Kapitlu Tnax
It-Tifsira tal-Magħmudija Tiegħek
1. Il-magħmudija fl-ilma għala għandha tkun taʼ interess għal kull wieħed u waħda minna?
ĠESÙ tgħammed fis-sena 29 E.K. meta ġie mgħaddas minn Ġwanni l-Għammied fix-Xmara Ġordan. Jehovah innifsu kien qed jara kollox u esprima l-approvazzjoni tiegħu. (Mattew 3:16, 17) B’hekk, Ġesù ħalla mudell biex isegwuh id-dixxipli kollha tiegħu. Tliet snin u nofs wara, Ġesù ta dawn l-istruzzjonijiet lid-dixxipli tiegħu: “Lili ngħatat kull setgħa fis-sema u fl-art. Morru, mela, agħmlu dixxipli mill-ġnus kollha, u għammduhom fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu.” (Mattew 28:18, 19) Tgħammidt int fi qbil maʼ dak li kkmanda Ġesù hawnhekk? Jekk le, qed tipprepara biex tagħmel dan?
2. F’konnessjoni mal-magħmudija, liema mistoqsijiet għandhom bżonn jiġu mwieġba?
2 Hu x’inhu l-każ, fehma ċara dwar il-magħmudija hija importanti għal kulmin irid jaqdi lil Jehovah u jgħix fid-dinja l-ġdida, ġusta u sewwa tiegħu. Mistoqsijiet li jixirqilhom tweġiba jinkludu dawn: Il-magħmudija tal-Kristjani llum għandha l-istess tifsira bħall-magħmudija taʼ Ġesù? Xi jfisser li titgħammed “fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu”? X’jinvolvi li tgħix fi qbil maʼ dak li tfisser il-magħmudija Kristjana fl-ilma?
Magħmudijiet Imwettqin minn Ġwanni
3. Għal min kienet limitata l-magħmudija taʼ Ġwanni?
3 Madwar sitt xhur qabel ma tgħammed Ġesù, Ġwanni l-Għammied mar jippriedka fid-deżert tal-Lhudija jgħid: “Indmu, għax is-saltna tas-smewwiet waslet.” (Mattew 3:1, 2) In-nies kienu jisimgħu dak li jgħid Ġwanni u jagħtu kas it-twissija. Kienu jistqarru dnubiethom fil-pubbliku, jindmu minnhom, u mbagħad imorru għand Ġwanni biex jgħammidhom fix-Xmara Ġordan. Din il-magħmudija kienet għal-Lhud biss.—Luqa 1:13-16; Atti 13:23, 24.
4. Għala l-Lhud fl-ewwel seklu kellhom bżonn urġenti li jindmu?
4 Dawk il-Lhud kellhom bżonn jindmu b’mod urġenti. Ħdejn il-Muntanja Sinaj fis-sena 1513 Q.E.K., missirijiethom kienu daħlu f’patt nazzjonali—qbil formali u solenni—m’Alla Jehovah. Imma minħabba d-dnubiet kbar tagħhom, huma ma wettqux ir-responsabbiltajiet tagħhom taħt dak il-patt, u għalhekk ġew kundannati minnu. Sa żmien Ġesù s-sitwazzjoni tagħhom kienet kritika. “Jum il-Mulej u Jum il-biżaʼ” mbassar minn Malakija kien fil-qrib. Fis-sena 70 E.K., dak il-“Jum” ġie meta l-armati Rumani qerdu lil Ġerusalemm, it-tempju tagħha, u ’l fuq minn miljun Lhudi. Qabel dik il-qerda ntbagħat Ġwanni l-Għammied, mimli żelu għall-qima vera, “ħalli jlesti poplu mħejji sewwa għall-Mulej.” Huma kellhom bżonn jindmu mid-dnubiet tagħhom kontra l-patt tal-Liġi Mosajka u jkunu preparati biex jaċċettaw lil Ġesù, l-Iben t’Alla, li Jehovah kien se jibagħtilhom biex isalvaw.—Malakija 3:22-24 (4:4-6, NW); Luqa 1:17; Atti 19:4.
5. (a) Meta Ġesù mar biex jitgħammed, Ġwanni għala oġġezzjona? (b) X’kienet tissimbolizza l-magħmudija taʼ Ġesù?
5 Fost dawk li ġew għand Ġwanni biex jitgħammdu kien hemm Ġesù nnifsu. Imma għala? Peress li kien jaf li Ġesù ma kellu l-ebda dnub x’jistqarr, Ġwanni qal: “Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u int tiġi għandi?” Imma l-magħmudija taʼ Ġesù kellha tissimbolizza xi ħaġa differenti. Għalhekk, Ġesù wieġbu: “Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu biex intemmu s-sewwa kollu.” (Mattew 3:13-15) Peress li Ġesù kien mingħajr dnub, il-magħmudija tiegħu ma kinitx tissimbolizza l-indiema mid-dnub; lanqas ma kellu għalfejn jiddedika lilu nnifsu lil Alla, ladarba kien membru taʼ ġens diġà dedikat lil Jehovah. Minflok, il-magħmudija tiegħu fl-età taʼ 30 sena kienet unika għalih, u kienet tissimbolizza l-preżentazzjoni tiegħu nnifsu lil Missieru tas-sema biex jagħmel ir-rieda Tiegħu.
6. Kemm kien ħerqan Ġesù biex jagħmel ir-rieda t’Alla?
6 Ir-rieda t’Alla għal Kristu Ġesù kienet tinvolvi attività f’konnessjoni mas-Saltna. (Luqa 8:1) Kienet tinvolvi wkoll is-sagrifiċċju tal-ħajja umana perfetta tiegħu bħala fidwa u bħala l-bażi għal patt ġdid. (Mattew 20:28; 26:26-28; Lhud 10:5-10) Ġesù ħa verament bis-serjetà dak li kienet tissimbolizza l-magħmudija tiegħu fl-ilma. Ma ħalliex interessi oħra jtellfulu l-attenzjoni tiegħu. Sa tmiem ħajtu fuq l-art, hu wettaq fedelment ir-rieda t’Alla, billi għamel l-ippridkar tas-Saltna t’Alla x-xogħol primarju tiegħu.—Ġwann 4:34.
Il-Magħmudija fl-Ilma għad-Dixxipli Kristjani
7. Minn Pentekoste tas-sena 33 E.K., il-Kristjani x’intqalilhom biex jagħmlu f’konnessjoni mal-magħmudija?
7 L-ewwel dixxipli taʼ Ġesù tgħammdu fl-ilma minn Ġwanni u mbagħad ġew diretti lejn Ġesù bħala membri prospettivi tas-Saltna fis-sema. (Ġwann 3:25-30) Taħt id-direzzjoni taʼ Ġesù dawn id-dixxipli wkoll għammdu lil xi wħud, u din il-magħmudija kellha l-istess tifsira taʼ dik li wettaq Ġwanni. (Ġwann 4:1, 2) Madankollu, b’seħħ minn Pentekoste tas-sena 33 E.K., huma bdew iwettqu l-inkarigu li jgħammdu “fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu.” (Mattew 28:19) Se ssibu tassew taʼ benefiċċju li tirrivedi dan xi jfisser.
8. Xi jfisser li tkun mgħammed “fl-isem tal-Missier”?
8 Xi jfisser li titgħammed “fl-isem tal-Missier”? Ifisser li taċċetta l-isem, il-pożizzjoni, l-awtorità, l-iskop, u l-liġijiet tiegħu. Ikkunsidra dan x’jinvolvi. (1) Rigward ismu, Salm 83:19 (83:18, NW) jgħid: “Jaħweh hu ismek, li int waħdek l-Għoli fuq l-art kollha.” (2) Rigward il-pożizzjoni tiegħu, it-2 Slaten 19:15 jistqarr: ‘Mulej, int waħdek Alla [veru].’ (3) Dwar l-awtorità tiegħu, Apokalissi 4:11 jgħidilna: “Jistħoqqlok, Mulej Alla tagħna, li tilqaʼ l-glorja u l-ġieħ u s-setgħa, għax int ħlaqt il-ħlejjaq kollha, u huma kienu u nħolqu bir-rieda tiegħek.” (4) Irridu nagħrfu wkoll li Jehovah huwa l-Għajn tal-Ħajja, li l-iskop tiegħu hu li jsalvana mid-dnub u l-mewt: “Tiegħek, Mulej, ir-rebħa [“is-salvazzjoni,” NW].” (Salm 3:9 [3:8, NW]; 36:10 [36:9, NW]) (5) Irridu naċċettaw li Jehovah huwa l-Leġislatur Suprem: “Il-Mulej hu l-imħallef tagħna; il-Mulej il-leġislatur tagħna. Il-Mulej is-sultan tagħna.” (Isaija 33:22) Ladarba għandu dawn il-pożizzjonijiet kollha, aħna mħeġġin: “Ħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, u b’moħħok kollu.”—Mattew 22:37.
9. Xi jfisser li titgħammed “fl-isem . . . taʼ l-Iben”?
9 Xi tfisser il-magħmudija “fl-isem . . . taʼ l-Iben”? Tfisser li wieħed jirrikonoxxi l-isem, il-pożizzjoni, u l-awtorità taʼ Ġesù Kristu. Isem Ġesù jfisser “Jehovah Hu Salvazzjoni.” Hu jirċievi l-pożizzjoni tiegħu mill-fatt li hu l-Iben uniġenitu t’Alla, l-ewwel imwieled mill-ħolqien t’Alla. (Mattew 16:16; Kolossin 1:15, 16) Dwar dan l-Iben, Ġwann 3:16 jgħidilna: “Alla hekk ħabb lid-dinja [taʼ bnedmin li jistgħu jiġu mifdija] li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja taʼ dejjem.” Peress li Ġesù miet leali, Alla rxoxtah mill-mewt u tah iktar awtorità. Skond l-appostlu Pawlu, Alla “għollieh,” lil Ġesù, għal pożizzjoni superjuri fl-univers, it-tieni wieħed wara Jehovah innifsu. Għalhekk “fl-isem taʼ Ġesù . . . il-ħlejjaq kollha jinżlu għarkubbtejhom, u kull ilsien jistqarr: ‘Ġesù Kristu hu l-Mulej, għall-glorja taʼ Alla l-Missier.’” (Filippin 2:9-11) Dan ifisser li nobdu l-kmandamenti taʼ Ġesù, li jiġu mingħand Jehovah innifsu.—Ġwann 15:10.
10. Xi jfisser li titgħammed “fl-isem . . . taʼ l-Ispirtu s-Santu”?
10 Xi jfisser li titgħammed “fl-isem . . . taʼ l-Ispirtu s-Santu”? Ifisser li nagħrfu l-irwol u l-attività taʼ l-ispirtu qaddis. U x’inhu l-ispirtu qaddis? Huwa l-forza attiva taʼ Jehovah, li biha jwettaq l-iskopijiet tiegħu. Ġesù qal lis-segwaċi tiegħu: “Jiena nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor biex jibqaʼ magħkom għal dejjem. L-Ispirtu tal-verità.” (Ġwann 14:16, 17) Dan x’kien se jgħinhom iwettqu? Ġesù qalilhom ukoll: “Meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art.” (Atti 1:8) Permezz taʼ l-ispirtu qaddis, Jehovah ispira wkoll il-kitba tal-Bibbja: “Qatt ma kien li xi profezija ġiet mir-rieda tal-bnedmin; imma, meta l-bnedmin tkellmu f’isem Alla, dan għamluh għax kienu mqanqlin mill-Ispirtu s-Santu.” (2 Pietru 1:21) Għalhekk, aħna nirrikonoxxu l-irwol taʼ l-ispirtu qaddis meta nistudjaw il-Bibbja. Mod ieħor li bih nirrikonoxxu l-ispirtu qaddis hu billi nitolbu lil Jehovah jgħinna nipproduċu “l-frott taʼ l-Ispirtu,” li hu “l-imħabba, l-hena, is-sliem, is-sabar, il-ħniena, it-tjieba, il-fidi, il-ħlewwa, ir-rażan.”—Galatin 5:22, 23.
11. (a) X’inhi t-tifsira vera tal-magħmudija fi żmienna? (b) Il-magħmudija kif tistaʼ titqies bħala li wieħed imut u jerġaʼ jiġi mqajjem?
11 L-ewwel nies li tgħammdu fi qbil maʼ l-istruzzjonijiet taʼ Ġesù kienu Lhud u proseliti Lhud, b’seħħ mis-sena 33 E.K. Ftit wara dan, is-Samaritani wkoll ngħataw il-privileġġ li jsiru dixxipli Kristjani. Imbagħad, fis-sena 36 E.K., is-sejħa bdiet tinkludi wkoll lil Ġentili mhux ċirkonċiżi. Qabel ma jitgħammdu, is-Samaritani u l-Ġentili kellhom jagħmlu dedikazzjoni persunali lil Jehovah biex jaqduh bħala dixxipli taʼ Ibnu. Din baqgħet it-tifsira tal-magħmudija Kristjana fl-ilma sa llum. Tgħaddis komplet taħt l-ilma huwa simbolu xieraq taʼ din id-dedikazzjoni persunali, ladarba l-magħmudija hija difna simbolika. Il-fatt li tinżel taħt l-ilmijiet tal-magħmudija jirrappreżenta li qed tmut għall-ħajja li kellek qabel. Meta toħroġ mill-ilma jissimbolizza li qed tieħu l-ħajja mill-ġdid biex tagħmel ir-rieda t’Alla. Din il-“magħmudija waħda” tapplika għal dawk kollha li jsiru Kristjani veri. Fil-magħmudija huma jsiru Xhieda Kristjani taʼ Jehovah, ministri ordnati t’Alla.—Efesin 4:5; 2 Korintin 6:3, 4.
12. Maʼ xiex tikkorrispondi l-magħmudija Kristjana fl-ilma, u kif?
12 Magħmudija bħal din għandha valur kbir taʼ salvazzjoni f’għajnejn Alla. Per eżempju, wara li semma l-bini taʼ l-arka minn Noè, li fiha ġew preservati hu u l-familja tiegħu mid-Dilluvju, l-appostlu Pietru kiteb: “Dan l-ilma kien ifisser il-magħmudija, li issa ssalva lilkom ukoll. Mhux għax tnaddaf il-ħmieġ tal-ġisem, imma għax hi talba lil Alla ħierġa minn kuxjenza safja bis-saħħa tal-qawmien taʼ Ġesù Kristu.” (1 Pietru 3:21, korsiv tagħna.) L-arka kienet evidenza soda li Noè wettaq lealment ix-xogħol li tah Alla. Wara li tlesta x-xogħol taʼ l-arka, id-“dinja taʼ dak iż-żmien tgħarrqet u ntilfet.” (2 Pietru 3:6) Imma Noè u l-familja tiegħu, “tmienja biss, salvaw bis-saħħa taʼ l-ilma.”—1 Pietru 3:20.
13. Minn xiex jiġi salvat Kristjan permezz tal-magħmudija fl-ilma?
13 Illum, dawk li jiddedikaw lilhom infushom lil Jehovah fuq il-bażi tal-fidi fi Kristu rxoxtat jitgħammdu bħala simbolu taʼ din id-dedikazzjoni. Huma jibqgħu jagħmlu r-rieda t’Alla għal żmienna u jiġu salvati minn din id-dinja mill-agħar preżenti. (Galatin 1:3, 4) M’għadhomx mexjin lejn il-qerda mas-sistema t’affarijiet mill-agħar taʼ llum. Huma jiġu salvati minnha u jgawdu kuxjenza tajba m’Alla. L-appostlu Ġwanni jassigura lill-qaddejja t’Alla: “Id-dinja bil-ġibdiet tagħha tgħaddi, iżda min jagħmel ir-rieda taʼ Alla jibqaʼ għal dejjem.”—1 Ġwann 2:17.
Inwettqu r-Responsabbiltajiet Tagħna
14. Għala l-magħmudija fiha nfisha m’hijiex garanzija taʼ salvazzjoni?
14 Nagħmlu ħażin jekk nikkonkludu li l-magħmudija fiha nfisha hija garanzija taʼ salvazzjoni. Għandha valur biss jekk wieħed ikun verament iddedika lilu nnifsu lil Jehovah permezz taʼ Ġesù Kristu u wara jagħmel ir-rieda t’Alla, waqt li jibqaʼ leali sa l-aħħar. “Min jibqaʼ jżomm sħiħ sa l-aħħar, dan isalva.”—Mattew 24:13.
15. (a) Illum x’inhi r-rieda t’Alla għall-Kristjani mgħammdin? (b) Li nkunu dixxipli Kristjani kemm għandu jkun importanti f’ħajjitna?
15 Ir-rieda t’Alla għal Ġesù kienet tinkludi l-mod kif uża ħajtu bħala bniedem. Ħajtu kellha tingħata bħala sagrifiċċju. Fil-każ tagħna, ġisimna jrid jiġi preżentat lil Alla, u rridu ngħixu ħajja taʼ sagrifiċċju hekk kif nagħmlu r-rieda t’Alla. (Rumani 12:1, 2) Ma nkunux qed nagħmlu r-rieda t’Alla jekk saħansitra kultant, għax irridu, inġibu ruħna bħad-dinja taʼ madwarna jew niċċentraw ħajjitna madwar miri egoistiċi, waqt li nagħtu biss servizz minimu lil Alla. (1 Pietru 4:1-3; 1 Ġwann 2:15, 16) Meta ċertu Lhudi staqsa dwar x’kellu jagħmel biex jikseb il-ħajja taʼ dejjem, Ġesù rrikonoxxa l-importanza taʼ li wieħed jgħix ħajja nadifa moralment. Imma mbagħad ipponta lejn xi ħaġa saħansitra iktar importanti: il-bżonn li tkun dixxiplu Kristjan, segwaċi taʼ Ġesù. Dan irid ikun il-prijorità fil-ħajja. Ma jistax jiġi fit-tieni post wara l-attivitajiet materjali.—Mattew 19:16-21.
16. (a) Liema responsabbiltà għandhom il-Kristjani kollha f’konnessjoni mas-Saltna? (b) Kif inhu muri f’paġni 116 u 117, liema huma xi modi effettivi fejn nistgħu nagħmlu x-xogħol tas-Saltna? (ċ) Is-sehem minn qalbna kollha fix-xogħol t’għoti taʼ xiehda jagħti evidenza taʼ liema ħaġa?
16 Tajjeb li nerġgħu nenfasizzaw li r-rieda t’Alla għal Ġesù kienet tinkludi attività vitali f’konnessjoni mas-Saltna t’Alla. Ġesù nnifsu kien maħtur bħala Sultan. Imma waqt li kien fuq l-art, hu ta wkoll xiehda b’żelu kbir rigward is-Saltna. Għandna xogħol taʼ xiehda simili x’nagħmlu, u għandna kull raġun biex nieħdu sehem fih b’qalbna kollha. Jekk nagħmlu dan, aħna nuru l-apprezzament tagħna għas-sovranità taʼ Jehovah kif ukoll imħabbitna għall-bnedmin sħabna. (Mattew 22:36-40) Nuru wkoll li aħna magħqudin m’aduraturi sħabna mad-dinja kollha, li lkoll huma xandara tas-Saltna. Flimkien, f’unità globali, aħna nimxu ’l quddiem lejn il-mira tal-ħajja taʼ dejjem fuq l-art, taħt din is-Saltna.
Diskussjoni Bħala Reviżjoni
• Liema similaritajiet u differenzi hemm bejn il-magħmudija taʼ Ġesù u l-magħmudija fl-ilma llum?
• Xi jfisser li titgħammed “fl-isem tal-Missier u taʼ l-Iben u taʼ l-Ispirtu s-Santu”?
• X’hemm involut f’li nwettqu r-responsabbiltajiet tal-magħmudija Kristjana fl-ilma?
[Stampi f’paġna 116, 117]
XI MODI KIF IXXANDAR IS-SALTNA
Minn bieb għal bieb
Lill-qraba
Lil sħabek tax-xogħol
Lil sħabek taʼ l-iskola
Fit-toroq
Billi terġaʼ żżur lil dawk li wrew interess
Fl-istudji tal-Bibbja fid-djar