KAPITLU 35
Nistgħu Nqumu mill-Mewt!
JEKK immutu, taħseb li Alla jkun irid jirxoxtana, jiġifieri, jerġaʼ jagħtina l-ħajja?— Ir-raġel tajjeb Ġob kien jemmen li Alla veru jrid. Allura meta Ġob ħaseb li dalwaqt kien se jmut, hu qal lil Alla: “Tgħajjatli, u jiena nwieġbek.” Ġob qal li Alla Ġeħova kien se jixxennaq, jew irid ħafna, li jirxoxtah.—Ġob 14:14, 15, Saydon.
Ġesù jixbah eżatt lil Alla Ġeħova, Missieru. Ġesù jrid jgħinna. Meta raġel marid bil-ġdiem qallu, “Jekk trid, tistaʼ tnaddafni,” Ġesù wieġbu: “Irrid.” U hu fejjaq lir-raġel marid mill-ġdiem li kellu.—Marku 1:40-42.
Ġeħova kif wera li jħobbhom liż-żgħar?
Ġesù tgħallem mill-eżempju taʼ Missieru biex iħobb lit-tfal. Ħafna żmien twil ilu, Ġeħova darbtejn uża lill-qaddejja tiegħu biex jirxoxta lil tfal żgħar. Elija talab ħafna lil Ġeħova biex jirxoxta lit-tifel taʼ waħda mara li kienet għenet lil Elija. U Ġeħova hekk għamel. Ġeħova uża wkoll lill-qaddej tiegħu Eliżew biex jirxoxta lil tifel żgħir.—1 Slaten 17:17-24; 2 Slaten 4:32-37.
Mhux sabiħ li tkun taf li Ġeħova jħobbna daqshekk?— Hu ma jaħsibx fina meta nkunu ħajjin biss. Hu jiftakarna wkoll jekk immutu. Ġesù qal li għal Missieru l-mejtin li jħobb qishom ħajjin! (Luqa 20:38) Il-Bibbja tgħid li ‘la l-mewt, la l-ħajja, la l-affarijiet t’issa, u lanqas l-affarijiet li għad iridu jiġu ma jistgħu jifirduna mill-imħabba t’Alla.’—Rumani 8:38, 39.
Meta Ġesù kien fuq l-art, hu wera li Ġeħova kien jimpurtah mit-tfal ċkejknin. Forsi tiftakar meta Ġesù ħa l-ħin biex ikellem lit-tfal dwar Alla. Imma kont taf li Alla ta l-qawwa lil Ġesù biex iqajjem lit-tfal mill-mewt?— Ejja nitkellmu ftit dwar meta Ġesù rxoxta lit-tifla taʼ wieħed raġel li kien jismu Ġajru. Din kellha 12-il sena.
Ġajru jgħix mal-mara tiegħu u l-unika tifla tagħhom ħdejn il-Baħar tal-Galilija. Darba waħda, it-tifla timrad ħafna, u Ġajru jinduna li se tmut. Jibda jaħseb f’Ġesù, dak ir-raġel speċjali li Ġajru semaʼ li jistaʼ jfejjaq lin-nies. Allura Ġajru jmur ifittxu. Dan isib lil Ġesù f’xatt il-Baħar tal-Galilija, jgħallem lil ħafna nies.
Ġajru jiddeffes ġol-folla u jinżel għarkopptejh quddiem Ġesù. Lil Ġesù jgħidlu: ‘Binti ż-żgħira marida ħafna. Jekk jogħġbok tistaʼ tiġi tgħinha? Nitolbok, ejja.’ Ġesù jmur minnufih maʼ Ġajru. Il-folla tan-nies li ġiet biex tara lill-Għalliem il-Kbir ukoll tmur warajh. Imma wara li jimxu ftit, xi rġiel jiġu mid-dar taʼ Ġajru u jgħidulu: “Bintek mietet! Għala tibqaʼ tħabbat lill-għalliem?”
Ġesù jismaʼ lill-irġiel jgħidu dan lil Ġajru. Hu jaf kemm Ġajru għandu dwejjaq għax tilef lill-unika tifla li kellu. Allura jgħidlu: ‘Tibżax. Uri l-fidi f’Alla, u tara kif bintek ma jkollha xejn.’ Huma jibqgħu sejrin sakemm jaslu d-dar taʼ Ġajru. Il-ħbieb tal-familja qegħdin hawn jibku. Huma mdejqin għax mietet il-ħabiba żgħira tagħhom. Imma Ġesù jgħidilhom: ‘Tibqgħux tibku. It-tifla mhix mejta, imma rieqda.’
Meta Ġesù jgħid hekk, in-nies jibdew jidħqu, għax jafu li ttifla mietet. Allura għala taħseb li Ġesù qal li hija rieqda?— X’taħseb li jrid jgħallimhom lin-nies?— Iridhom ikunu jafu li l-mewt tistaʼ tkun bħal raqda fonda. Irid jgħallimhom li permezz tal-qawwa t’Alla jistaʼ jerġaʼ jagħti l-ħajja lil xi ħadd mejjet, u dan huwa faċli daqskemm hu faċli li tqajjem lil xi ħadd rieqed.
X’nitgħallmu mir-rakkont taʼ meta Ġesù rxoxta lit-tifla taʼ Ġajru?
Ġesù jitlob lil kulħadd biex joħroġ mid-dar ħlief lill-appostli tiegħu Pietru, Ġakbu, u Ġwanni u omm u missier it-tifla. Imbagħad imur fejn qiegħda t-tifla. Jaqbdilha idha u jgħid: “Tifla, qum!” U mill-ewwel din tqum u tibda timxi! Ommha u missierha jridu jtiru bil-ferħ.—Marku 5:21-24, 35-43; Luqa 8:40-42, 49-56.
Issa aħseb dwar dan. Jekk Ġesù setaʼ jerġaʼ jagħti l-ħajja lil dik it-tifla, jistaʼ hu jagħmel l-istess ħaġa lil oħrajn?— Taħseb li xi darba veru se jagħmel hekk?— Iva hekk se jagħmel. Ġesù stess qal: “Ġejja s-siegħa li fiha dawk kollha li qegħdin fl-oqbra tat-tifkira jisimgħu [leħni] u joħorġu.”—Ġwanni 5:28, 29.
Taħseb li Ġesù jrid jirxoxta lin-nies?— Eżempju ieħor fil-Bibbja jgħinna nwieġbu din il-mistoqsija. Dak li jiġri darba waħda ħdejn il-belt taʼ Najn juri kif iħossu Ġesù dwar in-nies li jkunu mdejqin f’xi funeral.
Waħda mara tinsab miexja maʼ ħafna nies oħra fil-funeral tat-tifel tagħha u flimkien ħerġin minn Najn. Xi żmien qabel kien miet ir-raġel tagħha, u issa miet l-uniku tifel tagħha. Xi dwejjaq għandha! Ħafna min-nies taʼ Najn mexjin ukoll wara l-ġisem taʼ binha hu u jittieħed barra l-belt. Il-mara qed tibki, u n-nies ma jistgħu jagħmlu xejn biex tħossha aħjar.
Dakinhar, Ġesù u d-dixxipli tiegħu jinzertaw deħlin fil-belt taʼ Najn. Ħdejn bieb il-belt jiltaqgħu man-nies li sejrin jidfnu t-tifel tal-mara. Meta Ġesù jara lill-mara tibki, jitħassarha ħafna. Qalbu tingħafas minħabba d-dwejjaq kbar tagħha. Irid jgħinha.
Allura b’mod ħelu imma sod biex hi tisimgħu, jgħidilha: “Tibqax tibki.” Kulħadd jieqaf iħares lejh minħabba dak li qed jgħid u jagħmel. Malli Ġesù jmur ħdejn il-ġisem, żgur li kulħadd qed jistaqsi f’qalbu x’se jagħmel issa Ġesù. Ġesù jitkellem, u jordna: “Żagħżugħ, ngħidlek, Qum!” Fil-pront, dan iqum bil-qiegħda! U jibda jitkellem.—Luqa 7:11-17.
Immaġina kif ħassitha dik il-mara! Kif kont tħossok int kieku terġaʼ tara lil xi ħadd għażiż li mietlek?— Ma jurix dan li Ġesù veru jħobbhom lin-nies u jrid jgħinhom?— Aħseb ftit kemm se jkun żmien sabiħ fid-dinja l-ġdida t’Alla meta nilqgħu n-nies li jerġgħu jqumu!—2 Pietru 3:13; Rivelazzjoni 21:3, 4.
L-irxoxt tal-uniku tifel taʼ din il-mara x’jurina?
Dakinhar xi wħud minn dawk li se jiġu rxoxtati se jkunu nies li konna nafuhom qabel, fosthom tfal. Se nagħrfuhom bħalma Ġajru għaraf lit-tifla tiegħu meta Ġesù rxoxtaha. Se jkun hemm oħrajn li mietu mijiet jew eluf taʼ snin ilu. Imma għax mietu żmien twil ilu ma jfissirx li Alla se jinsiehom.
Mhix xi ħaġa sabiħa li tkun taf li Alla Ġeħova u Ibnu, Ġesù, iħobbuna daqshekk?— Iriduna ngħixu, mhux għal ftit snin biss, imma għal dejjem!
Dwar it-tama sabiħa tal-Bibbja għall-mejtin, jekk jogħġbok aqra Isaija 25:8; Atti 24:15; u l-1 Korintin 15:20-22.