kollox. Jekk inhu xieraq, tistaʼ tgħid xi ħaġa hekk: “Nistaʼ nifhem li għandek ħafna x’tagħmel. Iżda ppermettili nħallik bi ħsieb inkuraġġanti. Il-Bibbja turi li l-Ħallieq tagħna għandu skop meraviljuż—li jagħmel din l-art post fejn in-nies jistgħu jgawdu l-ħajja għal dejjem. Aħna nistgħu nkunu f’dik il-Ġenna tal-art, iżda għandna bżonn nitgħallmu x’jirrikjedi Alla.” Jew tistaʼ sempliċement toffri li terġaʼ tmur f’ħin iktar konvenjenti.
Jekk iż-żjara tinqataʼ ħesrem minħabba li l-inkwilin ikun kemxejn goff—saħansitra maledukat—xorta tistaʼ twettaq ħafna ġid. Żomm f’moħħok il-parir li nsibu f’Mattew 10:12, 13 u Rumani 12:17, 18. It-tweġiba ħelwa tiegħek tistaʼ tibdel il-ħarsa tiegħu lejn ix-Xhieda taʼ Ġeħova. B’dan tkun għamilt xi ħaġa mill-aqwa.
Mill-banda l-oħra, forsi kellek konversazzjoni sodisfaċenti mal-inkwilin. Għala ma tirripetix il-punt prinċipali li tridu jiftakar? Agħtih motivazzjoni biex jagħmel xi ħaġa dwar dak li għedtu.
Jekk tara opportunità għal iktar diskussjoni f’ħin ieħor, agħti l-persuna raġuni biex tħares ’il quddiem għaliha. Staqsi mistoqsija—forsi waħda li hi diskussa fil-ktieb Reasoning From the Scriptures, jekk inhu disponibbli b’lingwa li tifhimha, jew xi pubblikazzjoni disinjata biex tikkonduċi studji tal-Bibbja fid-dar. Żomm f’moħħok il-mira tiegħek kif semma Ġesù u kif insibuha miktuba f’Mattew 28:19, 20.
Qiegħed int tikkonkludi studju tal-Bibbja fid-dar? Meta terġaʼ ssemmi t-tema se tgħin lill-istudent jiftakar dak li ġie diskuss. L-użu tal-mistoqsijiet se jgħin biex il-punti prinċipali jidħlu f’moħħ l-istudent, speċjalment jekk ir-reviżjoni ma tkunx mgħaġġla. Mistoqsija rigward kif il-materjal studjat jistaʼ jkun taʼ benefiċċju għall-istudent jew kif jistaʼ jaqsmu maʼ oħrajn tistaʼ tgħinu jaħseb dwar kif jipprattika dak li tgħallem.—Prov. 4:7.
Ftakar—il-konklużjoni tiegħek tinfluwenza l-effettività tad-diskussjoni tiegħek kollha kemm hi.