Kapitlu Wieħed
L-Unità fil-Qima fi Żmienna—Xi Tfisser?
1, 2. (a) Liema attività mqanqla qed isseħħ fi żmienna? (b) X’tama meraviljuża għandhom in-nies taʼ qalb onesta?
MADWAR il-globu hemm attività mqanqla lejn l-unità fil-qima. Din qed tgħaqqad flimkien miljuni taʼ nies minn kull ġens, tribù, u lsien. Kull sena dawn dejjem qed jiżdiedu. Fil-Bibbja huma identifikati bħala “xhieda” taʼ Jehovah u jissejħu “kotra kbira.” ‘Lejl u nhar qed jaqdu’ lil Alla. (Isaija 43:10-12; Apokalissi 7:9-15) Għala jagħmluh dan? Għax għarfu li Jehovah huwa l-uniku Alla veru. Dan iqanqalhom biex jgħixu ħajjithom fi qbil mal-livelli ġusti u sewwa tiegħu. Ukoll, huma tgħallmu li qed ngħixu fl-aħħar jiem taʼ din id-dinja preżenti mill-agħar, li dalwaqt Alla se jeqridha, u minflokha se jkun hawn dinja ġdida magħmula ġenna.—2 Timotju 3:1-5, 13; 2 Pietru 3:10-13.
2 Il-Kelma t’Alla twiegħed: “Ftit ieħor, u l-ħażin ma jkunx aktar . . . Imma l-ġwejdin għad jirtu l-art, u bi sliem kotran jitgħaxxqu.” (Salm 37:10, 11) “Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.” (Salm 37:29) “[Alla] jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.”—Apokalissi 21:4.
3. Kif qed tintlaħaq l-unità vera fil-qima?
3 Dawk li issa qed jingħaqdu fil-qima vera jifformaw l-ewwel residenti taʼ din id-dinja l-ġdida. Huma tgħallmu x’inhi r-rieda t’Alla u qed iwettquha b’ħilithom kollha. Biex juri l-importanza taʼ dan, Ġesù qal: “Din hi l-ħajja taʼ dejjem, li jagħrfu lilek, Alla waħdek veru, u lil Ġesù Kristu, li inti bgħatt.” (Ġwann 17:3) L-appostlu Ġwanni kiteb: “Id-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwann 2:17.
Xi Tfisser Verament
4. (a) Xi jfisser verament il-ġbir taʼ tant nies għall-qima magħquda fi żmienna? (b) Il-Bibbja kif tiddeskrivih dan il-ġbir?
4 Xi jfisser verament il-ġbir taʼ tant nies għall-qima magħquda fi żmienna? Hija evidenza ċara li ninsabu ferm qrib it-tmiem taʼ din id-dinja mill-agħar, u eżatt wara dan se tibda d-dinja l-ġdida t’Alla. Qed naraw b’għajnejna stess it-twettiq tal-profeziji Bibliċi li bassru dan il-ġbir importanti. Waħda minn dawn il-profeziji tgħid: “Għad jiġri fl-aħħar jiem li l-għolja taʼ dar il-Mulej [il-qima vera u kbira tiegħu] togħla ’l fuq mill-qċaċet tal-muntanji [’il fuq minn kwalunkwe xorta taʼ qima oħra] . . . Lejha għad jiġu l-popli kollha, kotra sħiħa taʼ ġnus għad jiġu u jgħidu: ‘Immorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej, lejn id-dar taʼ Alla taʼ Ġakobb, biex jgħallimna triqatu, biex aħna nimxu fi triqtu.’”—Mikea 4:1, 2; Salm 37:34.
5, 6. (a) Kif jistaʼ jingħad li l-ġnus qed iduru lejn Jehovah? (b) Liema mistoqsijiet għandna nistaqsu lilna nfusna?
5 Filwaqt li m’humiex ġnus sħaħ li qed jippreżentaw ruħhom fid-dar spiritwali taʼ Jehovah għall-qima, hemm miljuni taʼ individwi mill-ġnus kollha li qed jagħmlu dan. Hekk kif jitgħallmu dwar l-iskop kollu mħabba u l-personalità sabiħa t’Alla Jehovah li tiġbdek lejh, huma jitqanqlu mill-fond taʼ qalbhom. B’umiltà huma jipprovaw isibu dak li Alla jirrikjedi minnhom. It-talba tagħhom hi bħal dik tas-salmista li qal: “Għallimni nagħmel ir-rieda tiegħek, għax int Alla tiegħi.”—Salm 143:10.
6 Tara int lilek innifsek fost il-kotra kbira taʼ nies li Jehovah qed jgħaqqad flimkien f’qima magħquda? Qiegħed turi r-reazzjoni tiegħek għall-istruzzjoni li rċivejt mill-Kelma tiegħu u li int tassew tapprezza li Jehovah huwa s-Sors taʼ dan it-tagħlim? Sa liema punt ‘timxi fi triqtu’?
Kif Tinkiseb
7. (a) Sa liema punt għad trid tintlaħaq l-unità fil-qima? (b) Għala huwa urġenti li wieħed isir aduratur taʼ Jehovah issa, u kif nistgħu ngħinu lil oħrajn jagħmlu dan?
7 L-iskop taʼ Jehovah għall-ħlejjaq intelliġenti kollha tiegħu huwa li jingħaqdu fil-qima vera. Kemm nixxennqu għal dak il-jum meta dawk kollha ħajjin se jqimu lill-uniku Alla veru! (Salm 103:19-22) Imma qabel ma dan jistaʼ jseħħ, Jehovah irid jelimina lil dawk kollha li jirrifjutaw li jagħmlu r-rieda ġusta u sewwa tiegħu. Kollu mogħdrija, hu jwissi minn qabel dwar dak li jkun se jagħmel, sabiex in-nies kullimkien jistaʼ jkollhom l-opportunità li jbiddlu l-mod kif jaġixxu. (Isaija 55:6, 7) B’hekk, fi żmienna lin-nies taʼ “kull ġens, tribù, lsien u poplu,” qed isirilhom dan l-appell urġenti: “Ibżgħu minn Alla u agħtuh glorja, għax ġiet is-siegħa tal-ħaqq tiegħu, u inxteħtu agħtu qima lil dak li għamel is-sema u l-art u l-baħar u l-għejun taʼ l-ilmijiet.” (Apokalissi 14:6, 7) Aċċettajtha int din l-istedina? Jekk iva, huwa l-privileġġ tiegħek li tistieden lil oħrajn biex isiru jafu u jqimu lil Alla veru.
8. Wara li nitgħallmu t-tagħlim bażiku tal-Bibbja, liema progress ieħor irridu nipprovaw nagħmlu b’ħilitna kollha?
8 M’huwiex l-iskop taʼ Jehovah li jaċċetta qima mingħand nies li jgħidu li jemmnu fih u fl-istess ħin ikomplu jiġru wara l-interessi tagħhom stess. Alla jrid li n-nies ‘jagħrfu sewwa r-rieda tiegħu’ u dan juruh bil-mod kif jgħixu ħajjithom. (Kolossin 1:9, 10) B’hekk, nies grati li jitgħallmu t-tagħlim bażiku tal-Bibbja għandhom jimxu ’l quddiem lejn il-maturità Kristjana. Ix-xewqa tagħhom hi li jsiru jafu lil Jehovah b’mod iktar intimu, li jkabbru l-għarfien tagħhom billi jħaffru fil-fond fil-Kelma tiegħu, u japplikawha iktar bis-sħiħ f’ħajjithom. Huma jipprovaw jirriflettu l-kwalitajiet taʼ Missierna tas-sema u jħarsu lejn l-affarijiet bħalma jħares lejhom hu. Dan iqanqalhom biex isibu modi kif jieħdu sehem fix-xogħol taʼ salvazzjoni li Jehovah qed jorganizza fuq l-art fi żmienna. Hija din ix-xewqa tiegħek ukoll?—Mark 13:10; Lhud 5:12–6:3.
9. B’liema modi l-unità vera hija possibbli issa?
9 Il-Bibbja turi li dawk li jaqdu lil Jehovah iridu jkunu poplu magħqud. (Efesin 4:1-3) Din l-unità għandha teżisti minn issa, avolja qed ngħixu f’dinja maqsuma u għadna nitħabtu bl-imperfezzjonijiet tagħna stess. Ġesù talab bil-ħrara biex id-dixxipli kollha tiegħu jkunu ħaġa waħda, u jgawdu l-unità vera. Dan xi jkun ifisser? L-ewwelnett, li huma jkollhom relazzjoni tajba maʼ Jehovah u maʼ Ibnu. It-tieni, li jkunu magħqudin bejniethom. (Ġwann 17:20, 21) Għal dan l-għan, il-kongregazzjoni Kristjana sservi bħala l-organizzazzjoni li permezz tagħha Jehovah jistruwixxi lill-poplu tiegħu.
Liema Fatturi Jikkontribwixxu għall-Unità?
10. (a) X’niżviluppaw meta nużaw il-Bibbja personalment biex nirraġunaw fuq it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jeffettwawna? (b) Analizza l-fatturi li jikkontribwixxu għall-unità Kristjana billi twieġeb il-mistoqsijiet imniżżlin f’dan il-paragrafu.
10 Issa se naraw sebaʼ fatturi li jikkontribwixxu għall-unità fil-qima. Hekk kif twieġeb il-mistoqsijiet li hemm magħhom, aħseb ftit dwar kif kull punt jeffettwa r-relazzjoni tiegħek maʼ Jehovah u mal-Kristjani sħabek. Jekk tirraġuna fuq dawn il-punti u tfittex l-iskritturi li huma ċitati, imma mhux kwotati, dan se jgħinek tiżviluppa l-għerf divin, l-abbiltà taʼ ħsieb, u d-dehen—kwalitajiet li lkoll kemm aħna għandna bżonn. (Proverbji 5:1, 2; Filippin 1:9-11) Ikkunsidra dawn il-fatturi wieħed wieħed.
(1) Aħna nagħrfu l-fatt li Jehovah għandu d-dritt jgħidilna x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. “Ittama fil-Mulej b’qalbek kollha, u tafdax fl-għaqal tiegħek. Fih aħseb f’kull ma tagħmel, u hu jwittilek triqatek.”—Proverbji 3:5, 6.
Għala għandna nfittxu l-pariri u l-gwida taʼ Jehovah meta nieħdu d-deċiżjonijiet? (Salm 146:3-5; Isaija 48:17)
(2) Aħna għandna l-Kelma t’Alla biex tiggwidana. “Il-kelma taʼ Alla, li intom smajtu mingħandna, lqajtuha mhux bħala kelma taʼ bniedem, iżda bħala kelma taʼ Alla, kif tassew hi, dik il-kelma li qiegħda taħdem fikom li emmintu.”—1 Tessalonikin 2:13.
Liema periklu hemm meta sempliċement nagħmlu dak li “nħossu” li hu tajjeb? (Proverbji 14:12; Ġeremija 10:23, 24; 17:9)
Jekk ma nkunux nafu x’pariri tagħti l-Bibbja dwar xi ħaġa partikulari, x’għandna nagħmlu? (Proverbji 2:3-5; 2 Timotju 3:16, 17)
(3) Aħna lkoll nibbenefikaw mill-istess programm taʼ ikel spiritwali. “Uliedek ilkoll ikunu mgħallma mill-Mulej.” (Isaija 54:13) “Naraw kif nistgħu nħajjru lil xulxin għall-imħabba u għall-għemil tajjeb. Ma ninqatgħux mil-laqgħat tagħna flimkien, kif ħadu d-drawwa jagħmlu xi wħud; agħmlu l-qalb lil xulxin; u dan wisq aktar għandkom tagħmluh, aktar ma taraw li qiegħed joqrob il-Jum [tal-qerda].”—Lhud 10:24, 25.
Liema benefiċċji hemm għal dawk li jieħdu vantaġġ sħiħ mill-arranġamenti taʼ Jehovah għall-ikel spiritwali? (Isaija 65:13, 14)
(4) Ġesù Kristu, u mhux xi bniedem, huwa l-Mexxej tagħna. “Tħallux min isejjħilkom Rabbi, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejjħu lil ħadd missierkom fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet. Hekk ukoll tħallux min isejjħilkom mexxejja, għax il-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija.”—Mattew 23:8-10.
Għandu xi ħadd minna jaħseb li hu superjuri għal ħaddieħor? (Rumani 3:23, 24; 12:3)
(5) Aħna nħarsu lejn il-gvern tas-Saltna t’Alla bħala l-unika tama għall-umanità. “Mela itolbu hekk: ‘Missierna, li inti fis-smewwiet, jitqaddes ismek, tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.’ Mela fittxu l-ewwel is-Saltna u l-ġustizzja taʼ Alla.”—Mattew 6:9, 10, 33.
Li ‘nfittxu l-ewwel is-Saltna’ kif jgħinna nipproteġu l-unità tagħna? (Mikea 4:3; 1 Ġwann 3:10-12)
(6) L-ispirtu qaddis jipproduċi fl-aduraturi taʼ Jehovah il-kwalitajiet li huma vitali għall-unità Kristjana. “Il-frott taʼ l-Ispirtu huma: l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.”—Galatin 5:22, 23.
X’irridu nagħmlu sabiex l-ispirtu t’Alla jipproduċi l-frott tiegħu ġewwa fina? (Atti 5:32)
Il-fatt li jkollna l-ispirtu t’Alla kif jinfluwenza r-relazzjoni tagħna mal-Kristjani sħabna? (Ġwann 13:35; 1 Ġwann 4:8, 20, 21)
(7) L-aduraturi veri t’Alla kollha jieħdu sehem fl-ippridkar taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna tiegħu. “Dan l-Evanġelju tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14.
X’għandu jqanqalna biex inkunu rridu nieħdu sehem sħiħ f’din l-attività taʼ l-ippridkar? (Mattew 22:37-39; Rumani 10:10)
11. X’effett se jkollu fuqna meta napplikaw il-veritajiet Bibliċi f’ħajjitna?
11 Meta nqimu lil Jehovah f’unità nersqu iktar qrib tiegħu u jgħinna ngawdu sħubija rifreskanti mal-kredenti sħabna. Salm 133:1 jgħid: “Kemm hi ħaġa sabiħa u ħelwa, li l-aħwa jgħammru flimkien [f’unità]!” Kemm huwa rifreskanti li naħarbu mid-dinja bl-egoiżmu, l-immoralità, u l-vjolenza kollha tagħha u nissieħbu fil-laqgħat maʼ dawk li verament iħobbu lil Jehovah u jobdu l-liġijiet tiegħu!
Nevitaw Affarijiet li Jġibu l-Firda
12. Għala għandna bżonn nevitaw spirtu taʼ indipendenza?
12 Sabiex ma nħassrux l-unità globali prezzjuża tagħna, irridu nevitaw l-affarijiet li jġibu l-firda. Waħda minnhom hi l-ispirtu taʼ indipendenza minn Alla u mil-liġijiet tiegħu. Jehovah jgħinna nevitawh billi jirrivela lil dak li vvintah, Satana x-Xitan. (2 Korintin 4:4; Apokalissi 12:9) Satana hu dak li influwenza lil Adam u Eva biex jinjoraw dak li kien qal Alla u biex jieħdu deċiżjonijiet kontra r-rieda Tiegħu. Ir-riżultat kien gwaj għalihom u għalina. (Ġenesi 3:1-6, 17-19) Din id-dinja hija mimlija bl-ispirtu taʼ indipendenza minn Alla u mil-liġijiet tiegħu. Għalhekk, għandna bżonn irrażżnu dan l-ispirtu ġewwa fina.
13. X’se juri jekk aħniex nippreparaw sinċerament għall-ħajja fid-dinja l-ġdida, ġusta u sewwa t’Alla?
13 Per eżempju, ikkunsidra l-wegħda taʼ l-għaġeb li Jehovah se jbiddel din id-dinja preżenti mill-agħar maʼ smewwiet ġodda u art ġdida fejn “tgħammar il-ġustizzja.” (2 Pietru 3:13) M’għandux dan iqanqalna biex nibdew nippreparaw ħalli ngħixu f’dak iż-żmien meta se jirrenjaw il-ġustizzja u s-sewwa? Dan ifisser li nagħtu kas il-parir sempliċi tal-Bibbja: “Tħobbux id-dinja u anqas dak li hemm fiha. Jekk xi ħadd iħobb id-dinja, l-imħabba tal-Missier ma tgħammarx fih.” (1 Ġwann 2:15) Għaldaqstant, aħna naħarbu l-ispirtu taʼ din id-dinja—l-attitudni indipendenti, l-interess żejjed fina nfusna, l-immoralità, u l-vjolenza. Aħna npoġġu fil-prattika d-drawwa li nagħtu widen lil Jehovah u li nobduh minn qalbna, minkejja kwalunkwe inklinazzjoni opposta tal-ġisem imperfett tagħna. Ħajjitna kollha tagħti evidenza li l-ħsibijiet u l-motivi tagħna huma diretti lejn li nagħmlu r-rieda t’Alla.—Salm 40:9 (40:8, New World Translation).
14. (a) Għala huwa importanti li naħtfu l-opportunità issa biex nitgħallmu dwar it-triqat taʼ Jehovah u nsegwuhom f’ħajjitna? (b) L-iskritturi ċitati fil-paragrafu xi jfissru għalina personalment?
14 Meta jasal iż-żmien maħtur biex Jehovah jeqred din is-sistema t’affarijiet mill-agħar u lil dawk kollha li jippreferu t-triqat tagħha, hu mhux se joqgħod jitnikker. Mhux se jtawwal iż-żmien jew ibiddel il-livelli tiegħu biex jissodisfa lil dawk li għadhom qed jipprovaw iżommu mad-dinja filwaqt li jitgħallmu r-rieda t’Alla u jagħmluha b’nofs qalb. Issa huwa ż-żmien għall-azzjoni! (Luqa 13:23, 24; 17:32; 21:34-36) Għalhekk, kemm nifirħu meta naraw il-kotra kbira taħtaf din l-opportunità prezzjuża, hekk kif tfittex bil-ħerqa l-istruzzjoni li Jehovah jipprovdi permezz tal-Kelma u l-organizzazzjoni tiegħu u f’unità timxi fi triqatu lejn id-dinja l-ġdida! U iktar ma nitgħallmu dwar Jehovah, iktar se nħobbuh u iktar inkunu rridu naqduh.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
• X’inhu l-iskop taʼ Jehovah rigward il-qima?
• Wara li nkunu ħadna t-tagħlim bażiku tal-Bibbja, liema progress ieħor irridu nipprovaw nagħmlu b’ħilitna kollha?
• X’nistgħu nagħmlu individwalment biex inkunu f’unità m’aduraturi oħrajn taʼ Jehovah?
[Stampa f’paġna 4]
‘Il-ġwejdin jirtu l-art u bi sliem kotran jitgħaxxqu’