KAPITLU 17
Kif Tkun Ferħan
Ġeħova għala hu “l-Alla l-hieni”?
ILKOLL kemm aħna nieħdu pjaċir inkunu henjin, jew ferħanin, hux veru?— Imma ħafna nies m’humiex verament ferħanin. Taf għala?— Għax huma ma tgħallmux is-sigriet taʼ l-hena, jew il-ferħ. Jaħsbu li biex ikunu ferħanin, irid ikollhom ħafna affarijiet. Imma meta jkollhom dawn l-affarijiet, ma tantx idumu ferħanin.
Is-sigriet importanti huwa dan. L-Għalliem il-Kbir qal: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Mela wieħed kif jistaʼ jkun hieni, jew ferħan?— Iva, billi jagħti affarijiet lil nies oħra u jagħmel affarijiet għalihom. Kont tafu dan?—
Ejja naħsbu ftit iktar dwar dan. Kien Ġesù qiegħed jgħid li min jirċievi rigal ma jkunx ferħan?— Le, hu ma qalx hekk. Int tieħu pjaċir taqlaʼ r-rigali, hux veru?— Kulħadd jieħu pjaċir. Nifirħu meta nirċievu affarijiet sbieħ.
Imma Ġesù qal li hemm saħansitra iktar hena meta nagħtu. Allura, min taħseb li hu l-iktar wieħed li ta affarijiet lin-nies?— Iva, Alla Ġeħova.
Il-Bibbja tgħid li Alla “jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox.” Hu jagħtina x-xita mis-sema u jagħtina wkoll ix-xemx, ħalli l-pjanti jikbru u jkollna x’nieklu. (Atti 14:17; 17:25) Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja ssejjaħ lil Ġeħova “l-Alla l-hieni”! (1 Timotju 1:11) Waħda mill-affarijiet li jferrħu lil Alla hija l-fatt li hu jagħti lil oħrajn. U meta nagħtu, nistgħu nifirħu aħna wkoll.
X’jistaʼ jagħmlek iktar ferħan milli tiekol il-gallettini kollha waħdek?
Issa, x’nistgħu nagħtuhom lil nies oħra? Int x’taħseb?— Xi kultant, rigal jiswa l-flus. Jekk ikun rigal li tixtrih minn ħanut, trid tħallas għalih. Mela jekk trid tagħti rigal bħal dan, x’aktarx li trid iġġemmaʼ l-flus sakemm ikollok biżżejjed biex tixtri r-rigal.
Imma mhux ir-rigali kollha trid bilfors tixtrihom minn ħanut. Per eżempju, meta tkun ġurnata b’ħafna sħana, kemm tieħu pjaċir b’tazza ilma kiesħa! Mela meta tagħti dan ir-rigal lil xi ħadd li jkun bl-għatx, int jistaʼ jkollok l-hena li jiġi meta tagħti.
Forsi xi darba int u l-mamà toqogħdu tagħmlu l-gallettini flimkien, xi ħaġa li int tieħu pjaċir tagħmilha. Imma x’tistaʼ tagħmel bi ftit minn dawk il-gallettini li se jagħmlek ħafna iktar ferħan milli kieku tikolhom kollha int?— Iva, tistaʼ tagħti ftit minnhom bħala rigal lil xi ħadd mill-ħbieb tiegħek. Tixtieq tagħmel hekk xi darba?—
L-Għalliem il-Kbir u l-appostli tiegħu kienu jafu l-hena li jiġi meta tagħti. Taf x’taw huma lil nies oħra?— Tawhom l-aqwa ħaġa fid-dinja! Huma kienu jafu l-verità dwar Alla, u kienu ferħanin li jaqsmu din l-aħbar tajba m’oħrajn. Huma għamlu dan mingħajr ma ħallew lil ħadd jagħtihom xi flus għal dak li kienu taw.
Darba waħda, l-appostlu Pawlu u l-ħabib tiegħu, id-dixxiplu Luqa, iltaqgħu maʼ mara li wkoll riedet li jkollha l-hena li jiġi meta tagħti. Huma ltaqgħu magħha ħdejn xmara. Pawlu u Luqa marru hemmhekk għax kienu semgħu li dan kien post tat-talb. U veru, meta waslu, huma sabu lil xi nisa jitolbu.
Pawlu beda jgħid lil dawn in-nisa l-aħbar tajba dwar Alla Ġeħova u s-Saltna tiegħu. Waħda minnhom kien jisimha Lidja, u din qagħdet attenta ħafna. Wara, Lidja riedet tagħmel xi ħaġa biex turi li għoġbitha ħafna l-aħbar tajba li kienet semgħet. Għalhekk qalet bil-ħerqa lil Pawlu u lil Luqa: “Jekk tqisuni leali lejn Ġeħova, idħlu u oqogħdu f’dari.” U hi ġagħlithom joqogħdu għandha.—Atti 16:13-15.
Lidja x’qiegħda tgħidilhom lil Pawlu u lil Luqa?
Lidja ħadet pjaċir tilqaʼ f’darha lil dawn il-qaddejja t’Alla. Hi kienet tħobbhom għax huma għenuha titgħallem dwar Ġeħova u Ġesù u dwar kif in-nies jistgħu jgħixu għal dejjem. Ħassitha ferħana li setgħet tagħti lil Pawlu u lil Luqa ftit ikel x’jieklu u post fejn jistrieħu. Mela meta Lidja tat xi ħaġa, hi ħassitha ferħana għax verament xtaqet tagħti. Din hija xi ħaġa li rridu niftakru. Xi ħadd jistaʼ jgħidilna li rridu nagħtu rigal. Imma jekk aħna ma nkunux verament nixtiequ, m’aħniex se nkunu ferħanin meta nagħtu dan ir-rigal.
Lidja għala hi ferħana li tistaʼ tagħti xi affarijiet lil Pawlu u Luqa?
Per eżempju, immaġina li għandek ftit ħelu u tixtieq tieklu. Jekk ngħidlek li trid tagħti ftit minnu lil tifel ieħor, tieħu pjaċir tagħtih ftit?— Issa immaġina li għandek ftit ħelu u tiltaqaʼ maʼ ħabib tiegħek li tħobbu ħafna. Jekk int taqbad u tagħtih ftit ħelu mingħajr ma jgħidlek ħadd, ma tħossokx ferħan?—
Xi kultant ikun hemm xi ħadd li tant inkunu nħobbuh li nixtiequ nagħtuh kollox u ma nżommu xejn għalina. Hekk għandna nħossuna dwar Alla iktar ma nsiru nħobbuh.
Din il-mara fqira għala kienet ferħana li tagħti kulma kellha?
L-Għalliem il-Kbir kien jaf waħda mara fqira li hekk kienet tħossha. Hu raha fit-tempju f’Ġerusalemm. Din kellha biss żewġ muniti żgħar; dawn biss kellha. Imma hi tefgħethom kollha fil-kaxxa bħala kontribuzzjoni, jew rigal, għat-tempju. Ħadd ma qalilha tagħmel hekk. Kważi lanqas ħadd ma induna x’kienet għamlet. Hi għamlet hekk għax riedet u għax veru kienet tħobb lil Ġeħova. Ħassitha ferħana li setgħet tagħti.—Luqa 21:1-4.
Hemm ħafna modi kif nistgħu nagħtu. Tistaʼ taħseb f’xi ftit minnhom?— Jekk nagħtu għax veru nixtiequ, se nkunu ferħanin. L-Għalliem il-Kbir għalhekk jgħidilna: “Idraw agħtu.” (Luqa 6:38) Jekk nagħmlu hekk, inkunu qed inferrħu lil nies oħra. U aħna nkunu l-iktar nies ferħanin minnhom kollha!
Ejja naqraw ftit iktar dwar kif il-fatt li nagħtu jġib il-ferħ, f’Mattew 6:1-4; Luqa 14:12-14; u t-2 Korintin 9:7.