LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • jd kap. 3 pp. 29-41
  • Il-Jum taʼ Ġeħova—Tema Vitali

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Jum taʼ Ġeħova—Tema Vitali
  • Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • JUM ĠEĦOVA—X’INHU?
  • GĦALA ALLA TAʼ MĦABBA JAĠIXXI
  • KIF JEFFETTWAK DAN IL-​JUM?
  • URU LI INTOM LESTI
  • Profeti b’Messaġġi li Jistgħu Jeffettwawna
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • Ġeħova—L-Alla li Jbassar u Jwettaq
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • “Xandru Dan Fost il-Ġnus”
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
  • “Ibqaʼ Stennieha”
    Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
Ara Iżjed
Għix bil-Jum taʼ Ġeħova f’Moħħok
jd kap. 3 pp. 29-41

Kapitlu Tlieta

Il-​Jum taʼ Ġeħova—Tema Vitali

1, 2. (a) Għal liema tema vitali jirreferu t-​12-il profeta kollha kemm huma? (b) Xi wħud mit-​12-il profeta kif semmew direttament il-​jum taʼ Ġeħova?

“IL-​JUM il-​kbir taʼ Ġeħova fil-​qrib. Fil-​qrib u qed jgħaġġel ħafna.” (Sofonija 1:14) Il-​profeti t’Alla wissew darba wara l-​oħra dwar il-​jum taʼ Ġeħova li riesaq. Ġeneralment, huma enfasizzaw kif il-​miġja tiegħu kellha teffettwa l-​ħajja taʼ kuljum tan-​nies, il-​morali tagħhom, u l-​kondotta tagħhom. Id-​dikjarazzjonijiet tagħhom dejjem kienu urġenti. Kieku kellek tismaʼ dawn il-​messaġġi b’widnejk stess, kif kont tirreaġixxi?

2 Meta taqra dak li kitbu t-​12-il profeta se ssib li lkoll kemm huma, direttament jew indirettament, tkellmu dwar il-​jum taʼ Ġeħova.a Għalhekk, qabel ma nikkunsidraw fil-​kapitli li ġejjin l-​informazzjoni prezzjuża li lissnu dawn il-​profeti, aħseb dwar it-​tema li tissemma għal darba wara l-​oħra: il-​jum taʼ Ġeħova. Sitta mill-​profeti użaw direttament din l-​espressjoni jew termini simili. Ġoel ta deskrizzjoni ħajja tal-​“jum il-​kbir taʼ Ġeħova, jum li jqanqal il-​biżaʼ.” (Ġoel 1:15; 2:1, 2, 30-32) Għamos qal lill-​Israelin biex ilestu ruħhom ħalli jiltaqgħu m’Alla tagħhom, għax il-​jum taʼ Ġeħova kien se jkun wieħed taʼ dlam. (Għamos 4:12; 5:18) Iktar tard, Sofonija qal il-​kliem li kkwotajna fl-​ewwel paragrafu. U qrib iż-​żmien tal-​qerda taʼ Ġerusalemm, Għobadija wissa: “Jum Ġeħova kontra l-​ġnus kollha huwa qrib.”—Għobadija 15.

3. Għala nistgħu ngħidu li l-​profeti taʼ wara l-​eżilju tkellmu dwar is-​suġġett tal-​jum taʼ Ġeħova?

3 Int se tara wkoll li żewġ profeti li ntbagħtu lil-​Lhud wara li marru lura mill-​eżilju użaw espressjonijiet simili. Żakkarija tkellem dwar jum meta l-​ġnus kollha li kellhom jiġu kontra Ġerusalemm kienu se jinqerdu. Hu ta deskrizzjoni ħajja taʼ dak li kien se jseħħ fil-​“jum magħruf bħala li hu taʼ Ġeħova.” (Żakkarija 12:9; 14:7, 12-15) U Malakija fetaħ għajnejn il-​poplu t’Alla dwar il-​miġja tal-​“jum il-​kbir taʼ Ġeħova, jum li jqanqal il-​biżaʼ.”—Malakija 4:1-5.

4. Xi wħud mit-​12-il profeta kif jirreferu għall-​jum taʼ Ġeħova?

4 Għalkemm m’użawx l-​espressjoni “l-​jum taʼ Ġeħova,” l-​oħrajn mit-​12-il profeta rreferew indirettament għal dan il-​jum. Ħosea semma l-​fatt li Ġeħova kellu jitlob kont minn Israel u iktar tard minn Ġuda. (Ħosea 8:13, 14; 9:9; 12:2) Dawn il-​messaġġi spiss kienu konnessi maʼ dak li kien jagħmel Ġeħova lura f’dak iż-​żmien. Per eżempju, Ġona xandar il-​ġudizzju t’Alla fuq Ninwe, u Mikea ddeskriva x’kien se jseħħ meta Alla jaġixxi kontra l-​popli ribellużi. (Ġona 3:4; Mikea 1:2-5) Naħum wiegħed li Ġeħova kien se jagħmel vendetta mill-​avversarji Tiegħu. (Naħum 1:2, 3) Ħabakkuk għajjat għall-​ġustizzja u ddeskriva “jum taʼ niket.” (Ħabakkuk 1:1-4, 7; 3:16) Xi messaġġi f’dawn il-​kotba żgur li jippontaw lejn żviluppi li kellhom jinvolvu l-​Kristjani veri. Per eżempju, Ħaggaj, wieħed mill-​profeti taʼ wara l-​eżilju, bassar li l-​ġnus kellhom jiġu mregħdin. (Ħaggaj 2:6, 7) L-​appostlu Pawlu kkwota mill-​kliem taʼ Ħaggaj 2:6 biex iħeġġeġ lill-​Kristjani ħalli jkunu f’kundizzjoni approvata meta Alla jneħħi s-​sema mill-​agħar simboliku.—Ebrej 12:25-29; Rivelazzjoni 21:1.

JUM ĠEĦOVA—X’INHU?

5, 6. Skond il-​profeti, kif se jkun jum Ġeħova?

5 Għandek raġuni tajba biex taħseb dwar kif se jkun jum Ġeħova. Għandek mnejn tistaqsi, ‘Il-​jum taʼ Ġeħova għandu jeffettwa b’xi mod il-​ħajja tiegħi issa jew il-​futur tiegħi?’ Bħalma indikaw il-​profeti, il-​jum taʼ Ġeħova huwa perijodu meta Ġeħova jaġixxi kontra l-​għedewwa tiegħu biex jesegwixxi ġudizzju, jum taʼ battalja. Dan il-​jum li jqanqal il-​biżaʼ x’aktarx li se jkun jum taʼ ġrajjiet straordinarji fis-​smewwiet. “Ix-​xemx u l-​qamar jiddallmu, u l-​kwiekeb jitilfu d-​dija tagħhom.” (Ġoel 2:2, 11, 30, 31; 3:15; Għamos 5:18; 8:9) X’se jiġri fuq l-​art, fejn ngħixu aħna? Mikea qal: “Il-​muntanji jinħallu [taħt Ġeħova], u l-​pjanuri l-​baxxi jinferqu, bħax-​xamaʼ minħabba n-​nar, bħall-​ilmijiet li jgelglu maʼ xi niżla wieqfa.” (Mikea 1:4) Din id-​deskrizzjoni tistaʼ tkun figurattiva, imma nistgħu nikkonkludu minnha li l-​għemejjel t’Alla se jġibu effetti diżastrużi fuq l-​art u l-​abitanti tagħha. Però, mhux fuq il-​bnedmin kollha. L-​istess profeti semmew barkiet abbundanti għal dawk li ‘jfittxu dak li hu tajjeb,’ u b’hekk jibqgħu ħajjin.—Għamos 5:14; Ġoel 3:17, 18; Mikea 4:3, 4.

6 Jerġaʼ oħrajn mit-​12-il profeta taw stampa iktar ċara tal-​jum taʼ Ġeħova. Ħabakkuk iddeskriva b’mod ħaj kif Ġeħova se jfarrak “il-​muntanji eterni” u jmejjel “l-​għoljiet dejjiema,” rappreżentazzjonijiet adattati għall-​organizzazzjonijiet umani, li jistgħu jidhru bħala li huma dejjiema. (Ħabakkuk 3:6-12) Iva, il-​jum taʼ Ġeħova “huwa jum taʼ rabja qalila, jum taʼ niket u diqa, jum taʼ maltempata u ħerba, jum taʼ dlam u swidija, jum taʼ sħab u dlam ċappa.”—Sofonija 1:14-17.

7. Liema flaġell huwa mbassar, u kif għandu mnejn jitwettaq?

7 Immaġina liema tip taʼ flaġell se jiġi fuq dawk li jiġġieldu kontra Alla! “Kull wieħed se jitmermirlu laħmu għalkollox waqt li jkun wieqaf fuq saqajh; u għajnejh se jitmermru għalkollox f’ħofrithom, u lsienu se jitmermer għalkollox f’ħalqu.” (Żakkarija 14:12) Kemm jekk din il-​viżjoni se titwettaq b’mod letterali u kemm jekk le, tistaʼ tinduna li qed tbassar traġedja għal ħafna wħud. Anki jekk it-​twettiq ma jkunx letterali, l-​ilsna taʼ l-​għedewwa t’Alla se jitmermru fis-​sens li l-​kliem li jisfida tagħhom se jiġi msikket. U kwalunkwe ħsieb immaġinarju biex flimkien jieħdu azzjoni kontra l-​poplu t’Alla se jinġieb fix-​xejn.

GĦALA ALLA TAʼ MĦABBA JAĠIXXI

8, 9. (a) Biex tifhem għala Ġeħova jaġixxi kontra l-​ħżiena, x’għandek tikkunsidra? (b) Il-​lealtà tiegħek fil-​ħajja taʼ kuljum kif inhi konnessa maʼ li Ġeħova jieħu azzjoni?

8 Għandek mnejn ġieli smajt lin-​nies jistaqsu: ‘Kif jistaʼ Alla taʼ mħabba jġib diżastru bħal dan fuq l-​għedewwa tiegħu? Għandu għalfejn Alla jġib qerda bħal din fuq l-​art? Mhux Ġesù kien li ħeġġiġna biex inkomplu nħobbu saħansitra lill-​għedewwa tagħna, u b’hekk nuru li aħna wlied il-​Missier li hu fis-​smewwiet?’ (Mattew 5:44, 45) Biex twiġibhom tistaʼ tidderieġi l-​attenzjoni lejn il-​bidunett taʼ l-​inkwiet taʼ l-​umanità. Alla ħalaq lill-​ewwel koppja umana fuq xbieha tiegħu u għamilhom jixbhuh—kienu perfetti. Però, huma ġabu d-​dnub u l-​mewt fuq il-​familja umana, u b’hekk f’ħajjitna. Huma żammew maʼ Satana x-​Xitan fil-​kwistjoni taʼ min għandu d-​dritt suprem li jaħkem lill-​umanità. (Ġenesi 1:26; 3:1-19) Matul is-​sekli, Satana pprova juri li jekk il-​bnedmin jiġu inkuraġġiti jagħmlu mod ieħor ma jaqduhx lil Ġeħova. Int taf li Satana ma rnexxilux. Ġesù Kristu u ħafna qaddejja oħrajn taʼ Ġeħova żammew l-​integrità lejn Alla u wrew li huma jaqduh għax iħobbuh. (Ebrej 12:1-3) Bla dubju, tistaʼ taħseb f’ħafna wħud li qed jaqdu lil Alla lealment b’dan il-​mod.

9 Iktar minn hekk, int involut f’din il-​kwistjoni li se tintemm billi Ġeħova jelimina l-​ħażen kollu. Per eżempju, hekk kif taqra dawn it-​12-il ktieb se tinnota li xi wħud mill-​profeti ġibdu l-​attenzjoni lejn il-​ħajja lussuża tan-​nies li kienu qed jittraskuraw il-​qima taʼ Ġeħova. Il-​profeti wissew lill-​poplu t’Alla biex ‘iħallu lil qalbhom tikkunsidra triqathom’ u biex ibiddlu ħajjithom. (Ħaggaj 1:2-5; 2:15, 18; Għamos 3:14, 15; 5:4-6) Iva, il-​profeti kienu qed juru lin-​nies kif kellhom jgħixu. Dawk li aċċettaw din it-​twissija wrew li Ġeħova hu s-​Sovran tagħhom, u għalhekk urew li Satana huwa giddieb. Ġeħova se jkun leali maʼ wħud bħal dawn meta jġib fix-​xejn lill-​għedewwa tiegħu.—2 Samwel 22:26.

10. Dak li osserva Mikea kif jagħti raġuni akbar lil Ġeħova biex jaġixxi?

10 Hemm raġuni oħra għala Alla se jaġixxi. Erġaʼ ffoka l-​attenzjoni tiegħek lura lejn it-​tmien seklu Q.E.K. meta Mikea pprofetizza f’Ġuda. Billi tkellem bħallikieku hu kien il-​ġens, Mikea xebbah is-​sitwazzjoni maʼ dielja jew ġnien tal-​frott wara l-​ħsad, mingħajr ebda għeneb jew tin żejjed. Hekk kienet is-​soċjetà Lhudija, minħabba li bilkemm kont issib uħud li huma retti. L-​Israelin kienu qed jikkaċċjaw lil ċittadini sħabhom, waqt li kienu jinsabu għal-​lest biex ixerrdu d-​demm. Il-​mexxejja u l-​imħallfin tagħhom kienu determinati li jagħmlu qligħ diżonest. (Mikea 7:1-4) Kieku int kont tgħix f’din is-​sitwazzjoni, kif kont tħossok? X’aktarx li kont tagħder il-​vittmi innoċenti. B’hekk, kemm iktar Ġeħova jħoss għall-​maħqurin! Illum Ġeħova qed jifli lill-​umanità. X’taħseb li qed isib? Min jaħqar qed jisfrutta lil oħrajn bl-​aħrax u qed jattakka lil ġâru b’mod vjolenti. U dwar dawk li huma leali, hemm biss ftit minnhom meta mqabblin mal-​popolazzjoni tad-​dinja. Imma m’għandniex għalfejn niddispraw. Minħabba li jħobb lill-​vittmi, Ġeħova se jara li ssir ġustizzja.—Eżekjel 9:4-7.

11. (a) Xi jfisser il-​jum taʼ Ġeħova għal dawk li jibżgħu minnu? (b) Il-​messaġġ taʼ twissija taʼ Ġona liema effett ħalla fuq in-​Ninwin?

11 Jidher ċar li l-​jum taʼ Ġeħova jfisser qerda għall-​għedewwa tiegħu u ħelsien għal dawk li jibżgħu minnu u jaqduh.b Mikea bassar li l-​ġnus kellhom jiġru lejn il-​muntanja tad-​dar taʼ Ġeħova, u dan kellu jwassal għal paċi u unità globali. (Mikea 4:1-4) Lura għal dak iż-​żmien, għamel xi differenza fil-​ħajja tan-​nies il-​fatt li l-​profeti kienu qed ixandru l-​jum taʼ Ġeħova? Għal xi wħud għamel differenza. Ftakar li meta Ġona xandar ġudizzju kontra Ninwe, l-​abitanti taʼ din il-​belt, li kienu vjolenti u ħżiena, “bdew ipoġġu l-​fidi f’Alla” u “daru lura minn triqithom il-​ħażina.” Minħabba f’hekk, Ġeħova żamm lura milli jġib gwaj fuqhom f’dak iż-​żmien. (Ġona 3:5, 10) Il-​messaġġ dwar il-​jum li kien riesaq biex Ġeħova jagħmel ġudizzju effettwaha l-​ħajja tan-​Ninwin!

KIF JEFFETTWAK DAN IL-​JUM?

12, 13. (a) It-​12-il profeta dwar min ipprofetizzaw? (b) Għala nistgħu ngħidu li l-​kliem profetiku tat-​12-il profeta kien jipponta lejn twettiq li kellu jseħħ ħafna żmien ’il quddiem?

12 Hemm min għandu mnejn joġġezzjona, ‘Imma dawn il-​profeti għexu ħafna sekli ilu. Kif jeffettwawni l-​messaġġi tagħhom dwar jum Ġeħova?’ Huwa minnu li l-​profeti għexu ħafna snin saħansitra qabel it-​twelid taʼ Ġesù, però għandna nikkunsidraw kif kliemhom dwar il-​jum taʼ Ġeħova għadu jgħodd fis-​seklu 21. Liema benefiċċji prattiċi nistgħu niksbu minn dak li qalu dwar il-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova? Hemm mod fundamentali li bih nistgħu naraw kif il-​messaġġ tagħhom għadu jgħodd u x’ġid nistgħu nieħdu minnu. Dan huwa li nirrikonoxxu li l-​profeti wissew dwar il-​jum taʼ Ġeħova kontra Israel, Ġuda, u l-​ġnus taʼ madwarhom, u ċerti qawwiet dinjin taʼ żmienhom.c Il-​punt hu li dawn il-​profeziji twettqu! Fil-​fatt, l-​Assirjani invadew lis-​Samarija, Ġuda saret ħerba fis-​sena 607 Q.E.K., u l-​ġnus ostili taʼ madwarhom inqerdu fi żmien qasir. Maż-​żmien, il-​qawwiet dinjin taʼ l-​Assirja u Babilonja waqgħu, u għalhekk wettqu dak li ġie mbassar f’xi profeziji speċifiċi.

13 Issa aħseb dwar il-​jum taʼ Pentekoste tas-​sena 33 E.K., żmien twil wara li ħafna minn dawk il-​profeziji raw l-​ewwel twettiq tagħhom. Dakinhar l-​appostlu Pietru applika l-​kliem tal-​profezija taʼ Ġoel għat-​tferrigħ taʼ l-​ispirtu qaddis t’Alla. Imbagħad Pietru kkwota mill-​ktieb taʼ Ġoel: “Ix-​xemx tinbidel fi dlam u l-​qamar f’demm qabel ma jasal il-​jum il-​kbir u glorjuż taʼ Ġeħova.” (Atti 2:20) Dan juri li kien se jkun hemm saħansitra twettiq ieħor għall-​profeziji dwar il-​jum taʼ Ġeħova. U dwar il-​profezija taʼ Ġoel, din kellha t-​tieni twettiq tagħha fis-​sena 70 E.K., meta l-​armata Rumana qerdet lil Ġerusalemm, u dan żgur li kien żmien imdallam u mdemmi.

14, 15. (a) Għala nistgħu ngħidu li l-​profeziji dwar il-​jum taʼ Ġeħova jikkonċernaw lilna llum? (b) Meta nistgħu nistennew li jseħħ il-​jum taʼ Ġeħova?

14 Madankollu, il-​profezija taʼ Ġoel u profeziji oħrajn dwar il-​jum taʼ Ġeħova għad irid ikollhom it-​twettiq finali, li japplika għalina li qed ngħixu fis-​seklu 21. Dan kif? Pietru wissa lill-​Kristjani biex jibqgħu ‘jżommu dejjem f’moħħhom il-​preżenza tal-​jum taʼ Ġeħova.’ L-​appostlu ssokta jgħid: “Hemm smewwiet ġodda u art ġdida li aħna qed nistennew skond il-​wegħda tiegħu, u f’dawn tgħammar il-​ġustizzja.” (2 Pietru 3:12, 13) Ma kienx hemm smewwiet ġodda (gvern teokratiku ġdid) b’art ġdida (soċjetà taʼ nies sewwa taħt dan il-​gvern) li ġew stabbiliti eżatt wara l-​qerda taʼ Ġerusalemm fis-​sena 70 E.K. Allura l-​kliem profetiku dwar il-​jum taʼ Ġeħova bilfors li għandu twettiq ieħor. Iva, dawn il-​profeziji huma dwarna llum li qed ngħixu fi “żminijiet kritiċi”!—2 Timotju 3:1.

15 Id-​deskrizzjoni sħiħa tal-​jum taʼ Ġeħova li hija preżentata f’dawn it-​12-il ktieb tal-​Bibbja ġġegħelna naħsbu dwar kliem Ġesù Kristu: “Ikun hemm tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-​bidu tad-​dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn.” Hu qal li “minnufih” malli tkun bdiet din it-​tribulazzjoni l-​kbira, “ix-​xemx tiddallam, u l-​qamar ma jagħtix dawl, u l-​kwiekeb jaqgħu mis-​sema, u l-​qawwiet tas-​smewwiet jitheżżu.” (Mattew 24:21, 29) Dan jgħinna nidentifikaw iż-​żmien tal-​jum taʼ Ġeħova. Jinsab eżatt quddiemna. L-​Iskrittura tindika li t-​tribulazzjoni l-​kbira se teqred lil “Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza. Imbagħad, fil-​quċċata tat-​tribulazzjoni l-​kbira, il-​jum taʼ Ġeħova se jiknes lill-​għedewwa t’Alla minn fuq wiċċ l-​art.—Rivelazzjoni 17:5, 12-18; 19:11-21.

16. B’liema mod prinċipali se jitwettqu l-​profeziji dwar il-​jum taʼ Ġeħova?

16 Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova fehmu l-​karatteristiki bażiċi taʼ kif għandhom jitwettqu l-​profeziji dwar il-​jum taʼ Ġeħova. Spiss u b’diversi modi, Ġerusalemm apostata, is-​Samarija żleali, l-​Edomin ostili, l-​Assirjani vjolenti, u l-​Babiloniżi taw stampa bil-​quddiem taʼ xi aspetti tar-​reliġjon falza. Dawn ir-​reliġjonijiet kollha se jinqerdu fl-​ewwel fażi tat-​tribulazzjoni l-​kbira. Fil-​“jum il-​kbir taʼ Ġeħova, jum li jqanqal il-​biżaʼ” li se jiġi wara, il-​maħbubin politiċi u negozjanti tagħhom se jinqerdu.—Ġoel 2:31.

URU LI INTOM LESTI

17, 18. (a) Għamos għala lissen gwaj għal dawk li kienu qed “jixxennqu għall-​jum taʼ Ġeħova”? (b) X’se jiġri lil dawk li m’humiex preparati għall-​jum taʼ Ġeħova?

17 Minħabba li l-​messaġġi taʼ ġudizzju japplikaw prinċipalment għar-​reliġjon falza, xi Kristjani għandhom mnejn iħossu li m’humiex se jiġu effettwati mit-​twettiq taʼ dawn il-​profeziji. Madankollu, dak li qal Għamos lill-​Israelin huwa taʼ valur prattiku għal kulħadd: “Gwaj għal dawk li jixxennqu għall-​jum taʼ Ġeħova!” Xi Israelin fi żmien Għamos ħasbu li l-​jum taʼ Ġeħova kien se jġib barkiet biss għalihom, minħabba li kienu jemmnu li dan kien se jkun il-​jum meta Alla jaġixxi għall-​poplu tiegħu. Huma saħansitra xxennqu għal dak il-​jum! Però, għal dawk li moħħhom biss li jpaxxu lilhom infushom, il-​jum taʼ Ġeħova se “jkun dlam, u mhux dawl,” kompla Għamos. Iva, dawk l-​Israelin kienu se jesperjenzaw il-​korla taʼ Ġeħova!—Għamos 5:18.

18 Għamos imbagħad iddeskriva x’kien se jiġri lil dawk li kienu qed jixxennqu għall-​jum taʼ Ġeħova. Aħseb dwar raġel li jaħrab minn iljun u jispiċċa biex jiltaqaʼ m’ors. Meta jaħrab mill-​ors, hu jsib kenn f’dar. B’nifsu maqtugħ, jagħlaq il-​bieb warajh u jintelaq mal-​ħajt, biss biex jingidem minn serp. F’ċertu sens, dan hu l-​futur li għandhom quddiemhom dawk li m’humiex tassew lesti għall-​jum taʼ Ġeħova.—Għamos 5:19.

19. B’liema modi prattiċi għandna nħejju ruħna għall-​jum taʼ Ġeħova?

19 Tara int x’valur prattiku jistaʼ jkollu għalik dan ir-​rakkont? Ftakar li Għamos kien qed jindirizza kliemu lil dawk li kienu jagħmlu parti mill-​poplu li kien dedikat f’relazzjoni m’Alla. Xorta waħda kien hemm affarijiet dwar l-​għemejjel u l-​attitudnijiet tagħhom li kellhom bżonn jiġu rranġati. Mela ma jkunx jiswa għalik li teżamina ħajtek biex tara jekk intix turi li int lest għal dak il-​jum vitali jew jekk għandekx bżonn tagħmel xi bidliet? Kif tistaʼ turi li tassew int lest? M’għandniex xi ngħidu, mhux billi tibni xi xelter, taħżen affarijiet bażiċi taʼ l-​ikel, titgħallem kif tippurifika l-​ilma, jew billi trekken koċċ muniti tad-​deheb, bħalma għamlu xi wħud meta kien riesaq xi diżastru. “La l-​fidda u lanqas id-​deheb tagħhom ma se jkunu jistgħu jeħilsuhom f’jum il-​qilla taʼ Ġeħova,” jgħid Sofonija. Allura, il-​fatt li nkunu lesti ma jiddependix milli naħżnu affarijiet materjali. (Sofonija 1:18; Proverbji 11:4; Eżekjel 7:19) Minflok, irridu noqogħdu għassa spiritwalment u ngħixu jum wara l-​ieħor bħala wħud li aħna lesti. Għandna bżonn l-​attitudni xierqa—u l-​għemejjel tagħna jridu jappoġġawha. Mikea qal: “Jien lil Ġeħova nibqaʼ nfittex. Jien se nistenna b’attitudni xierqa lill-​Alla tas-​salvazzjoni tiegħi.”—Mikea 7:7.

20. Liema huma xi fatturi li ma jeffettwawx l-​istennija tagħna b’attitudni xierqa?

20 Jekk int qed tistenna b’din l-​attitudni xierqa, int se tagħti evidenza li int lest, għassa għall-​wasla tal-​jum taʼ Ġeħova. M’intix se tkun inkwetat dwar id-​data li fiha għandu mnejn jasal dak il-​jum jew dwar kemm ilek tistennieh. Il-​profeziji kollha rigward dak il-​jum se jitwettqu fil-​ħin xieraq li jrid Ġeħova u m’humiex se jdumu. Ġeħova qal lil Ħabakkuk: “Il-​viżjoni qed tistenna ż-​żmien stabbilit tagħha, u tibqaʼ tilheġ lejn it-​tmiem, u mhix se tigdeb. Saħansitra jekk iddum [mill-ħarsa tal-​bniedem], int ibqaʼ stennieha; għax se sseħħ żgur. Mhix se tkun tard [mill-ħarsa taʼ Ġeħova].”—Ħabakkuk 2:3.

21. Kif tistaʼ tibbenefika minn dak li se tistudja f’dan il-​ktieb?

21 F’dan il-​ktieb se titgħallem kif tistaʼ tistenna b’attitudni xierqa lill-​Alla tas-​salvazzjoni. Liema benefiċċji tistaʼ tikseb? Sewwa, aħna se niffokaw fuq parti mill-​Bibbja li forsi ma tantx int familjari magħha—l-​hekk imsejħin Profeti ż-​Żgħar li kienu 12. Għalhekk, int se tifhem ċerti punti li jġegħluk taħseb. Per eżempju, fit-​Tieni Sezzjoni, se tikkunsidra kif għandek ‘tfittex lil Ġeħova’ u tibqaʼ tgħix. (Għamos 5:4, 6) Din hija bbażata fuq dawn it-​12-il ktieb, u permezz tagħha tistaʼ titgħallem kif tistaʼ ssir taf aħjar lil Ġeħova u tifhem aħjar kemm hu importanti li taqdih, saħansitra iktar bis-​sħiħ. Bl-​għajnuna taʼ dawn il-​profeti, int żgur li se tkabbar il-​fehma tiegħek dwar il-​personalità tiegħu. Fit-​Tielet Sezzjoni se tara b’mod iktar ċar x’jistenna minnek Ġeħova fil-​mod kif tittratta mal-​membri tal-​familja tiegħek u m’oħrajn. Dan jistaʼ jgħinek tkun lest għall-​jum il-​kbir tiegħu. Finalment, fir-​Rabaʼ Sezzjoni, se teżamina l-​pariri tal-​profeti dwar kif għandha tkun l-​attitudni tiegħek hekk kif joqrob iktar il-​jum taʼ Ġeħova, u se titgħallem ukoll kif jistaʼ jiġi effettwat il-​ministeru Kristjan tiegħek. M’hemm ebda dubju li se timtela bil-​ferħ hekk kif tikkunsidra l-​messaġġ tal-​profeti dwar kif se jkun il-​futur tiegħek.

22. Kif tixtieq twieġeb għall-​pariri li nsibu fil-​kotba tat-​12-il profeta?

22 Tiftakar int il-​kliem li Sofonija qal b’urġenza u li kkwotajnieh fil-​bidu taʼ dan il-​kapitlu? (Sofonija 1:14) Il-​messaġġ tiegħu effettwa l-​ħajja tas-​sultan żagħżugħ Ġosija. Meta kellu biss 16-il sena, Ġosija beda jfittex lil Ġeħova. Meta għalaq l-​20 sena, hu beda kampanja kontra l-​qima taʼ l-​idoli, fi qbil maʼ dak li ħeġġeġ Sofonija lill-​poplu taʼ Ġuda u Ġerusalemm. (2 Kronaki 34:1-8; Sofonija 1:3-6) It-​twissija dwar il-​jum taʼ Ġeħova effettwat il-​ħajja tiegħek taʼ kuljum daqskemm effettwat il-​ħajja taʼ kuljum taʼ Ġosija? Ejja naraw kif it-​12-il profeta jistgħu jgħinu lil kull wieħed u waħda minna.

[Noti taʼ taħt]

a Kemm Isaija, li għex fl-​istess żmien taʼ l-​ewwel grupp taʼ dawn it-​12-il profeta, u kemm Eżekjel, li għex fl-​istess żmien tat-​tieni grupp, wissew ukoll dwar il-​jum taʼ Ġeħova.—Isaija 13:6, 9; Eżekjel 7:19; 13:5; ara Kapitlu 2 taʼ dan il-​ktieb, paragrafi 4-6.

b Għal iktar evidenza dwar dan l-​aspett pożittiv, jekk jogħġbok, aqra Ħosea 6:1; Ġoel 2:32; Għobadija 17; Naħum 1:15; Ħabakkuk 3:18, 19; Sofonija 2:2, 3; Ħaggaj 2:7; Żakkarija 12:8, 9; u Malakija 4:2.

c Xi wħud mit-​12-il profeta ż-​żgħar ipprofetizzaw kontra għadd taʼ ġnus u mhux kontra ġens wieħed.

X’TGĦALLIMT?

• Għal liema suġġett vitali jirreferu t-​12-il profeta kollha kemm huma?—Ġoel 1:15; Sofonija 1:7, 14.

• Kif se jkun il-​jum taʼ Ġeħova? —Ġoel 2:30, 31; Żakkarija 14:12.

• Alla li jħobb għala jaġixxi kontra l-​ħżiena, bħallikieku f’jum wieħed? —Mikea 7:2-4; Ebrej 12:1-3.

BENEFIĊĊJI GĦALIK

• Kif jistaʼ jeffettwak il-​jum taʼ Ġeħova? —Atti 2:19, 20; 2 Pietru 3:13.

• Meta tistaʼ tistenna li jseħħ il-​jum taʼ Ġeħova?—Mattew 24:21, 29.

• Kif tistaʼ turi li int lest għall-​jum taʼ Ġeħova?—Għamos 5:4, 6; Ħabakkuk 2:3.

[Stampa f’paġna 30]

“Il-​jum il-​kbir taʼ Ġeħova fil-​qrib,” bħal theddida taʼ maltempata li riesqa

[Stampa f’paġna 34]

Għala nistgħu nħossuna inkuraġġiti mill-​mod kif in-​Ninwin irreaġixxew għall-​messaġġ taʼ Ġona?

[Stampa f’paġna 39]

Nhar Pentekoste tas-​sena 33 E.K., Pietru applika l-​profezija taʼ Ġoel. Din qed titwettaq fi żmienna wkoll

[Stampa f’paġna 40]

Bħal Mikea, stenna b’attitudni xierqa lill-​Alla tas-​salvazzjoni

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja